Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bucureşti (ir-Rumanija) fil-25 ta’ Marzu 2019 – JE vs KF

(Kawża C-249/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: JE

Konvenut: KF

Domanda preliminari

Talba għal interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 1 , li jipprevedi li [“f]ejn il-liġi applikabbli taħt l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 8 ma tipprevedix id-divorzju jew ma tagħtix lil wieħed mill-konjuġi aċċess indaqs għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali minħabba s-sess tagħhom, għandha tapplika l-liġi tal-forum”, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-frażi “il-liġi applikabbli taħt l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 8 ma tipprevedix id-divorzju”:

– għandhiex tiġi interpretata b’mod restrittiv u litterali, jiġifieri bħala li tirrigwarda biss is-sitwazzjonijiet li fihom il-liġi barranija applikabbli ma tkun tipprevedi l-ebda forma ta’ divorzju, jew inkella jekk għandiex tiġi interpretata b’mod iktar wiesa’, fis-sens li tinkludi wkoll is-sitwazzjonijiet li fihom il-liġi barranija applikabbli tipprevedi d-divorzju, iżda biss taħt kundizzjonijiet estremament restrittivi, li timplika proċedura obbligatorja ta’ separazzjoni personali qabel id-divorzju, proċedura li fir-rigward tagħha il-liġi tal-forum ma tipprovdix dispożizzjonijiet proċedurali ekwivalenti.

____________

1  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU 2010, L 343, p. 10).