Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (l-Awstrija) fl-14 ta’ Marzu 2019 – DX

(Kawża C-227/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesverwaltungsgericht Steiermark

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti DX

Awtorità konvenuta: Bürgermeister der Stadt Graz

Intervenjenti: Finanzpolizei

Domandi preliminari

L-Artikolu 56 TFUE kif ukoll id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi 1 u d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li timplimenta d-Direttiva 96/71/KE 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali li, fil-każ ta’ ksur tal-obbligi formali dwar l-impjieg transkonfinali ta’ ħaddiema, bħalma huma n-nuqqas li jitħejjew dokumenti dwar il-pagi jew in-nuqqas li jiġu ppreżentati dikjarazzjonijiet quddiem iz-Zentrale Koordinationsstelle (l-Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni Ċentrali, l-Awstrija), tipprevedi multi għolja ħafna, u b’mod partikolari multi minimi għolja, li jiġu imposti b’mod kumulattiv għal kull ħaddiem ikkonċernat?

Fil-każ li l-ewwel domanda ma tingħatax risposta fl-affermattiv:

L-Artikolu 56 TFUE kif ukoll id-Direttiva 96/71 u d-Direttiva 2014/67 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, fil-każ ta’ ksur tal-obbligi formali dwar l-impjieg transkonfinali ta’ ħaddiema, jiġu imposti multi kumulattivi mingħajr limitu massimu assolut?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66.

2     Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ĠU 2014, L 159, p. 11).