Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Novembru 2010 - Heath vs BĊE

(Kawża F-121/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Michael Heath (Southampton, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)

Konvenut: Bank Ċentrali Ewropew

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Annullament tad-dikjarazzjonijiet tal-pensjoni tar-rikorrent għax-xahar ta' Jannar 2010 u tax-xhur segwenti, sa fejn dawn japplikaw żieda fil-pensjoni ta' 0.6 % wara eżerċizzju ta' aġġustament tal-pensjonijiet għall-2010, u l-kumpens għad-dannu subit mir-rikorrent.

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-dikjarazzjoni tas-salarju ta' Jannar 2010 u tax-xhur segwenti sa fejn din tapplika żieda fil-pensjoni ta' 0.6 %, sabiex tapplika żieda ta' 2.1 % ikkalkolata skont GSA regolari;

sa fejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjonijiet ta' ċaħda tat-talbiet għal reżami u tal-ilmenti mressqa mir-rikorrenti, deċiżjonijiet bid-dati rispettivament tal-11 ta' Mejju 2010 u tad-9 ta' Settembru 2010;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tad-differenza bejn iż-żieda fil-pensjoni ta' 0.6 % mogħtija illegalment lir-rikorrent sa minn Jannar 2010 u dik ta' 2.1 % li kellu jkollu dritt għaliha, jiġifieri żieda fil-paga ta' 1.5 % fix-xahar sa minn Jannar 2010. Dawn l-ammonti għandhom jitħallsu bl-interessi mill-iskadenza rispettiva sal-ġurnata tal-ħlas effettiv, ikkalkolati abbażi ta' rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b'żewġ punti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta' EUR 5 000, għall-ħlas ta' dannu materjali tar-rikorrent li jirriżulta mit-telf tal-kapaċità ta' akkwist tiegħu;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta' EUR 5 000, ikkalkolati ex aequo et bono bħala kumpens għad-danni morali;

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

____________