Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fl-10 ta’ Ġunju 2020 – “Toplofikatsia Sofia” EAD

(Kawża C-256/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: “Toplofikatsia Sofia” EAD

Domandi preliminari

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 , moqri flimkien mal-prinċipju ta’ għoti ta’ rimedji proċedurali mill-qorti nazzjonali li jiżguraw protezzjoni effettiva tad-drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali tad-debitur, bħala rekwiżit preliminari tad-dritt nazzjonali sabiex tinfetaħ proċedura formali unilaterali mingħajr kompilazzjoni ta’ provi, bħalma huwa l-ħruġ ta’ ordni ta’ eżekuzzjoni, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tinterpreta kull dubju raġonevoli dwar jekk id-debitur għandux ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni bħala assenza ta’ bażi legali għall-ħruġ ta’ tali ordni, jew bħala bażi li tipprekludi li l-ordni tikseb saħħa eżekuttiva?

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ għoti ta’ rimedji proċedurali mill-qorti nazzjonali li jiżguraw protezzjoni effettiva tad-drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali, li wara li tkun ħarġet l-ordni li għandha tiġi eżegwita kontra d-debitur tikkonstata li dan id-debitur probabbilment ma għandux ir-residenza abitwali tiegħu fl-Istat tal-qorti u fil-każ li dan jikkostitwixxi ostakolu għall-ħruġ tal-ordni li għandha tiġi eżegwita kontra tali debitur fid-dritt nazzjonali, tinvalida ex officio l-ordni li għandha tinħareġ, u dan minkejja l-assenza ta’ dispożizzjoni legali espliċita f’dan is-sens?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-[tieni] domanda, dan ifisser li d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-istess domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lill-qorti nazzjonali tinvalida l-ordni li għandha tinħareġ jekk tkun fittxet u kkonstatat b’ċertezza li d-debitur ma għandux ir-residenza abitwali tiegħu fl-Istat tal-qorti adita?

____________

1     ĠU 2012, L 351, p. 1.