Language of document : ECLI:EU:F:2007:172

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

10 ta’ Ottubru 2007

Kawża F‑107/06

Michael Berrisford

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2005 – Għoti ta’ punti ta’ prijorità – Regoli ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, imressaq abbażi ta’ l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Berrisford jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni li ismu ma jiġix inkluż fil-lista, ippubblikata fit-23 ta’ Novembru 2005 fl-Avviżi Amministrattivi Nru 85‑2005, ta’ l-uffiċjali promossi għall-grad A*13 fil-proċedura ta’ promozzjoni għas-sena 2005, u l-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu s-somma ta’ EUR 25 000 bħala danni.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni li isem ir-rikorrent ma jiġix inkluż fil-lista ta’ l-uffiċjali promossi għall-grad A*13 fil-proċedura ta’ promozzjoni għas-sena 2005 hija annullata. It-talbiet l-oħra tar-rikors huma miċħuda. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

Meta l-Awtorità tal-Ħatra tagħmel l-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati għal promozzjoni, skond l-Artikolu 45 tar-Regolament tal-Persunal, hija għandha l-obbligu li teżamina, bir-reqqa u b’mod imparzjali, l-elementi rilevanti kollha ta’ kull kandidat.

Il-fatt li uffiċjal kien is-suġġett ta’ proposta għal promozzjoni, li ma ġietx effettivament segwita, fi proċeduri ta’ promozzjoni preċedenti huwa element li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni. Fil-fatt, dan il-fatt jikkostitwixxi element ta’ mertu rilevanti, bil-kundizzjoni li fil-frattemp il-mertu tal-persuna kkonċernata ma jkunx naqas.

In-natura obbligatorja ta’ dan it-teħid in kunsiderazzjoni hija kkonfermata mir-regoli ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolament tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, li jistabbilixxu li l-promozzjoni għandha tingħata wara paragun tal-merti individwali evalwati fit-tul.

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ dawn il-proposti preċedenti jista’ jwassal sabiex sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod.

Jekk jirriżulta li l-kriterji għall-għoti ta’ punti ta’ prijorità adottati mill-Kumitat tal-Promozzjonijiet jimpedixxu t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dan l-aspett partikolari tal-meriti, l-Awtorità tal-Ħatra, li hija marbuta li tirrispetta r-regoli ġuridiċi ta’ livell ogħla, m’għandhiex tapplika l-imsemmija kriterji.

(ara l-punti 67, 68, 71 sa 76 u 103)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Diċembru 1991, Frederiksen vs Il‑Parlament, T‑169/89, Ġabra p. II‑1403, punt 69; 4 ta’ Mejju 2005, Sena vs AESA, T‑30/04, ĠabraSP p. I‑A‑113 et II‑519, punt 80; 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 69; 6 ta’ Ġunju 2007, Parlante vs Il‑Kummissjoni, T‑432/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 97