Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzgericht (l-Awstrija) fis-6 ta’ Awwissu 2020 – QY vs Finanzamt Wien für den 8., 16. und 17. Bezirk

(Kawża C-372/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: QY

Konvenut: Finanzamt Wien für den 8., 16. und 17. Bezirk

Domandi preliminari

L-ewwel domanda:

L-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri b’mod partikolari sitwazzjoni li fiha ħaddiema impjegata ċittadina ta’ Stat Membru fejn hija u uliedha għandhom ir-residenza tagħhom, li taġixxi bħala ħaddiema fil-qasam tal-iżvilupp f’relazzjoni ta’ xogħol ma’ persuna li timpjega li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, li taqa’ skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat tas-sede taħt is-sistema ta’ assigurazzjoni obbligatorja, li hija kkollokata mill-persuna li timpjegaha fi Stat terz mhux immedjatament wara r-reklutaġġ tagħha iżda fi tmiem perijodu ta’ taħriġ u li mbagħad tiġi lura fl-Istat tas-sede għal fażi ta’ reintegrazzjoni?

It-tieni domanda:

Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 53(1) tal-Familienlastenausgleichsgesetz (il-Liġi dwar il-Kumpens għall-Ispejjeż tal-Familja) li tistabbilixxi b’mod partikolari sistema awtonoma ta’ assimilazzjoni għaċ-ċittadini Awstrijaċi tikser il-projbizzjoni ta’ traspożizzjoni ta’ regolamenti fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE?

It-tielet u r-raba’ domandi jikkonċernaw il-każ fejn is-sitwazzjoni tar-rikorrenti taqa’ taħt l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 u fejn id-dritt tal-Unjoni jobbliga esklużivament l-Istat ta’ residenza sabiex jipprovdi benefiċċji tal-familja.

It-tielet domanda:

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilit għall-ħaddiema impjegati fl-Artikolu 45(2) TFUE u, sussidjarjament, fl-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali bħall-Artikolu 13(1) tal-Entwicklungshelfergesetz (il-Liġi dwar l-Għajnuna għall-Iżvilupp), fil-verżjoni fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2018, li tissuġġetta d-dritt għal benefiċċji tal-familja fl-Istat Membru li ma għandux kompetenza skont id-dritt tal-Unjoni għall-kundizzjoni li l-ħaddiem fil-qasam tal-iżvilupp kellu qabel il-bidu tal-impjieg iċ-ċentru tal-interessi tiegħu, jiġifieri r-residenza abitwali tiegħu, fit-territorju tal-Istat Membru tas-sede, filwaqt li jitqies li din il-kundizzjoni għandha tiġi ssodisfatta wkoll miċ-ċittadini Awstrijaċi?

Ir-raba’ domanda:

L-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 60(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istituzzjoni tal-Istat Membru li r-rikorrenti ppreżumiet li għandu bi prijorità l-kompetenza bħala Stat tal-impjieg u li fih tressqet l-applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja, meta l-leġiżlazzjoni tiegħu la hija applikabbli b’mod prijoritarju u lanqas b’mod sekondarju, [u li fih] jeżisti madankollu dritt għal benefiċċji tal-familja fuq il-bażi ta’ regola sussidjarja tad-dritt tal-Istat Membru, għandha tapplika b’analoġija d-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu li l-applikazzjoni tintbagħat, li l-parti kkonċernata tiġi informata, li tittieħed deċiżjoni provviżorja dwar ir-regoli ta’ prijorità applikabbli u dwar l-għoti ta’ benefiċċju ta’ flus provviżorju?

Il-ħames domanda:

L-obbligu li tittieħed deċiżjoni provviżorja dwar ir-regoli ta’ prijorità applikabbli huwa impost biss fuq l-awtorità konvenuta bħala istituzzjoni jew huwa impost ukoll fuq il-qorti amministrattiva adita b’rikors?

Is-sitt domanda:

F’liema mument hija l-qorti amministrattiva marbuta tieħu deċiżjoni provviżorja dwar ir-regoli ta’ prijorità applikabbli?

Is-seba’ domanda tikkonċerna l-każ fejn is-sitwazzjoni tar-rikorrenti taqa’ taħt l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u fejn id-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istat tal-impjieg flimkien mal-Istat ta’ residenza l-obbligu li jipprovdu benefiċċji tal-familja.

Is-seba’ domanda:

L-espressjoni “dik l-istituzzjoni għandha tibgħat dik l-applikazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 68(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-espressjoni “hija għandha tibgħat (…) l-applikazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jorbtu reċiprokament lill-istituzzjoni tal-Istat Membru b’kompetenza ta’ prijorità u lill-istituzzjoni tal-Istat Membru b’kompetenza sekondarja sal-punt li huma ż-żewġ Stati Membri li għandhom jissodisfaw konġuntament applikazzjoni WAĦDA (waħda biss) għall-benefiċċji tal-familja jew il-ħlas kumplimentari obbligatorju jekk ikun il-każ tal-istituzzjoni tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli f’livell sekondarju, għandu jintalab separatament mill-applikant b’mod li l-applikant għandu jressaq żewġ applikazzjonijiet fiżiċi (formoli) quddiem żewġ istituzzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri, li fir-rigward tagħhom jiddekorru naturalment żewġ termini distinti?

It-tmien u d-disa’ domanda jikkonċernaw il-perijodu wara l-1 ta’ Jannar 2019, data li fiha l-Awstrija introduċiet fl-istess ħin l-indiċjar tal-benefiċċji tal-familja u waqqfet l-għoti tagħhom lill-ħaddiema fil-qasam tal-iżvilupp billi ħassret l-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar l-Għajnuna għall-Iżvilupp.

It-tmien domanda:

L-Artikoli 4(4), 45, 208 TFUE, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 2, 3, 7 u t-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu b’mod ġenerali lil Stat Membru milli jwaqqaf il-benefiċċji tal-familja għall-ħaddiem fil-qasam tal-iżvilupp li jieħu lill-membri tal-familja tiegħu fil-post assenjat lilu fl-Istat terz?

Sussidjarjament, id-disa’ domanda:

L-Artikoli 4(4), 45, 208 TFUE, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 2, 3, 7 u t-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, jiggarantixxu, lil ħaddiem fil-qasam tal-iżvilupp li jkun diġà kiseb dritt għal benefiċċji tal-familja għal perijodi preċedenti, żamma individwali konkreta ta’ dan id-dritt għal perijodi [sussegwenti] minkejja li l-Istat Membru jkun ħassar l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja għall-ħaddiema fil-qasam tal-iżvilupp?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.

2     ĠU 2009, L 284, p. 1.