Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ottubru 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-730/19)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Y. Marinova, E. Manhaeve)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa 1 , ikkunsidrat flimkien mal-Anness XI tagħha, billi b’mod sistematiku u kostanti ma tosservax, fiż-żona BG0006 (fil-parti tax-Xlokk tal-Bulgarija):

mill-2007, il-valur ta’ limitu għal kull siegħa għad-dijossidu tal-kubrit,

mill-2007, bl-eċċezzjoni tal-2010 u tal-2012, il-valur ta’ limitu għal kull jum għad-dijossidu tal-kubrit,

tikkonstata li, mill-11 ta’ Ġunju 2010, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, ikkunsidrat flimkien mal-Parti A tal-Anness XV tagħha, u b’mod partikolari milli twettaq l-obbligu tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) li tiżgura li l-perijodu li fih jinqabżu l-valuri ta’ limitu għad-dijossidu tal-kubrit fiż-żona BG0006 (fil-parti tax-Xlokk tal-Bulgarija) jinżamm l-iqsar possibbli,

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni targumenta li r-Repubblika tal-Bulgarija kisret id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, ikkunsidrat flimkien mal-Anness XI tagħha, sa fejn fiż-żona BG0006 (fil-parti tax-Xlokk tal-Bulgarija) hemm nuqqas sistematiku u kostanti ta’ osservanza tal-valuri ta’ limitu għal kull siegħa u għal kull jum għad-dijossidu tal-kubrit.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni targumenta li r-Repubblika tal-Bulgarija kisret id-dispożizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, ikkunsidrat flimkien mal-Parti A tal-Anness XV tagħha, sa fejn, mill-11 ta’ Ġunju 2010 hija ma inkludietx, fil-pjanijiet tagħha għall-kwalità tal-arja, miżuri speċifiċi intiżi li jiġi ggarantit li l-perijodu li fih jinqabżu l-limiti jinżamm l-iqsar possibbli.

____________

1     ĠU 2008, L 152, p. 1.