Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-51/20)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouchagiar u B. Stromsky)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi naqset milli tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża C-481/16 Il-Kummissjoni vs Il-Greċja EU:C:2017:845, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha riżultanti minn dik is-sentenza u l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFEU,

tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 26 697.89 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża C-481/16, għall-perijodu mid-data li fiha tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti sad-data li fiha s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017 tkun ġiet totalment eżegwita,

tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa, li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-ammont ta’ EUR 3 709.23 kull jum bin-numru ta’ ġranet li jkunu għaddew mill-għoti tas-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017 sad-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża preżenti.

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-27 ta’ Marzu 2004 fil-Każ SA.34572, ir-Repubblika Ellenika kellha tirkupra, fi żmien erba’ xhur, l-għajnuna inkompatibbli mogħtija lil Larco u tinforma lill-Kummissjoni, b’mod suffiċjenti fil-liġi, li ħadet il-miżuri neċessarji għal dak il-għan. L-għajnuna kienet tikkonsisti f’garanziji mill-Istat lil Larco għall-2008, l-2010 u l-2011 u f’parteċipazzjoni pubblika fiż-żieda kapitali tal-kumpanija fl-2009.

Fit-2 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiż għall-ksur tal-Artikolu 108(2) TFEU (Kawża C-481/16). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fid-9 ta’ Novembru 2017, li billi naqset milli tadotta, fit-terminu stabbilit, il-miżuri kollha neċessarji sabiex timplimenta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u billi naqset milli tinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati wara din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3 sa 5 ta’ dik id-deċizjoni u taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Billi naqset milli tieħu l-miżuri sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2017, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-deċiżjoni u l-Article 260(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

____________