Language of document : ECLI:EU:F:2011:9

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

8 ta’ Frar 2011

Kawża F-95/09

Carina Skareby

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku mis-superjur dirett — Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal — Talba għal assistenza — Terminu raġonevoli — Bidu tad-dekorrenza — Tul”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu C. Skareby titlob, sostanzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Marzu 2009, dwar ir-rifjut li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva dwar il-fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku allegatament imwettqa minn wieħed mill-ex superjuri diretti tagħha.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-4 ta’ Marzu 2009, dwar ir-rifjut li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva dwar il-fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku allegatament imwettqa minn wieħed mill-ex superjuri diretti tar-rikorrenti, hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Implementazzjoni fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku — Tressiq ta’ talba għal assistenza — Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12, 24 u 90(1))

3.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Implementazzjoni fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku — Tressiq ta’ talba għal assistenza — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu li għandu jiġi osservat

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

4.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Implementazzjoni fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku — Tressiq ta’ talba għal assistenza — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Tul tat-terminu

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

1.      Fir-rigward ta’ kwistjoni daqstant serja bħal ma hija l-fastidju psikoloġiku, għandu jiġi rrikonoxxut li l-uffiċjal li jallega li huwa vittma ta’ fastidju psikoloġiku, li jikkontesta rifjut tal-istituzzjoni li teżamina fuq il-mertu talba għal assistenza, iżomm fil-prinċipju l-interess ġuridiku mitlub mill-ġurisprudenza bħala rekwiżit ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, anki meta ma jkunx qed jitlob kumpens għad-dannu li jkun sofra mill-fastidju allegat, u lanqas il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari fil-konfront tal-awtur preżunt tal-fastidju, u l-fastidju jkun meqjus li waqaf minn numru ta’ snin.

Soluzzjoni bħal din hija neċessarja qabel kollox minħabba l-gravità stess tal-prattika ta’ fastidju psikoloġiku, prattika li tista’ jkollha effetti estremament koroh fuq is-saħħa ta’ persuna. Il-vittma allegata ta’ fastidju psikoloġiku żżomm l-interess ġuridiku tagħha, indipendentement mill-kwistjoni li jsir magħruf jekk dan il-fastidju għadux iseħħ jew jekk il-persuna inkwistjoni tkunx qed tifformula, jew saħansitra jkollha d-dritt jew l-intenzjoni li tifformula, talbiet oħra, b’mod partikolari kumpensatorji, b’relazzjoni mal-fastidju morali. Ir-rikonoxximent eventwali mill-amministrazzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’, fih innifsu, ikollu effett benefiku għall-proċess terapewtiku ta’ rikostruzzjoni tal-persuna li tkun sofriet fastidju.

(ara l-punti 23, 25 u 26)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 30 ta’ Novembru 2009; Wenig vs Il‑Kummissjoni, F‑80/08, punt 35

2.      L-osservanza ta’ terminu, li għandu jkun “raġonevoli”, hija mitluba fil-każijiet kollha fejn, meta t-testi ma jgħidu xejn, il-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jkunu ta’ xkiel għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi meta jaġixxu mingħajr limitu ta’ żmien, u b’hekk ikun hemm ir-riskju, b’mod partikolari, li jipperikolaw l-istabbiltà tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi miksuba.

Sa fejn talba għal assistenza minħabba fastidju psikoloġiku allegat twassal għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ aġir illegali u illeċitu fil-konfront ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal u fejn ma jiġix eskluż li tali aġir, li jkun seħħ fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-awtur preżunt tal-fastidju, ikun jista’, jekk ikun il-każ, iwassal għar-responsabbiltà tal-istituzzjoni kkonċernata, it-talba għal assistenza li tirrigwarda dan l-aġir ikollha relazzjoni ġuridika mat-talba kumpensatorja sottomessa lill-amministrazzjoni minn uffiċjal bis-saħħa tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, fil-qasam kumpensatorju, il-ġurisprudenza teżiġi l-osservanza ta’ terminu, li għandu jkun “raġonevoli”. Hemm ukoll lok li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ terminu neċessarju għall-uffiċjal sabiex jippreżenta talba għal assistenza fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku.

(ara l-punti 41, 43 u 44)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il‑Kummissjoni, T‑281/01, punti 42 u 46 sa 48; 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, punti 57 u 66; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il‑Kummissjoni, F‑30/08, punt 117, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑308/10 P; 9 ta’ Lulju 2010, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑91/09, punt 32, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑450/10 P

3.      Skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-fastidju psikoloġiku jimmanifesta ruħu tul iż-żmien, b’mod repetittiv jew b’mod sistematiku. Il-fastidju psikoloġiku għaldaqstant huwa ksur kontinwat fih innifsu, u jidher neċessarjament matul iż-żmien u jippreżumi l-eżistenza ta’ aġir irrepetut jew sistematiku sabiex jitqies li jkun twettaq. Barra minn hekk, is-sintomi jistgħu jidhru biss wara ċertu żmien wara li jseħħu l-ewwel atti ta’ fastidju psikoloġiku li bihom vittma tieħu konoxxenza sħiħa tas-sinjifikat ta’ dawn l-atti, peress li l-imsemmija vittma spiss ikollha bżonn ta’ żmien sabiex tinduna b’dak li jkun qed jiġri u tirreaġixxi għall-influwenza ta’ min iwettaq il-fastidju.

B’hekk, kien jidher xieraq, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-fastidju psikoloġiku u tal-eżiġenza taċ-ċertezza legali, li dak li jkun jibbaża ruħu fuq kriterji oġġettivi, billi jitqies bħala bidu tad-dekorrenza tat-terminu għat-tressiq ta’ talba għal assistenza fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku l-aħħar att tal-awtur preżunt tal-fastidju psikoloġiku jew, f’kull każ, il-mument li minnu l-awtur preżunt ma jkunx jista’ jġedded l-aġir tiegħu fil-konfront tal-vittma, u dan indipendentement kemm mill-konoxxenza jew l-għarfien mill-vittma tal-varji atti ta’ fastidju psikoloġiku kif ukoll mill-att li bih il-kondotta abbużiva tal-awtur preżunt tal-fastidju psikoloġiku tikseb in-natura ta’ “tul iż-żmien” jew “sistematika” mitluba sabiex twassal għall-eżistenza ta’ fastidju bħal dan.

(ara l-punti 47 u 49)

4.      Fir-rigward tar-relazzjoni ġuridika bejn it-talba għal kumpens tal-uffiċjali u t-talba għal assistenza bbażata fuq l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, u fin-nuqqas ta’ kull raġuni rilevanti li biha jitneħħa l-paragun imsemmi iktar ’il fuq, hemm lok li jintqal, l-ewwel nett, li t-terminu sabiex tiġi ppreżentata talba għal assistenza għandu jkun raġonevoli, it-tieni nett, li tul ta’ ħames snin, skont it-terminu indikat fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitqies, bħala regola, li huwa raġonevoli sabiex wieħed ikun jista’ jirrapporta fastidju psikoloġiku quddiem l-amministrazzjoni u jitlob l-assistenza tagħha, filwaqt li tintalab investigazzjoni amministrattiva f’dan ir-rigward. Fil-fatt, dan it-tul ta’ żmien jippermetti kemm lill-amministrazzjoni tissodisfa kompletament id-dmir tagħha ta’ premura u l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li tieħu eventwalment miżuri fuq l-inizjattiva tagħha, kif ukoll lill-persuna kkonċernata jkollha perijodu ta’ żmien twil biżżejjed sabiex tinvoka l-pretensjonijiet tagħha quddiem l-istituzzjoni; huwa jippermetti wkoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku, jiġifieri l-fatt li, minn naħa, is-sintomi jkunu jistgħu jidhru biss wara li jkun għadda ċertu żmien wara l-ewwel atti li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku u, min-naħa l-oħra, il-vittma spiss ikollha bżonn ta’ żmien sabiex tinduna x’qed jiġrilha u tirreaġixxi għall-influwenza ta’ min iwettaq il-fastidju

Madankollu, u b’analoġija għal dak li huwa rrikonoxxut fil-qasam tar-rikorsi għad-danni tal-uffiċjali, it-terminu ta’ ħames snin sabiex tiġi ppreżentata talba għal assistenza fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku ma għandux jitqies li huwa regola riġida li ma tistax tinbidel. B’mod partikolari, jekk talba għal assistenza fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku ppreżentata fit-terminu hija bħala regola ammissibbli, tista’ tinqala sitwazzjoni differenti fil-każ ta’ ċirkustanzi partikolari, li għandhom jiġu evalwati skont is-sitwazzjoni tat-tilwima, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 53 u 54)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑87/07, punt 30