Language of document : ECLI:EU:F:2012:160

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

22 ta’ Novembru 2012

Kawża F‑84/11

Barthel et

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Rifjut li jingħata lir-rikorrenti l-benefiċċju ta’ allowance għal xogħol bix-xift – Deċiżjoni konfermattiva – Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat ”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Y. Barthel, M. Reiffers u L. Massez ippreżentaw dan ir-rikors intiż, fl-ewwel lok, għall-annullament tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2011 li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċaħdet l-ilment tagħhom imressaq kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba tagħhom tal-14 ta’ Lulju 2010 intiża sabiex jibbenefikaw, ex nunc, mill-allowance għal xogħol bix-xift. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi kkundannata tħallashom, individwalment, EUR 10 700.76 bħala kumpens għad-dannu materjali tagħhom u s-somma ta’ EUR 3 000 għad-dannu morali tagħhom.

Deċiżjoni: Ir-rikors ta’ Y. Barthel, ta’ M. Reiffers u ta’ L. Massez huwa miċħud, parzjalment, bħala manifestament inammissibbli u, parzjalment, bħala manifestament infondat. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundananta tbati dawk sostnuti mir-rikorrenti.


Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Natura ta’ ordni pubbliku – Talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni li saret definittiva – Assenza ta’ fatt ġdid ta’ natura li jwassal sabiex it-terminu jerġa’ jibda jiddekorri mill-ġdid – Inammissibbiltà – Talba li tirrigwarda allowance ta’ natura perijodika – Assenza ta’ effett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu għall-amministrazzjoni li tindika r-rimedji ġudizzjarji u t-termini għall-preżentata ta’ rikors – Assenza

3.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Nuqqas ta’ risposta espliċita għal talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Illegalità – Kundizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

1.      In-natura perijodika ta’ allowance ma tikkostitwixxix motiv suffiċjenti li jippermetti lil uffiċjal, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, iressaq lill-Awtorità tal-Ħatra talba ġdida intiża sabiex l-imsemmija awtorità tbiddel id-deċiżjoni tagħha, li sadanittant saret definittiva, sabiex jiġu rregolati b’mod differenti l-effetti ratione temporis tal-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri mhux iktar retroattivament iżda biss għall-futur.

Fil-fatt, uffiċjal ma jistax jevita t-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal billi indirettament jikkontesta, permezz ta’ talba, deċiżjoni preċedenti li huwa ma kkontestax fit-termini. L-eżistenza biss ta’ fatti ġodda sostanzjali tista’ tiġġustifika l-eżami mill-ġdid eventwali ta’ deċiżjoni li saret definittiva.

Barra minn hekk, ma huwiex ipprojbit li l-Awtorità tal-Ħatra tadotta deċiżjoni ġdida wara d-deċiżjoni inizjali li ma kinitx is-suġġett ta’ rikors fit-termini u li għaldaqstant saret definittiva. Fil-fatt, l-imsemmija awtorità dejjem tista’ tieħu, għall-futur, deċiżjoni ġdida - suġġetta, jekk ikun il-każ, għar-rispett tad-drittijiet kweżiti -, hekk bħalma hija għandha d-dritt li tikkonferma d-deċiżjoni inizjali tagħha. Issa, f’din l-aħħar ipoteżi, peress li d-deċiżjoni l-ġdida sempliċement tikkonferma d-deċiżjoni inizjali li saret definittiva, din ma tistax tiġi kkontestata validament quddiem il-qorti.

(ara l-punti 25 sa 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 1997, Chauvin vs Il‑Kummissjoni, T‑16/97, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Settembru 2011, Cervelli vs Il‑Kummissjoni, F‑98/10

2.      Ma hemmx, sal-lum, fid-dritt tal-Unjoni, obbligu ġenerali impost fuq l-istituzzjonijiet li jinfurmaw lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal destinatarji tal-atti tagħhom dwar ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli, lanqas li jindikaw it-termini applikabbli li fihom dawn jistgħu jiġu eżerċitati. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma timponix fuq l-istituzzjonijiet l-obbligu speċifiku li jindikaw lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal l-oħra impjegati magħhom ir-rimedji ġudizzjarji u t-termini għall-preżentata ta’ rikors previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 35 u 36)

Referenza: Il-Qorti tal-Gustizzja 27 ta’ Novembru 2007, Diy-Mar Insaat Sanayi vs Ticaret u Akar vs Il‑Kummissjoni, C‑163/07 P, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      L-eżistenza ta’ dannu li jista’ jirriżulta mill-għażla tal-Awtorità tal-Ħatra li tirrikorri għaċ-ċaħda impliċita minflok għaċ-ċaħda espliċita ta’ talba mressqa minn uffiċjal taħt l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tiddependi neċessarjament fuq jekk l-imsemmija ċaħda hijiex illegali jew le, peress li ċ-ċaħda impliċita hija, bħala tali, prevista mill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 40)