Language of document : ECLI:EU:C:2020:367

Kawżi magħquda C-924/19 PPU u C-925/19 PPU

FMS et

vs

Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság
u
Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal14 ta’ Mejju 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Direttiva 2013/32/UE – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 33(2) – Motivi ta’ inammissibbltà – Artikolu 40 – Applikazzjonijiet sussegwenti – Artikolu 43 – Proċeduri fuq il-fruntiera – Direttiva 2013/33 – Artikolu 2(h), u Artikoli 8 u 9 – Detenzjoni – Legalità – Direttiva 2008/115 – Artikolu 13 – Rimedji effettivi – Artikolu 15 – Detenzjoni – Legalità – Dritt għal rimedju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

1.        Domandi preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet – Persuna mċaħħda mil-libertà – Kunċett – Ċittadin ta’ pajjiż terz miżmum f’żona ta’ tranżitu – Klassifikazzjoni ta’ tali żamma marbuta b’mod indiviżibbli mar-risporti li għandhom jingħataw għad-domandi preliminari – Soluzzjoni tal-kawża tista’ tinċidi fua iż-żamma fiż-żona ta’ tranżitu – Applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23a; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 107; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, 2013/32 u 2013/33)

(ara l-punti 99-103 u 107)

2.        Domandi preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti għal deċiżjonijiet ta’ ritorn li jistgħu jiġu eżegwiti – Riskju ta’ interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-ażil u riskju ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Soluzzjoni tal-kawża tista’ tinċidi fuq l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn – Applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 18 u 19(2); Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23a; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 107; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115)

(ara l-punti 104, 105 u 107)

3.        Domandi preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet – Minuri – Riskju ta’ ħsara irreparabbli fl-iżvilupp tal-minuri – Soluzzjoni tal-kawża tista’ tinċidi fuq is-sitwazzjoni li tat lok għal dan ir-riskju – Applikazzjoni tal- proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23a; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 107)

(ara punti 106 u 107)

4.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Deċiżjoni ta’ ritorn – Kunċett – Deċiżjoni li tbiddel il-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi f’deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 3(4))

(ara l-punti 116-119)

5.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Rikors kontra deċiżjoni ta’ ritorn – Kunċett – Kawża li titsta’ titressaq mill-ministeru pubbliku li għandu s-setgħa ġenerali ta’ sorveljanza tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn – Esklużjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Portata – Rikors li għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat mid-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ ritorn

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 13(1))

(ara l-punt 125)

6.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Rikors kontra deċiżjoni ta’ ritorn jew deċizjoni ta’ tneħħija – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Portata – Rikors kontra deċiżjoni amministrattiva ta’ ritorn li tbiddel il-pajjiż ta’ ritorn inizjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi kompetenza esklużiva għall-ġhoti ta’ deċiżjonijiet dwar dawn ir-rikorsi lil awtorità amministrattiva li ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza li jikkaratterizza istanza ġudizzjarja – Assenza ta’ rimedji ġudizzjarji kontra d-deċiżjonijiet ta’ tali awtorità – Inammissibbiltà – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali – Obbligu li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-imsemmi rikors – Obbligu li tħalli mhux applikata kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 13(1))

(ara l-punti 126-134, 137, 144, 147 u d-dispożittiv 1)

7.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju tal-indipendenza tal-qrati – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara punti 135 u 136)

8.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni li tista’ titqies bħala inammissibbli mill-Istati Membri – Motivi – Eżistenza ta’ pajjiż terz bla periklu – Eżistenza tal-ewwel pajjiż tal-ażil – Applikazzjoni ppreżentata minn persuna li kienet fi tranżitu f’pajjiż li kien jiżguralha livell xieraq ta’ protezzjoni jew li fih hija ma kinitx esposta għal persekuzzjonijiet jex għal riskju ta’ danni serji – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 33)

(ara l-punti 149, 151, 160, 161, 164, 165 u d-dispożittiv 2)

9.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni li tista’ titqies bħala inammissibbli mill-Istati Membri – Raġuni – Eżistenza ta’ pajjiż terz bla periklu – Kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu – Rekwiżit ta’ rabta ta’ konnessjoni suffiċjenti bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat – Tranżitu tal-applikant mill-imsemmi pajjiż – Assenza ta’ rabta suffiċjenti

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 33(2), u 38(2))

(ara l-punti 152, 153, 156-159)

10.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala manifestament inammissibbli – Ċaħda, ikkonfermata minn deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, ibbażata fuq motiv ta’ inammissibbiltà li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Obbligu tal-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni li teżaminaha mill-ġdid ex officio bil-għan li tieħu inkunsiderazzjoni il-kuntrarjetà mad-dritt tal-Unjoni kkonstatata permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Assenza

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 18; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 3(33))

(ara l-punti 189, 190, u d-dispożittiv 3)

11.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni li tista’ titqies bħala inammissibbli mill-Istati Membri – Raġuni – Applikazzjoni sussegwenti li ma tavvanza ebda element jew fatt ġdid – Kunċett ta’ element ġdid – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-kuntrarjetà mad-dritt tal-Unjoni ta’ motiv ta’ inammissibbiltà li ġġustifika ċ-ċaħda definittiva tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inizjali – Inklużjoni – Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 2, 44 u 33(2)(a))

(ara l-punti 28, 191-203, u d-dispożittiv 3)

12.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Kunċett ta’ detenzjoni fis-sens ta’ dawn iż-żewġ direttivi – Sens simili – Miżura koerċittiva li ċċaħħad lill-applikant mil-libertà tal-moviment tiegħu u li tiżolah mill-kumplament tal-popolazzjoni billi tobbligah jirrisjedi f’perimetru ristrett u magħluq

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/115, Artikoli 15 u 16, u 2002/33, Artikolu 2)

(ara l-punti 216-225)

13.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Kunċett ta’ detenzjoni fis-sens ta’ dawn iż-żewġ direttivi – Obbligu impost fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu jirrisjedi f’żona ta’ tranżitu – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115 u 2013/33)

(ara l-punti 28, 225-230, u d-dispożittiv 4)

14.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Artikolu 43 – Proċeduri speċifiċi li jistgħu jiġu previsti mill-Istati Membri fil-fruntieri tagħhom jew fiż-żoni ta’ tranżitu tagħhom – Tqegħid f’detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali fiż-żona ta’ tranżitu fil-kuntest ta’ tali proċedura – Ammissibbiltà – Limitu – Perijodu massimu tad-detenzjoni – Perijodu ta’ erba’ ġimgħat dekorribbli mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Ċirkustanzi ta’ influss massiv ta’ applikanti – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 31(8), (33) u (43))

(ara l-punti 235-248, u d-dispożittiv 5)

15.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Tqegħid f’detenzjoni – Motivi – Applikant għal protezzjoni internazzjonali li ma jistax imantni ruħu – Esklużjoni – Motiv li jippreġudika l-osservanza tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li għandhom jiġu rrikonoxxuti lill-imsemmi applikant

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, Artikolu 8(3), u 17(3))

(ara l-punti 250, 251, 253-256, 266, u d-dispożittiv 6)

16.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Garanziji offrui lill-applikanti mqegħda f’detenzjoni – Portata – Obbligu li jiġu eżaminati n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ miżura ta’ tqegħid f’detenzjoni u li tiġi adottata deċiżjoni mmotivata li tordna dan it-tqegħid – Obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, Artikoli 8(2), 3(9), u 3(3)(d) u (5))

(ara l-punti 257-261, 266, dispożittiv 6)

17.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Garanziji offruti lill-applikanti mqegħda f’detenzjoni – Portata – Perijodu massimu tad-detenzjoni – Obbligu li jiġi stabbilit perijodu massimu – Assenza – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, Artikolu 9(1))

(ara l-punti 262-266, u d-dispożittiv 6)

18.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija – Motiv – Ċittadin ta’ pajjiż terz li bl-aġir tiegħu joħloa riskju uli tiġi kompromessa l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-forma ta’ tneħħija – Kunċett – Ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn u li ma jistax imantni ruħu – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 15(1))

(ara l-punti 268-272, 281, dispożittiv 7)

19.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija – Obbligu li jiġu eżaminati n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ miżura ta’ tqegħid f’detenzjoni u li tiġi adottata deċiżjoni mmotivata li tordna dan it-tqegħid – Obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 15(1) sa (3))

(ara l-punti 273-277, 281, dispożittiv 7)

20.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija – Perijodu massimu ta’ detenzjoni – Perijodu ta’ tmintax-il xahar – Konsegwenzi tal-iskadenza ta’ dan il-perijodu – Obbligu li l-persuna detenuta tiġi lliberata immedjatament

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikoli 15(1) u 4 sa 6)

(ara l-punti 278-281, u d-dispożittiv 7)

21.      Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment ta’ rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ miżura ta’ detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali jex ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn – Inammissibbiltà – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali – Obbligu li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-legalità ta’ tali miżura – Obbligu li titħalla inapplikata kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni – Setgħa li tissostitwixxi bid-deċiżjoni tagħha, id-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva li ordnat l-imsemmi tqegħid f’detenzjoni – Setgħa li tiddikjara l-liberazzjoni immedjata tal-persuni detenuti f’każ ta’ illegalità tal-miżura ta’ detenzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 15(2)(a), u 2013/33, Artikolu 9(3))

(ara l-punti 290-294, 301, dispożittiv 8)

22.      Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment ta’ rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Rikors kontra d-deċiżjonijiet marbuta mal-għoti tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali – Obbligu li jiġi pprovdut rikors li jippermetti lil applikant li ma jkunx għadu f’detenzjoni li jsostni d-dritt tiegħu għall-akkomodazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ tali dritt – Inammissibbiltà – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali – Obbligu li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors intiż li jiggarantixxi tali dritt – Setgħa li tadotta miżuri provviżorji

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, Artikolu 20(17) u (26))

(ara l-punti 296-299, 301, dispożittiv 8)

Sunt

It-tqegħid tal-applikanti għall-ażil jew taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, fil-fruntiera serbo-ungeriża, għandu jiġi kklassifikat bħala “detenzjoni”. Jekk, wara l-istħarriġ ġudizzjarju tar-regolarità ta’ tali detenzjoni, jiġi stabbilit li l-persuni kkonċernati nżammu mingħajr raġuni valida, il-qorti adita għandha tilliberhom b’effett immedjat.

Fis-sentenza Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C-924/19 PPU u C-925/19 PPU), mogħtija fl‑14 ta’ Mejju 2020 fil-kuntest tal-proċedura b’urġenza, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar diversi kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tad-Direttivi 2008/115 (1) (iktar’ il quddiem id-“Direttiva ‘ritorn’”), 2013/32(2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘proċeduri’”) u 2013/33(3) (iktar’ il quddiem il-id-“Direttiva ‘akkoljenza’”), inkonnessjoni mal-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar id-dritt tal-ażil kif ukoll ir-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jirrisjedu b’mod irregolari.

F’dan il-każ, ċittadini Afgan (Kawża C-924/19 PPU) u Iranjani (Kawża C-925/19 PPU), li waslu fl-Ungerija mis-Serbja, ippreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil miż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, li tinsab fil-fruntiera serbo-Ungeriża. Skont id-dritt Ungeriż, dawn it-talbiet ġew miċħuda bħala inammissibbli u ġew adottati deċiżjonijiet ta’ ritorn lejn is-Serbja. Madankollu, is-Serbja rrifjutat l-ammissjoni mill-ġdid tal-persuni kkonċernati fit-territorju tagħha, minħabba li l-kundizzjonijiet previsti mill-ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid konkluż mal-Unjoni ma kinux issodisfatti. Wara din id-deċiżjoni tas-Serbja, l-awtoritajiet Ungeriżi ma wettqux l-eżami tal-mertu tal-applikazzjonijiet iċċitati iktar’ il fuq iżda emendaw il-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi fid-deċiżjonijiet ta’ ritorn inizjali, billi ssostitwixxewh mill-pajjiż ta’ oriġini rispettiv tal-persuni kkonċernati. Dawn tal-aħħar għalhekk opponew id-deċiżjonijiet ta’ emenda, li ġiet miċħuda. Minkejja li tali rikors ma huwiex previst fid-dritt Ungeriż, il-partijiet ikkonċernati adixxew lil qorti Ungeriża sabiex tannulla d-deċiżjonijiet li jiċħdu l-oppożizzjoni tagħhom kontra dawn id-deċiżjonijiet ta’ emenda u tordna lill-awtorità inkarigata bl-ażil tmexxi proċedura ġdida għall-ażil. Huma ppreżentaw ukoll rikorsi għal nuqqas li tittieħed azzjoni marbuta mat-tqegħid u ż-żamma tagħhom fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke. Fil-fatt, huma qabelxejn kienu obbligati li jirrisjedu fit-taqsima ta’ din iż-żona ta’ tranżitu rriżervata għall-applikanti għall-ażil, qabel ma ġie impost fuqhom, xi xhur wara, li jirrisjedu fit-taqsima ta’ din l-istess żona rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda, taqsima fejn huma jinsabu attwalment.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Rözske, fir-rigward tar-regoli li jirregolaw kemm id-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali (direttivi “proċeduri” u “akkoljenza”) kif ukoll dik taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari (direttiva “ritorn”). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett iddeċidiet li t-tqegħid tal-persuni kkonċernati f’din iż-żona ta’ tranżitu kellu jiġi kkunsidrat bħala miżura ta’ detenzjoni. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, hija ppreċiżat li l-kunċett ta’ “detenzjoni”, li għandu l-istess tifsira fil-kuntest tad-direttivi differenti ċċitati iktar ’il fuq, jirreferi għal miżura koerċittiva li tippresupponi ċaħda, u mhux sempliċi restrizzjoni, tal-libertà ta’ moviment tal-persuna kkonċernata u li tiżolaha mill-bqija tal-popolazzjoni, billi timponilha li tibqa’ tirrisjedi b’mod permanenti f’perimetru ristrett u magħluq. Issa, għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet eżistenti fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Rözske huma simili għal ċaħda tal-libertà, b’mod partikolari għaliex il-persuni kkonċernati ma jistgħux, legalment, jitilqu din iż-żona volontarjament fi kwalunkwe direzzjoni tkun xi tkun. B’mod partikolari, huma ma jistgħux jitilqu mis-Serbja sa fejn tali tentattiv, minn naħa, jitqies li huwa illegali mill-awtoritajiet Serbi u, minħabba f’hekk, jesponihom għal sanzjonijiet u, min-naħa l-oħra, jpoġġihom f’riskju li jtellifhom kull opportunità li jiksbu l-istatus ta’ refuġjat fl-Ungerija.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-konformità ta’ din id-detenzjoni mar-rekwiżiti imposti mid-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward tar-rekwiżiti marbuta mat-tqegħid f’detenzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bis-saħħa, rispettivament, tal-Artikolu 8 tad-direttiva “akkoljenza” u tal-Artikolu 15 tad-direttiva “ritorn”, la l-applikant għal protezzjoni internazzjonali, u lanqas ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ma jista’ jinżamm f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li ma jistax jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu. Hija żiedet li l-Artikoli 8 u 9 tad-direttiva “akkoljenza” u l-Artikolu 15 tad-direttiva “ritorn” jipprekludu, rispettivament, li applikant għal protezzjoni internazzjonali jew ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jitqiegħed f’detenzjoni mingħajr l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni motivata li tordna dan it-tqegħid u mingħajr ma jkunu ġew eżaminati n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali miżura.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ukoll preċiżazzjonijiet dwar ir-rekwiżiti marbuta maż-żamma f’detenzjoni u, b’mod iktar preċiż, matulha. Fir-rigward tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, hija ddeċidiet li l-Artikolu 9 tad-direttiva “akkoljenza” ma jimponix li l-Istati Membri jistabbilixxu perijodu massimu għaż-żamma f’detenzjoni. Madankollu, id-dritt nazzjonali tagħhom għandu jiggarantixxi li d-detenzjoni ddum biss sakemm ir-raġuni li tiġġustifikaha tibqa’ applikabbli u li l-proċeduri amministrattivi marbuta ma’ din ir-raġuni jiġu eżegwiti b’diliġenza. Min-naħa l-oħra, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, mill-Artikolu 15 tad-direttiva “ritorn” jirriżulta li d-detenzjoni tagħhom, anki meta din tiġi estiża, ma tistax taqbeż it-tmintax-il xahar u tista’ tinżamm biss sakemm il-mekkaniżmu ta’ tneħħija ikun fis-seħħ u jiġi eżegwit bid-diliġenza kollha meħtieġa.

Barra minn hekk, fir-rigward tad-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest partikolari ta’ żona ta’ tranżitu, huwa wkoll neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 43 tad-direttiva “proċeduri”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jibqgħu jirrisjedu fil-fruntieri tagħhom jew f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu tagħhom, b’mod partikolari sabiex jeżaminaw, qabel ma jiddeċiedu dwar id-dritt ta’ dħul ta’ dawn l-applikanti fit-territorju tagħhom, jekk l-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar hijiex inammissibbli. Madankollu, deċiżjoni għandha tiġi adottata f’terminu ta’ erba’ ġimgħat, u fin-nuqqas, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti lill-applikant id-dritt li jidħol fit-territorju tiegħu u jittratta l-applikazzjoni tiegħu skont il-proċedura tad-dritt komuni. Għalhekk, għalkemm l-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija f’dan l-Artikolu 43, iżommu f’detenzjoni l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri tagħhom, din id-detenzjoni ma tista’, fl-ebda ċirkustanza, teċċedi erba’ ġimgħat mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni, bħad-detenzjoni ta’ persuna f’żona ta’ tranżitu, għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, skont, rispettivament, l-Artikolu 9 tad-direttiva “akkoljenza” u l-Artikolu 15 tad-direttiva “ritorn”. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu tali stħarriġ, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimponu fuq il-qorti nazzjonali adita li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar dan is-suġġett. Barra minn hekk, jekk, wara l-istħarriġ tagħha, il-qorti nazzjonali tqis li l-miżura ta’ detenzjoni inkwistjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, hija għandha tkun tista’ tissostitwixxi d-deċiżjoni tagħha għal dik tal-awtorità amministrattiva li ordnatha u tipprovdi għal-liberazzjoni immedjata tal-persuni kkonċernati, jew inkella għal miżura alternattiva għad-detenzjoni.

Barra minn hekk, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali li d-detenzjoni tiegħu, meqjusa illegali, tkun intemmet, għandu jkun jista’ jinvoka l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali li għandu dritt għalihom matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, mill-Artikolu 17 tad-direttiva “akkoljenza” jirriżulta li, jekk ma jkollux mezzi ta’ sussistenza, huwa għandu d-dritt li jikseb jew allowance finanzjarja li tippermettilu jirrisjedi, jew akkomodazzjoni in natura. F’din il-perspettiva, l-Artikolu 26 tad-direttiva “akkoljenza” jimponi li tali applikant għandu jkun jista’ jressaq rikors quddiem qorti intiż sabiex jiggarantilu dan id-dritt għall-akkomodazzjoni, fejn din tal-aħħar ikollha l-possibbiltà li tieħu miżuri provviżorji sakemm tingħata d-deċiżjoni definittiva tagħha. Jekk l-ebda qorti oħra ma għandha ġurisdizzjoni skont id-dritt nazzjonali, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimponu, hawnhekk ukoll, fuq il-qorti adita li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors intiż sabiex jiggarantixxi dan id-dritt għall-akkomodazzjoni.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors għal annullament tal-partijiet ikkonċernati kontra d-deċiżjonijiet li jiċħdu l-oppożizzjoni tagħhom għall-emenda tal-pajjiż ta’ ritorn. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi fid-deċiżjoni ta’ ritorn inizjali hija tant sostanzjali li għandha titqies bħala deċiżjoni ġdida ta’ ritorn. Skont l-Artikolu 13 tad-direttiva “ritorn”, id-destinatarji ta’ tali deċiżjoni għandu jkollhom rimedju effettiv fil-konfront tagħha, li għandu wkoll ikun konformi mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn jiġu kkontestati quddiem awtoritajiet li ma humiex ġudizzjarji, id-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ ritorn adottata minn awtorità amministrattiva għandu madankollu, f’ċertu stadju tal-proċedura, ikun jista’ jikkontesta r-regolarità tagħha quddiem tal-inqas istanza ġudizzjarja. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-persuni kkonċernati setgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità tal-pulizija migratorja u li jemendaw il-pajjiż ta’ ritorn tagħhom biss billi jressqu oppożizzjoni quddiem l-awtorità responsabbli għall-ażil u li ebda stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri ma kien iggarantit. Issa, din l-aħħar imsemmija awtorità, li tinsab taħt l-awtorità tal-Ministru responsabbli mill-pulizija, taqa’ taħt is-setgħa eżekuttiva, b’tali mod li ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ indipendenza meħtieġa minn qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta. F’tali ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jimponu fuq il-qorti nazzjonali adita li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors intiż sabiex jikkontesta deċiżjoni ta’ ritorn li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni inizjali, filwaqt li tħalli, jekk ikun meħtieġ, mhux applikata kull dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxih.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-motiv ta’ inammissibbiltà previst mil-leġiżlazzjoni Ungeriża u li ġġustifikat iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-ażil. Din il-leġiżlazzjoni tippermetti tali ċaħda meta l-applikant ikun wasal fl-Ungerija minn pajjiż ikklassifikat bħala “pajjiż ta’ tranżitu bla periklu” li fih ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ periklu serju, jew li fih ikun żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni. Filwaqt li fakkret il-ġurisprudenza reċenti tagħha(4), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li tali raġuni tmur kontra l-Artikolu 33 tad-direttiva “proċeduri”, qabel ma ppreċiżat il-konsegwenzi tagħha fuq il-proċedura ta’ ażil, sa fejn iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għal ażil tal-persuni kkonċernati, ibbażata fuq dan il-motiv illegali, diġà ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, f’tali każ, mid-direttiva “proċeduri”, flimkien b’mod partikolari mal-Artikolu 18 tal-Karta, li jiggarantixxi d-dritt għall-ażil, jirriżulta li l-awtorità li ċaħdet l-applikazzjonijiet għall-ażil ma hijiex obbligata li teżaminahom mill-ġdid ex officio. Madankollu, il-persuni kkonċernati jistgħu dejjem jippreżentaw applikazzjoni ġdida, li tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tad-direttiva “proċeduri”. F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva jipprevedi li applikazzjoni sussegwenti li ma ssemmi ebda element jew fatt ġdid tista’ titqies bħala inammissibbli, l-eżistenza ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li motiv ta’ inammissibbiltà previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali jmur kontra d-dritt tal-Unjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala element ġdid. Barra minn hekk, b’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-motiv ta’ inammissibbiltà previst fl-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva ma huwiex applikabbli meta l-awtorità inkarigata mill-ażil tikkonstata li ċ-ċaħda definittiva tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil tkun seħħet b’mod kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni. Din il-konstatazzjoni hija neċessarja meta din il-kuntrarjetà tkun tirriżulta, bħal f’dan il-każ, minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew ukoll meta din tkun ġiet ikkonstatata, b’mod inċidentali, minn qorti nazzjonali.


1      Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


2      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60)


3      Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).


4      Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218.