Language of document : ECLI:EU:T:2018:840

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

27 ta’ Novembru 2018 (*)

“Dritt istituzzjonali – Il-Parlament Ewropew – Deċiżjoni li tiddikjara ineliġibbli ċertu nfiq ta’ partit politiku għall-finijiet ta’ sussidju għas-sena finanzjarja 2015 – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Ċertezza legali – Regolament (KE) Nru 2004/2003 – Projbizzjoni ta’ finanzjament indirett ta’ partit politiku nazzjonali”

Fil-Kawża T‑829/16,

Mouvement pour une Europe des nations et des libertés, stabbilit f’Pariġi (Franza), irrappreżentat minn A. Varaut, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn C. Burgos u S. Alves, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat‑12 ta’ Settembru 2016 li tiddikjara ċertu nfiq ineliġibbli għall-finijiet ta’ sussidju għas-sena finanzjarja 2015,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President, R. Barents u J. Passer, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑26 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑10 ta’ Ġunju 2015, il-Mouvement pour une Europe des nations et des libertés, ir-rikorrent, nieda kampanja dwar l-immigrazzjoni fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Schengen (iktar ’il quddiem il-“kampanja”). Il-verżjoni Franċiża ta’ poster ta’ din il-kampanja kienet tinkludi l-logo tar-rikorrent kif ukoll il-logo ta’ fjamma, flimkien mal-isem “Front national”. Barra minn hekk, il-verżjoni Olandiża ta’ dan il-poster kienet tinkludi l-logo tar-rikorrent kif ukoll dak tal-Vlaams Belang.

2        Fir-rapport annwali tagħha dwar l-awditjar tal-kontijiet tal-partiti politiċi Ewropej għas-sena 2015, adottat fil‑25 ta’ April 2016, ditta tal-awditjar indipendenti indikat li hija ma setgħetx tikseb biżżejjed provi oġġettivi sabiex tikkonkludi li l-infiq tal-kampanja kien eliġibbli, liema fatt seta’ jwassal għal tnaqqis fl-ammont tas-sussidju allokat mill-Parlament Ewropew.

3        Fuq talba mill-Parlament, fl‑10 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrent ipprovda kopja tal-posters kontenzjużi lill-Parlament.

4        Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Lulju 2016, il-Parlament informa lir-rikorrent li l-infiq inkwistjoni seta’ kien ineliġibbli, peress li dan kien jikkostitwixxi finanzjament indirett ta’ żewġ partiti politiċi nazzjonali, sa fejn dawn tal-aħħar ma kkontribwixxewx għall-finanzjament tal-kampanja. Fil-fehma tiegħu, tali finanzjament jista’ jikser l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 500). Għaldaqstant, huwa stieden lir-rikorrent jipprovdi l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-allegata irregolarità qabel it‑22 ta’ Awwissu 2016.

5        Fis‑27 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent talab xi informazzjoni addizzjonali lill-Parlament, b’mod partikolari dwar il-preċedent għal din it-tip ta’ irregolarità.

6        Fl‑10 ta’ Awwissu 2016, il-Parlament wieġeb lir-rikorrent, fejn informatu wkoll li t-terminu sabiex jipprovdi l-osservazzjonijiet tiegħu kien ġie estiż sat‑2 ta’ Settembru 2016.

7        Fit‑2 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrent bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu.

8        Fil‑5 ta’ Settembru 2016, is-Segretarju Ġenerali bagħat nota lill-Bureau tal-Parlament, fejn talbu jadotta d-deċiżjoni finali dwar l-għeluq tal-kontijiet ta’ għadd ta’ partiti politiċi fuq livell Ewropew, fosthom ir-rikorrent, għas-sena finanzjarja 2015. Din in-nota kienet tindika li r-rapporti finali u kwalunkwe dokument ieħor dwar l-għeluq tal-kontijiet għal din is-sena finanzjarja kienu għad-dispożizzjoni tal-membri tal-Bureau tal-Parlament fuq talba.

9        Fis‑7 ta’ Settembru 2016, is-servizzi tal-Parlament bagħtu l-osservazzjonijiet tar-rikorrent lill-President tal-Parlament, fejn ippreċiżaw li dawn ma kinux jaffettwaw il-pożizzjoni tal-Parlament.

10      Fil-laqgħa tiegħu tat‑12 ta’ Settembru 2016, il-Bureau tal-Parlament eżamina r-rapport finali ppreżentat mir-rikorrent wara l-għeluq tal-kontijiet tiegħu għas-sena finanzjarja 2015. Huwa ddikjara ineliġibbli is-somma ta’ EUR 63 853 relatata mal-kampanja u ffissa l-ammont tas-sussidju finali allokat lir-rikorrent għal EUR 400 777.83 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

11      Fis‑26 ta’ Settembru 2016, il-Parlament innotifika lir-rikorrent bid-deċiżjoni kkontestata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

13      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Frar 2017, il-Parlament qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, konformement mal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

14      Ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-eċċezzjoni fis‑17 u fis‑27 ta’ Marzu 2017.

15      Permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Mejju 2017, hija ddeċidiet li tgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu.

16      Ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

17      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

18      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti u jwieġbu għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub qabel is-seduta, li huma għamlu fit-termini stabbiliti.

19      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas‑26 ta’ Ġunju 2018.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

20      Il-Parlament iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

21      Minn naħa, il-Parlament jikkritika lir-rikorrenti talli ppreżentat ir-rikors kontra l-Bureau tal-Parlament, li la huwa istituzzjoni u lanqas korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-imsemmi rikors.

22      Min-naħa l-oħra, il-Parlament isostni li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kif interpretat mill-ġurisprudenza, peress li ma jidentifikax l-motivi invokati u ma fihx espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi, b’mod li jkun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu. B’mod partikolari, huwa josserva li, għalkemm ir-rikors jinkludi taqsima bit-titolu “Il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba” li hija ddedikata għal allegat ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), huwa jinkludi wkoll taqsima bit-titolu “Fuq il-mertu”, li hija l-itwal taqsima tar-rikors u li fiha ebda motiv ma huwa identifikat.

23      Ir-rikorrent jikkontesta l-ilmenti mqajma mill-Parlament.

24      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel ilment imqajjem mill-Parlament, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi ppreżentati, skont l-Artikolu 263 TFUE, kontra biss l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni Ewropea.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata, li ġiet adottata fit‑12 ta’ Settembru 2016 mill-korp kompetenti skont id-dispożizzjonijiet interni tal-Parlament, jiġifieri l-Bureau tiegħu, u nnotifikata lir-rikorrent fis‑26 ta’ Settembru 2016. Minn dan isegwi li talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni għandha titressaq neċessarjament kontra l-Parlament, awtur tal-att (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2012, Farage vs Il‑Parlament u Buzek, T‑564/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:403, punt 18).

26      It-tieni nett, meta l-Parlament innotifika lir-rikorrent bid-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat b’mod espliċitu li dan seta’ jippreżenta rikors għal annullament kontra “id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament” quddiem il-Qorti Ġenerali.

27      It-tielet nett, skont il-ġurisprudenza, għandu jiġi osservat li, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent ippreċiża li r-rikors għandu jitqies bħala li ġie ippreżentat kontra l-Parlament, mingħajr ma jippersisti fl-indikazzjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew bħala l-konvenut (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Ottubru 2006, Aisne u Nature vs Il‑Kummissjoni, T‑173/06, mhux ippubblikat, EU:T:2006:320, punti 17 u 20).

28      Ir-raba’ nett, l-identifikazzjoni fir-rikors tad-deċiżjoni kkontestata li ġiet adottata fit‑12 ta’ Settembru 2016 u nnotifikata fis‑26 ta’ Settembru 2016, ma jippermettix li jiġi ddubitat li l-intenzjoni tar-rikorrent kienet li jippreżenta r-rikors kontra l-Parlament. Id-dettall imsemmi fil-punt 27 iktar ’il fuq għandu jitqies bħala kjarifika f’dan ir-rigward u mhux bħala emenda jew regolarizzazzjoni tar-rikors fir-rigward ta’ element imsemmi fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2004, Spanja u Il‑Finlandja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑184/02 u C‑223/02, EU:C:2004:497, punt 17).

29      Il-ħames nett, waqt is-seduta, ir-rikorrent ikkonferma li r-rikors tiegħu kien jirrigwarda d-deċiżjoni kkontestata, li ġiet adottata fit‑12 ta’ Settembru 2016, jiġifieri att tal-Parlament.

30      Dawn l-elementi jippermettu li jiġi kkonstatat mingħajr ambigwità li r-rikors ġie ppreżentat kontra l-Parlament, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

31      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li din il-kawża hija differenti minn dawk li taw lok għad-digrieti tat‑18 ta’ Settembru 2015, Petrov et vs Il‑Parlament u Il‑President tal-Parlament (T‑452/15, mhux ippubblikat, EU:T:2015:709), u tal‑4 ta’ Frar 2016, Voigt vs Il‑Parlament (T‑618/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:72), iċċitati mill-Parlament, li fihom ir-rikorsi kienu ġew ippreżentati kontra l-President tal-Parlament u kontra l-Parlament. Fil-fatt, f’dawn il-kawżi, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sempliċement li tiċħad ir-rikorsi bħala parzjalment inammissibbli inkwantu dawn kienu ġew ippreżentati kontra l-President tal-Parlament u kompliet l-eżami tagħha fuq il-mertu sa fejn dawn kienu ġew ippreżentati wkoll kontra l-Parlament, u mingħajr ma eżaminat min kien jissemma effettivament fir-rikors, għad-differenza minn dan il-każ.

32      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud l-ewwel ilment ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Parlament.

33      Għal dak li jirrigwarda t-tieni lment imqajjem mill-Parlament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi l-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, dan is-sunt għandu jkun ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti lill-konvenut tipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun hemm bżonn mingħajr ma tintalab informazzjoni oħra. Fil-fatt, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mill-kliem stess użat fir-rikors, u dan sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Corporación Empresarial de Materiales de Construcción vs Il‑Kummissjoni, T‑250/12, EU:T:2015:749, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, kif il-Parlament jammetti huwa stess, ir-rikors fih taqsima intitolata “Ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”. Barra minn hekk, it-test ta’ din it-taqsima jirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 41 tal-Karta. Barra minn hekk, mill-punti 22 sa 42 tar-rikors jirriżulta li r-rikorrent jilmenta b’mod partikolari li l-Parlament ma pprovdiex lill-korp deċiżjonali tiegħu, jiġifieri l-Bureau tiegħu, bl-osservazzjonijiet tar-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan huwa l-ewwel motiv imressaq mir-rikorrent.

36      Għal dak li jirrigwarda t-taqsima intitolata “Fuq il-mertu”, din għandha tinqasam fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija intitolata “Il-finanzjament ta’ partit politiku nazzjonali: kunċett vag li jwassal għal inċertezza legali”. Mill-punti 44 sa 57 tar-rikors, li jirrigwardaw din il-parti, jirriżulta li r-rikorrent iqis li l-projbizzjoni ta’ finanzjament indirett ta’ partit politiku nazzjonali, li tirriżulta mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003, tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għalhekk, dan huwa t-tieni motiv imqajjem mir-rikorrent.

37      Matul is-seduta, il-Parlament sostna, b’mod partikolari, li r-rikorrent ma invokax b’mod espliċitu ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u li, għalhekk, motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dan il-prinċipju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ġie invokat b’mod espliċitu fit-titolu tal-ewwel parti, kif indikat fil-punt 36 iktar ’il fuq, kif ukoll fil-punti 43 u 52 tar-rikors. Barra minn hekk, fil-punti 32 sa 39 tar-risposta, il-Parlament wieġeb għall-argumenti mressqa mir-rikorrent. Għaldaqstant, l-argumenti mressqa waqt is-seduta għandhom jiġu miċħuda.

38      Fl-aħħar nett, it-tieni u t-tielet parti tat-taqsima tar-rikors intitolata “Fuq il-mertu” huma intitolati rispettivament “It-twassil fl-Istati Membri ta’ kampanja Ewropea” u “Logo f’format legali”. Mill-punti 58 sa 81 tar-rikors, li jirrigwardaw dawn il-partijiet, jirriżulta li, essenzjalment, ir-rikorrent isostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament evalwa b’mod żbaljat in-nefqa kkonċernata meta ddikjaraha ineliġibbli sa fejn din kienet tikkostitwixxi finanzjament indirett ta’ partit politiku nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003. Għalhekk, dan huwa t-tielet motiv imqajjem mir-rikorrent.

39      Għaldaqstant, ir-rikors jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-ġurisprudenza fid-dawl tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament kien f’pożizzjoni li jidentifika l-motivi u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex jikkontestahom fl-atti ppreżentati minnu. Għaldaqstant, it-tieni lment ta’ inammissibbiltà għandu jiġi miċħud.

40      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

41      Insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent jqajjem, essenzjalment, tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

42      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari d-dritt li dak kollu li jirrigwardah jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u d-dritt għal smigħ, iggarantiti mill-Artikolu 41 tal-Karta. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-korp deċiżjonali, jiġifieri l-Bureau tal-Parlament, ma eżaminax il-poster kontenzjuż u ma ħax inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tiegħu, li ma ġewx ikkomunikati lilu, billi bbaża ruħu sempliċement fuq nota tas-Segretarju Ġenerali vvizzjata b’parzjalità. Huwa jsostni li kellu jkollu l-opportunità jiddefendi lilu nnifsu quddiem dan il-Bureau, għall-inqas bil-miktub. Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-fatt li x-xogħol tas-servizzi tal-Parlament jista’ jitqies bħala purament preparatorju, peress li huwa dawn is-servizzi li janalizzaw id-dokumenti rilevanti u li jagħmlu proposti lil dan il-Bureau li, billi ma għandux għarfien ta’ dawn id-dokumenti u tal-argumenti tar-rikorrent, jista’ biss jaċċetta l-proposta li titressaq quddiemu.

43      Ir-rikorrent iżid li dan jikkostitwixxi wkoll ksur tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, approvat b’riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas‑6 ta’ Settembru 2001 (ĠU 2002, C 72 E, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba”), li jiggarantixxi d-dritt għal smigħ u li jsiru osservazzjonijiet.

44      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iqis li l-Parlament kiser l-Artikolu 8 tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tad‑29 ta’ Marzu 2004 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003, kif emendata (ĠU 2014, C 63, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tad‑29 ta’ Marzu 2004”), li jipprevedi li dan il-Bureau għandu jagħti lill-benefiċjarju l-possibbiltà li jieħu pożizzjoni dwar l-irregolaritajiet ikkonstatati qabel ma jieħu deċiżjoni. Fir-replika, huwa jispeċifika li l-ittra tal-Parlament tat‑22 ta’ Lulju 2016 tirreferi espliċitament għal din id-dispożizzjoni.

45      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

46      Skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta, intitolat “[i]d-dritt għal amministrazzjoni tajba”, kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni.

47      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament.

48      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jimplika, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Schniga vs CPVO, C‑625/15 P, EU:C:2017:435, punt 47).

49      Ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-imparzjalità suġġettiva hija preżunta fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 54, u tat‑19 ta’ Frar 2009, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il‑Parlament, C‑308/07 P, EU:C:2009:103, punt 46).

50      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa applikabbli meta amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju. Skont dan il-prinċipju, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw sinjifikattivament l-interessi tagħhom għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-informazzjoni li abbażi tagħha l-awtoritajiet ikollhom l-intenzjoni li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom. Għal dan il-għan, huma għandu jkollhom terminu suffiċjenti (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punti 36 u 37).

51      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

52      Għal dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni jiġu eżaminati b’mod imparzjali u ġust, għandu jitfakkar li, fl‑10 ta’ Ġunju 2016, il-Parlament kiseb kopja tal-posters tal-kampanja. Barra minn hekk, huwa stieden lir-rikorrent jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-ineliġibbiltà tal-infiq kontenzjuż qabel it‑22 ta’ Awwissu 2016, liema terminu ġie estiż sussegwentement sat‑2 ta’ Settembru 2016. Fil‑5 ta’ Settembru 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew bagħat nota lill-Bureau tal-Parlament fejn talbu jiddikjara l-infiq kontenzjuż ineliġibbli u żied li r-rapport finali u kwalunkwe dokument ieħor dwar l-għeluq tal-kontijiet għas-sena finanzjarja 2015 kienu disponibbli fuq talba. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet tar-rikorrent tat‑2 ta’ Settembru 2016 ittieħdu inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-messaġġ elettroniku tas-servizzi tal-Parlament mibgħut lill-President fis‑7 ta’ Settembru 2016 u kif ir-rikorrent innifsu rrikonoxxa fis-seduta, minkejja li huwa jsostni li dawn ma ġewx eżaminati mill-entità korretta.

53      Għandu jiġi ppreċiżat li, permezz ta’ dan l-istess messaġġ elettroniku tas‑7 ta’ Settembru 2016, is-servizzi tal-Parlament bagħtu l-osservazzjonijiet tar-rikorrent lill-President tal-Parlament, li huwa wieħed mill-membri tal-Bureau skont l-Artikolu 24 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fis-seħħ dak iż-żmien, fejn żiedu li dawn ma jaffettwawx il-proposta dwar l-eventwali dikjarazzjoni ta’ ineliġibbiltà tal-infiq kontenzjuż. F’dan il-kuntest, fit‑12 ta’ Settembru 2016, il-Bureau tal-Parlament adotta d-deċiżjoni kkontestata.

54      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-Parlament ġabar l-elementi neċessarji sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu b’mod ġust u imparzjali.

55      Barra minn hekk, il-korp kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-Bureau tal-Parlament, ma jistax jiġi kkritikat talli bbaża ruħu fuq ix-xogħol preparatorju tas-servizzi tal-istituzzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ammetta, waqt is-seduta, li huwa fil-fatt permissibbli li l-Parlament jibbaża ruħu fuq ix-xogħol preparatorju tas-servizzi tiegħu. Il-Parlament lanqas ma jista’ jiġi kkritikat talli aġixxa fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali tiegħu, liema fatt huwa barra minn hekk previst fl-Artikolu 224 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fis-seħħ f’dak iż-żmien. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li n-nota tal-imsemmi Segretarju Ġenerali tal‑5 ta’ Settembru 2016 kienet informat lill-membri ta’ dan il-Bureau li d-dokumenti rilevanti kollha, inklużi għalhekk l-osservazzjonijiet tar-rikorrent, kienu disponibbli fuq talba.

56      Hemm lok li jiġi miċħud ukoll l-argument imressaq mir-rikorrent waqt is-seduta li l-messaġġ elettroniku tas‑7 ta’ Settembru 2016 juri li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata de facto mis-servizzi tal-Parlament, u mhux mill-korp kompetenti, jiġifieri l-Bureau tal-Parlament. Fil-fatt, dan il-messaġġ elettroniku, mibgħut minn dawn is-servizzi lill-President tal-Parlament, jikkonferma b’mod espliċitu li l-osservazzjonijiet tar-rikorrent ġew eżaminati minn dawn is-servizzi, li dawn ma kinux jaffettwaw il-proposta mibgħuta lill-imsemmi Bureau mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament u li dawn intbagħtu effettivament lill-President, membru ta’ dan il-Bureau.

57      Għandu jingħad ukoll li r-rikorrent ma jressaq ebda argument li jista’ jikkontesta l-imparzjalità oġġettiva jew suġġettiva tal-Parlament, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq.

58      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta.

59      Għal dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent kien f’pożizzjoni li jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eventwali ineliġibbiltà tal-infiq kontenzjuż, kif jirriżulta mill-punt 52 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 55 iktar ’il fuq, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, xejn ma jipprekludi lill-Bureau tal-Parlament milli jibbaża ruħu fuq ix-xogħol preparatorju tas-servizzi tal-imsemmija istituzzjoni jew milli jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali ta’ din l-istituzzjoni. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-osservazzjonijiet tar-rikorrent intbagħtu mill-imsemmija servizzi tal-Parlament u kienu disponibbli għall-membri tal-Bureau fuq talba.

60      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

61      Għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tiggarantixxi d-dritt għal smigħ u li jsiru osservazzjonijiet. Għalhekk, irrispettivament mill-valur ġuridiku vinkolanti ta’ dan it-test fil-konfront tal-Parlament, li adottah permezz ta’ riżoluzzjoni tas‑6 ta’ Settembru 2001, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud għar-raġunijiet indikati fil-punt 59 iktar ’il fuq.

62      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-ksur tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tad‑29 ta’ Marzu 2004, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk huwiex l-Artikolu 7 jew inkella l-Artikolu 8 li huwa applikabbli, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrent essenzjalment isostni l-ksur tad-dritt għal smigħ, li huwa rifless f’dawn id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud ukoll għar-raġunijiet indikati fil-punt 59 iktar ’il fuq.

63      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

64      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-projbizzjoni ta’ finanzjament indirett ta’ partiti politiċi nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003, imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Huwa jqis, b’mod partikolari, li kwalunkwe kampanja li ssir bis-saħħa tal-fondi ta’ partit politiku fuq livell Ewropew tista’ tappoġġja indirettament l-azzjoni ta’ partit politiku nazzjonali. Għaldaqstant, huwa jikkritika l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata bbażat ruħha fuq dan il-kunċett vag sabiex tiddikjara ineliġibbli l-infiq kontenzjuż.

65      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

66      Preliminarjament, għalkemm ir-rikorrent ma jqajjimx formalment eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE, għandu jiġi osservat li huwa essenzjalment isostni li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003, li serva bħala bażi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, imur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li ma hemm l-ebda rekwiżit fid-dritt tal-Unjoni ta’ invokazzjoni formali ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il‑Kunsill, T‑346/14, EU:T:2016:497, punt 56, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il‑Kunsill, T‑348/14, EU:T:2016:508, punt 57). Fil-fatt, il-ġurisprudenza tippermetti li jitqies li eċċezzjoni ta’ illegalità tkun tqajmet impliċitament, sa fejn ikun jirriżulta b’mod relattivament ċar mir-rikors li r-rikorrent qiegħed fil-fatt jagħmel tali ilment (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 1996, Baiwir vs Il‑Kummissjoni, T‑262/94, EU:T:1996:75, punt 37). F’dan il-każ, mill-analiżi tal-punti 44 et seq. tar-rikors jirriżulta li r-rikorrent iqajjem impliċitament eċċezzjoni ta’ illegalità. Barra minn hekk, mill-punt 33 tar-risposta jirriżulta li l-Parlament kien f’pożizzjoni li jifhem perfettament il-portata tal-ilment imressaq mir-rikorrent. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat il-mertu tat-tieni motiv.

67      Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003, il-fondi ta’ partiti politiċi fuq livell Ewropew li joriġinaw mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew minn kwalunkwe sors ieħor ma jistgħux jintużaw għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ partiti politiċi oħra, u b’mod partikolari ta’ partiti nazzjonali jew ta’ kandidati nazzjonali.

68      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, EU:C:1996:51, punt 20; tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 79, u tat‑18 ta’ Novembru 2008, Förster, C‑158/07, EU:C:2008:630, punt 67).

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi b’mod kunsiderevoli mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li huwa jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tirrikorri għal konsulenza esperta sabiex tevalwa, sa grad raġonevoli skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att iddeterminat (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Eurofast vs Il‑Kummissjoni, T‑87/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:641, punt 98).

70      Barra minn hekk, kif isostni l-Parlament, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix id-dritt tal-Unjoni milli jagħti setgħa diskrezzjonali lill-amministrazzjoni kompetenti jew milli juża kunċetti ġuridiċi indeterminati li għandhom jiġu interpretati u applikati fil-każ ineżami mill-imsemmija amministrazzjoni, bla ħsara għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:295, punt 45, u tat‑8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, EU:T:2008:256, punt 163).

71      Barra minn hekk, ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jistgħux jinftiehmu bħala li jimponu li standard li juża l-kunċett ġuridiku indeterminat isemmi l-ipoteżijiet konkreti differenti li fihom dan il-kunċett jista’ jiġi applikat, sa fejn dawn l-ipoteżijiet ma jistgħux jiġu ddeterminati minn qabel mil-leġiżlatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 42).

72      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni ta’ finanzjament dirett jew indirett ta’ partiti politiċi nazzjonali, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003, hija ċara. Barra minn hekk, il-projbizzjoni ta’ finanzjament indirett hija fil-fatt l-korollarju tal-projbizzjoni ta’ finanzjament dirett, għaliex inkella din il-projbizzjoni tkun tista’ tiġi evitata faċilment. Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tal-projbizzjoni ta’ finanzjament indirett, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa kunċett legali indeterminat u li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tinkludix definizzjoni eżawrjenti tal-kunċett jew lista ta’ tipi ta’ aġir li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni. Madankollu, għandu jitqies li operatur diliġenti għandu jkun f’pożizzjoni li jipprevedi, kif isostni l-Parlament, li jeżisti finanzjament indirett meta partit politiku nazzjonali jikseb vantaġġ finanzjarju b’mod partikolari billi jevita nfiq li kien ikollu jġarrab, anki jekk ma jkun hemm l-ebda trasferiment dirett ta’ fondi. Fi kliem ieħor, ma jistax jiġi aċċettat li partit politiku diliġenti fuq livell Ewropew ma jkunx f’pożizzjoni li jipprevedi li l-għoti ta’ kwalunkwe vantaġġ lil partit politiku nazzjonali, mingħajr ma dan ikollu jġarrab l-ispiża, jikkostitwixxi finanzjament indirett tal-attivitajiet ta’ dan tal-aħħar.

73      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003

74      Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tqis b’mod żbaljat li l-infiq relatat mal-poster kontenzjuż kien jikkostitwixxi finanzjament indirett ta’ partiti politiċi nazzjonali, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003, u dan prinċipalment għal żewġ raġunijiet.

75      Minn naħa, skont ir-rikorrent, il-poster kontenzjuż kien intiż għal kampanja Ewropea, imnedija fis-sede tal-Parlament fi Strasbourg (Franza) fl‑10 ta’ Ġunju 2015, sabiex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar l-effetti negattivi tal-Ftehim ta’ Schengen fuq il-flussi migratorji. Huwa jsostni li, fil-kuntest tal-kampanja, li kienet tkopri l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, huwa kien iddeċieda li jqiegħed online sensiela ta’ posters flimkien mal-bandiera tal-Unjoni fuq is-sit tal-internet tiegħu u fuq il-midja soċjali, filwaqt li Franza u l-Belġju, milquta minn flussi migratorji partikolarment sinjifikattivi, kienu s-suġġett ta’ kampanji ta’ posters speċifiċi. Huwa jenfasizza li l-Front national ma assoċjax ruħu ma’ din il-kampanja fi Franza u ma wettaq l-ebda konferenza stampa dwar dan is-suġġett. Barra minn hekk, f’dak iż-żmien, kien għad fadal għall-elezzjonijiet reġjonali fi Franza, li kienu jirrigwardaw kwistjonijiet mingħajr relazzjoni diretta mal-flussi migratorji.

76      Skont ir-rikorrent, jekk l-argument tal-Parlament jiġi aċċettat, ikunu jistgħu jsiru biss kampanji ta’ posters fuq kwistjonijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mat-tħassib politiku tal-Front national, li huwa impossibbli, għaliex partit politiku nazzjonali jħaddan is-suġġetti kollha li jistgħu jkunu ta’ interess għaċ-ċittadini. Huwa jżid li s-suġġett tal-flussi migratorji u tat-Trattat ta’ Schengen huwa suġġett Ewropew.

77      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent isostni li l-allegati logos tal-partiti politiċi nazzjonali inkwistjoni, jiġifieri dawk tal-Front national u tal-Vlaams Belang, kienu ħames darbiet iżgħar mil-logo tar-rikorrent. Għaldaqstant, din is-sitwazzjoni hija distinta mis-sitwazzjoni preċedenti msemmija mill-Parlament fl-ittri tiegħu tat‑22 ta’ Lulju u tal‑10 ta’ Awwissu 2016, li fih il-logos inkwistjoni kienu ta’ daqs simili. Barra minn hekk, huwa josserva li, skont il-paragrafu 7 tal-punt 6 tal-Gwida dwar is-sussidji operattivi mogħtija mill-Parlament lill-partiti u lill-fondazzjonijiet politiċi fuq livell Ewropew, dwar il-finanzjament ta’ kampanji fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament, l-ismijiet u l-logos tal-partit politiku Ewropew ma għandhomx ikunu inqas viżibbli minn dawk tal-partiti nazzjonali jew tal-kandidati fil-pubblikazzjonijiet, sabiex l-għajnuna ma titqiesx bħala għajnuna finanzjarja indiretta.

78      Ir-rikorrent isostni li l-preżenza tal-allegat logo tal-Front national fuq il-posters ma kinitx intiża li tippromwovi indirettament dan il-partit politiku nazzjonali, iżda li tgħin lill-pubbliku Franċiż jifhem il-kampanja. L-istess jgħodd għall-allegat logo tal-Vlaams Belang għal dak li jirrigwarda l-posters intiżi għall-Belġju.

79      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-rikorrent isostni wkoll li l-logo fuq il-posters intiżi għal Franza ma kienx dak tal-Front national, billi l-logo ta’ dan il-partit huwa fjamma bi tliet kuluri (blu, abjad u aħmar), filwaqt li l-logo kontenzjuż kellu biss żewġ kuluri. Għalhekk, dan huwa l-logo tad-delegazzjoni tal-Front national fi ħdan ir-rikorrent u mhux il-logo tal-Front national per se. Barra minn hekk, huwa jżid li l-Parlament ma pproduċiex il-prova li l-pubbliku Franċiż jipperċepixxi l-poster bħala li joriġina mill-Front national. Fil-fatt, il-poster jindika b’mod espliċitu li r-rikorrent “biss huwa responsabbli għal dan il-kontenut”.

80      Issa, waqt is-seduta, ir-rikorrent ammetta li kien probabbli li l-pubbliku jassoċja l-poster mal-Front national minħabba l-logo kontenzjuż, għaliex probabbilment ma huwiex kapaċi jipperċepixxi d-differenza. Madankollu, huwa jsostni li, fir-realtà huwa neċessarju li l-pubbliku jkun jista’ jassoċja dan il-logo ma’ partit politiku nazzjonali, f’dan il-każ il-Front national, sabiex ikun jista’ jidentifika l-oriġini tal-messaġġ, u dan minħabba n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-partiti politiċi fuq livell Ewropew.

81      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

82      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003, il-fondi ta’ partiti politiċi fuq livell Ewropew li joriġinaw mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew minn kwalunkwe sors ieħor ma jistgħux jintużaw għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ partiti politiċi oħra, u b’mod partikolari ta’ partiti nazzjonali jew ta’ kandidati nazzjonali. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 72 iktar ’il fuq, jista’ jitqies li jeżisti finanzjament indirett meta partit politiku nazzjonali jikseb vantaġġ finanzjarju b’mod partikolari billi jevita nfiq li kien ikollu jġarrab, anki jekk ma jkun hemm l-ebda trasferiment dirett ta’ fondi.

83      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tielet motiv, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kkontestata kkonkludietx b’mod żbaljat li ż-żewġ partiti politiċi nazzjonali, jiġifieri l-Front National u l-Vlaams Belang, irċevew vantaġġ finanzjarju indirett li rriżulta mit-twettiq tal-kampanja. Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, huwa xieraq li tittieħed inkunsiderazzjoni sensiela ta’ indizji relatati mal-kontenut tal-imsemmija kampanja u mal-perċezzjoni mill-pubbliku, kif ukoll indizji ġeografiċi u dawk relatati maż-żmien.

84      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-kontenut tal-kampanja, għandu jiġi osservat li ma kienx is-suġġett ta’ din il-kampanja, jiġifieri l-allegati effetti tal-Ftehim ta’ Schengen fuq il-flussi migratorji, li ġie meqjus problematiku mill-Parlament. Fil-fatt, mill-ittra tal-Parlament tat‑22 ta’ Lulju 2016, min-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament lill-Bureau tal-imsemmija istituzzjoni tal‑5 ta’ Settembru 2016 u mill-ittra tal-Parlament tas‑26 ta’ Settembru 2016 li tinnotifika d-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-element deċiżiv li fuqu din tal-aħħar hija bbażata huwa l-kunsiderazzjoni li l-pubbliku jista’ jipperċepixxi din il-kampanja bħala li toriġina, għall-inqas parzjalment, mill-Front Nazzjonali u mill-Vlaams Belang. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi r-rikorrent, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Parlament ma timplikax li huwa obbligat jagħmel kampanja dwar suġġetti mingħajr ebda konnessjoni mat-tħassib ta’ kwalunkwe partit politiku nazzjonali sabiex josserva l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003.

85      It-tieni nett, kif ġie indikat fil-punt 84 iktar ’il fuq, l-element ċentrali tad-deċiżjoni kkontestata huwa l-perċezzjoni min-naħa tal-pubbliku li l-kampanja toriġina, għall-inqas parzjalment, mill-Front Nazzjonali u mill-Vlaams Belang, fl-assenza ta’ kofinanzjament adegwat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-twettiq ta’ kampanja li hija pperċepita mill-pubbliku bħala li ġiet organizzata għall-inqas b’mod konġunt ma’ partit politiku nazzjonali, filwaqt li dan ma jikkontribwixxix b’mod adegwat għall-finanzjament tagħha, jista’ jagħti vantaġġ finanzjarju indirett lill-partit politiku nazzjonali. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, il-partit politiku nazzjonali jkun jibbenefika minn viżibbiltà ikbar fost il-pubbliku u mit-tixrid ta’ messaġġ li huwa jħaddan, filwaqt li ma jkun ġarrab l-ebda spejjeż relatati mat-twettiq ta’ din il-kampanja.

86      F’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrent ipprova jargumenta fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu li l-logo li jinsab fuq il-posters intiżi għal Franza ma kienx verament dak tal-Front national u li l-Parlament ma weriex li l-pubbliku Franċiż kien ipperċepixxa l-poster bħala li joriġina mill-Front national, għandu jiġi kkonstatat li, waqt is-seduta, ir-rikorrent irrinunzjat għal dan l-argument, billi rrikonoxxa li l-pubbliku probabbilment jassoċja l-poster mal-Front national minħabba dan il-logo.

87      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-rikorrent ma ressaq l-ebda argument intiż li jqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni relatata mal-fatt li l-logo li jinsab fuq il-verżjoni Olandiża tal-poster kien dak tal-Vlaams Belang. B’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, huwa barra minn hekk irrikonoxxa li dan kien fil-fatt il-logo tal-Vlaams Belang.

88      Għaldaqstant, huwa mingħajr ma twettaq żball li d-deċiżjoni kkontestata setgħet tikkonkludi li, f’dan il-każ, il-pubbliku jipperċepixxi l-kampanja, għall-inqas parzjalment, bħala li toriġina mill-Front national u mill-Vlaams Belang.

89      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument imressaq mir-rikorrenti fil-punt 68 tar-rikors, u enfasizza waqt is-seduta, li jgħid li l-preżenza tal-logos tal-Front national u tal-Vlaams Belang rispettivament kienet neċessarja sabiex tippermetti l-identifikazzjoni tal-awtur tal-kampanja għaċ-ċittadini. Għalkemm huwa permissibbli li partit politiku fuq livell Ewropew jorganizza kampanja flimkien ma’ partit politiku nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li f’dan il-każ il-partit politiku nazzjonali għandu jikkontribwixxi b’mod adegwat għall-finanzjament tal-imsemmija kampanja, sabiex jiġi evitat ksur tal-projbizzjoni ta’ finanzjament indirett, prevista mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jsostnix li l-partiti politiċi nazzjonali inkwistjoni, jiġifieri l-Front national u l-Vlaams Belang, ikkofinanzjaw b’xi mod il-kampanja.

90      Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrent dwar id-daqs tal-logos. Fil-fatt, il-fatt li, fuq il-posters, il-logo tar-rikorrent huwa ikbar minn dak tal-Front national u tal-Vlaams Belang, liema fatt ma jistax jiġi kkontestat, ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi li l-kampanja tkun assoċjata, għall-inqas parzjalment, mal-partijiet politiċi nazzjonali inkwistjoni. Kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi r-rikorrent, ma huwiex biss meta d-daqs tal-logos tal-partit politiku fuq livell Ewropew u tal-partit politiku nazzjonali inkwistjoni jkun simili li għandu jitqies li jeżisti vantaġġ indirett mogħti lill-partit politiku nazzjonali. Meta l-logo tal-partit politiku nazzjonali jkun iżgħar minn dak tal-partit politiku fuq livell Ewropew, bħal f’dan il-każ, ma jkunx irraġonevoli għall-Parlament li jikkonkludi li l-pubbliku ser jipperċepixxi l-kampanja inkwistjoni bħala li toriġina, għall-inqas parzjalment, mill-partit politiku nazzjonali sakemm il-logo tal-partit politiku nazzjonali jibqa’ identifikabbli.

91      Hemm lok li jiġi miċħud ukoll l-argument imressaq mir-rikorrent fuq il-bażi tal-paragrafu 7 tal-punt 6 tal-Gwida dwar is-sussidji operattivi mogħtija mill-Parlament lill-partiti u lill-fondazzjonijiet politiċi fuq livell Ewropew. Fil-fatt, kif il-Parlament ġustament isostni, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-kampanji għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, li fihom il-partiti politiċi nazzjonali għandhom bilfors ikunu preżenti, peress li huma dawn tal-aħħar u mhux il-partiti politiċi fuq livell Ewropew li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet għall-Parlament. Issa, il-kampanja ma kinitx tikkonċerna l-elezzjonijiet għall-Parlament. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

92      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-avviż fil-qiegħ tal-poster li jgħid li r-rikorrent “biss huwa responsabbli għal dan il-kontenut”, għandu jiġi osservat li dan l-avviż ma huwiex daqstant viżibbli minħabba d-daqs żgħir tat-tipa. Barra minn hekk, dan l-avviż ma jistax jinqara, għall-inqas fuq il-verżjoni tal-poster imqiegħed fuq l-internet permezz tal-midja soċjali.

93      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-indizju dwar il-perċezzjoni mill-pubbliku, fid-dawl tal-preżenza tal-logos tal-partiti politiċi nazzjonali, jikkonferma li dawn setgħu jirċievu vantaġġ indirett bħala riżultat tal-kampanja, li ġiet iffinanzjata kompletament mir-rikorrent.

94      It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-element ġeografiku, il-Parlament ġustament qies bħala indizju rilevanti l-fatt li l-kampanja kienet tikkonċerna b’mod partikolari żewġ pajjiżi tal-Unjoni, jiġifieri Franza u l-Belġju, liema fatt jirriżulta b’mod partikolari mill-użu tal-bandiera Franċiża u ta’ dik tar-Reġjun ta’ Vlaams kif ukoll tal-logos tal-Front Nazzjonali u tal-Vlaams Belang. Għandu jingħad ukoll li, għalkemm ir-rikorrent isostni li din il-kampanja saret fuq skala tal-Unjoni, huwa ma jipproduċi ebda prova ta’ dan. Barra minn hekk, is-sempliċi pubblikazzjoni ta’ verżjoni tal-poster flimkien mal-bandiera tal-Unjoni fuq is-sit tal-internet tar-rikorrent u fuq il-paġni tal-midja soċjali ta’ dan tal-aħħar, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa minnu, ma hijiex paragunabbli f’termini ta’ kobor mal-kampanja ta’ posters imwettqa fi Franza u fil-Belġju.

95      Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent dwar it-tnedija tal-kampanja fis-sede tal-Parlament fi Strasbourg, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan l-element waħdu ma huwiex suffiċjenti sabiex juri l-assenza ta’ finanzjament indirett tal-partiti politiċi nazzjonali, fid-dawl mhux biss ta’ indizji oħra, iżda wkoll tal-kunsiderazzjonijiet dwar l-element ġeografiku esposti fil-punt 94 iktar ’il fuq.

96      Ir-raba’ nett, għal dak li jirrigwarda l-element taż-żmien, l-argument imressaq mir-rikorrent li jgħid li kien għad fadal għall-elezzjonijiet reġjonali fi Franza għandu jiġi miċħud. Fl-ewwel lok, irrispettivament mill-kwistjoni dwar l-użu effettiv tal-verżjoni Franċiża tal-poster li seta’ sar mill-Front national, mill-membri tiegħu jew minn partitarji tiegħu f’dawn l-elezzjonijiet, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, perijodu ta’ ħames xhur bejn it-tnedija tal-kampanja u dawn l-elezzjonijiet ma jidhirx biżżejjed sabiex jirrendi improbabbli l-użu ta’ din il-kampanja għall-finijiet ta’ dawn l-elezzjonijiet. Fit-tieni lok, f’kull każ, għandu jiġi osservat li l-element taż-żmien jikkostitwixxi wieħed mill-indizji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-punt 83 iktar ’il fuq. Madankollu, dan ma jikkostitwixxix kundizzjoni indispensabbli jew anki l-indizju l-iktar determinanti. F’dan il-każ, fid-dawl tal-ittra tal-Parlament tat‑22 ta’ Lulju 2016, tan-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament lill-Bureau tal-imsemmija istituzzjoni tal‑5 ta’ Settembru 2016 u tal-ittra tal-Parlament tas‑26 ta’ Settembru 2016 li tinnotifika d-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-eventwali prossimità fiż-żmien mal-elezzjonijiet inkwistjoni ma jinsabx fost l-elementi kkunsidrati mill-Parlament sabiex jikkonkludi li kien hemm finanzjament indirett ta’ partiti politiċi nazzjonali. Dan ma jistax jiġi kkritikat, peress li vantaġġ mill-aspett ta’ immaġni u ta’ viżibbiltà għal partit politiku nazzjonali ma għandux neċessarjament ikun limitat għal perjodu elettorali preċiż.

97      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

98      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

99      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk tal-Parlament, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Mouvement pour une Europe des nations et des libertés għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk tal-Parlament Ewropew.

Collins

Barents

Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑27 ta’ Novembru 2018.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.