Language of document : ECLI:EU:T:2019:572

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2019 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Servizzi ta’ ġestjoni ta’ applikazzjonijiet u ta’ infrastrutturi informatiċi – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent u għoti tal-kuntratt lil offerenti oħra – Obbligu ta’ motivazzjoni – Evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi – Karatteristiċi u vantaġġi relattivi tal-offerti magħżula – Talba għal motivazzjoni min-naħa ta’ offerent li ma jinsabx f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni u li l-offerta tiegħu hija konformi mad-dokumenti tal-kuntratt”

Fil-Kawża T‑741/17,

TRASYS International EEIG, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Axianseu – Digital Solutions SA, stabbilita f’Lisbona (il-Portugall),

irrappreżentati minn L. Masson u G. Tilman, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), irrappreżentata minn S. Rostren, E. Tellado Vásquez u H. Köppen, bħala aġenti, assistiti minn V. Ost, M. Vanderstraeten u F. Tulkens, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EASA tat‑28 ta’ Awwissu 2017 li tiċħad l-offerta ppreżentata mill-konsorzju tar-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti EASA.2017.HVP.08, dwar kuntratt pubbliku għal servizzi dwar il-ġestjoni ta’ applikazzjonijiet u ta’ infrastrutturi informatiċi f’Köln (il-Ġermanja), u għoti tal-kuntratt skont l-ordni tal-klassifika lil tliet offerenti oħra,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, I. S. Forrester (Relatur) u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑11 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest tal-kawża

1        Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tal‑5 ta’ April 2017, ippubblikat fis-Suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ April 2017 (ĠU 2017, S 075–144229) bir-referenza EASA.2017.HVP.08 (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kuntratt”), l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti dwar kuntratt pubbliku għal servizzi dwar il-ġestjoni ta’ applikazzjonijiet u ta’ infrastrutturi informatiċi f’Köln (il-Ġermanja).

2        L-avviż ta’ kuntratt kien jirrigwarda l-konklużjoni ta’ kuntratt qafas wieħed jew iktar ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ applikazzjonijiet u ta’ infrastrutturi informatiċi. Il-kuntratti qafas kienu jistabbilixxu sistema ta’ klassifika. Għaldaqstant, l-EASA kienet tagħmel, l-ewwel nett, l-ordnijiet tagħha mal-operatur ikklassifikat fl-ewwel post, imbagħad mal-operatur ikklassifikat fit-tieni post u, fl-aħħar nett, mal-offerent ikklassifikat fit-tielet post.

3        Fil‑31 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti, TRASYS International EEIG (iktar ’il quddiem “Trasys”), assoċjazzjoni Ewropea ta’ interess ekonomiku, u Axianseu – Digital Solutions SA (li kienet Novabase IMS – Infrastructures & Management Services SA), kumpannija rregolata mid-dritt Portugiż, ippreżentaw offerta komuni fil-forma ta’ konsorzju mmexxi minn Trasys. Seba’ offerenti oħra ppreżentaw offerta bi tweġiba għall-avviż ta’ kuntratt.

4        L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprovdu li l-kuntratt qafas kien ingħata fuq il-bażi tal-offerta li kienet l-iktar vantaġġuża ekonomikament skont il-prinċipju tal-aħjar relazzjoni kwalità-prezz, il-kwalità teknika u l-prezz li kull wieħed minnhom kien jgħodd għal 50 % fl-evalwazzjoni tal-offerti proposti, bil-kundizzjoni li l-offerent jew l-offerenti magħżula jissodisfaw ċerti kriterji minimi fid-dawl tal-eliġibbiltà, tan-nuqqas ta’ esklużjoni, tal-kapaċità u tal-konformità tal-offerta.

5        Fit‑13 ta’ Lulju 2017, fil-kuntest tal-analiżi tal-offerti li rċeviet u abbażi ta’ paragun tar-rati proposti mid-diversi offerenti, l-EASA bagħtet lil erba’ minnhom (Atos, Icarus, e-KARE u UniSystems) talbiet għal ġustifikazzjoni li jikkonċernaw b’mod partikolari l-prezz apparentement anormalment baxx li huma pproponew. Wara t-tweġibiet mibgħuta minn dawn l-offerenti għat-talbiet għal ġustifikazzjoni, l-EASA talbet, fit‑18 ta’ Awwissu 2017, informazzjoni addizzjonali minn kull wieħed mill-offerenti kkonċernati li kienu kkompletaw it-tweġibiet tagħhom. Ir-rikorrenti ma ġewx informati b’din il-korrispondenza.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Awwissu 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-EASA ċaħdet l-offerta ppreżentata mill-konsorzju tar-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti EASA.2017.HVP.08 u tat il-kuntratt qafas, skont l-ordni tal-klassifika, lit-tliet offerenti li ġejjin: Icarus, ikklassifikata fl-ewwel post, Atos, ikklassifikata fit-tieni post, u UniSystems, ikklassifikata fit-tielet post.

7        Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Awwissu 2017, l-EASA informat lil Trasys li l-evalwazzjoni tal-offerta tal-konsorzju fformata mir-rikorrenti, ikklassifikata fil-ħames post, ma kinitx ippermettiet li jiġi konkluż li din l-offerta kienet l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Fil-fatt, minn tabella komparattiva bejn l-ewwel offerent rebbieħ u l-konsorzju tar-rikorrenti, li tinsab f’din l-ittra, kien jirriżulta li l-“punteġġ tekniku” tal-ewwel offerent rebbieħ kien ta’ 82, filwaqt li dak tar-rikorrenti kien ta’ 91, li kien jagħti “punteġġ tekniku ponderat” ta’ 41 għall-ewwel offerent rebbieħ u ta’ 45.5 għar-rikorrenti. Il-“punteġġ finanzjarju ponderat” kien ta’ 48.8 għall-ewwel offerent rebbieħ u ta’ 29.64 biss għar-rikorrenti, li wassal għal “punteġġ totali” ta’ 89.80 għall-ewwel offerent rebbieħ u ta’ 75.14 għar-rikorrenti. L-EASA kienet stiednet lil Trasys sabiex titlob iktar informazzjoni jekk hija kienet tixtieq tagħmel dan.

8        Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑31 ta’ Awwissu 2017, Trasys talbet lill-EASA tipprovdilha r-rapport ta’ evalwazzjoni ddettaljat.

9        Fl‑1 ta’ Settembru 2017, l-EASA kkomunikat lir-rikorrenti l-ismijiet u l-pożizzjoni tal-offerenti magħżula kif ukoll silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni, li kienet tikkonsisti f’tabella li tqabbel il-punteġġi tal-ewwel offerent rebbieħ u tal-konsorzju tar-rikorrenti fir-rigward tal-evalwazzjoni teknika.

10      Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti kkontestaw ir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. B’mod partikolari, huma talbu lill-EASA sabiex tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt qafas u sabiex tippermettilhom li jkollhom aċċess għal deċiżjoni motivata f’dak li kien jirrigwarda l-għoti flimkien, jekk ikun il-każ, ma’ kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerti. Ir-rikorrenti indikaw ukoll li l-prezzijiet tal-offerenti magħżula setgħu jkunu biss anormalment baxxi b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li s-servizzi kellhom jitwettqu f’Köln.

11      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Settembru 2017, l-EASA indikat lir-rikorrenti li hija kienet qed tirrifjuta li tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt qafas u sostniet li, matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni, kien intalab, b’mod partikolari mit-tliet offerenti magħżula, li tingħata informazzjoni dwar il-prezzijiet proposti u li din l-informazzjoni kienet tqieset bħala suffiċjenti mill-kumitat ta’ evalwazzjoni. L-EASA hemżet ma’ din l-ittra t-tabelli ta’ evalwazzjoni teknika tat-tliet offerenti magħżula, b’xi siltiet redatti.

12      Fl-istess ġurnata, Trasys ressqet ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew, irreġistrat bir-referenza 1633/2017/MDC.

13      Fil‑25 ta’ Settembru 2017, il-konsorzju tar-rikorrenti, billi rrepeta t-talba għas-sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratt, billi invoka r-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbiliti mill-ġurisprudenza u billi spjega d-dubji tiegħu dwar il-prezzijiet anormalment baxxi ta’ mill-inqas tnejn mill-offerenti, talab lill-EASA sabiex tipproduċi d-dokumenti li bihom hija kienet għamlet mistoqsijiet lill-offerenti u t-tweġibiet mogħtija minn dawn tal-aħħar kif ukoll id-dokument li fih ir-raġunament li kien wassal lill-EASA sabiex taċċetta l-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-offerenti li lilhom saru l-mistoqsijiet.

14      Fis‑17 ta’ Ottubru 2017, l-EASA bagħtet lir-rikorrenti kopja tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tar-rapport ta’ evalwazzjoni u tal-ittri li bihom hija kienet talbet kjarifiki lill-offerenti. F’dawn il-kopji, ġew redatti partijiet kbar li jinkludu l-elementi li l-EASA qieset li l-iżvelar tagħhom seta’ jippreġudika l-ħajja privata jew l-interessi kummerċjali leġittimi tal-offerenti kkonċernati. Għal dak li jirrigwarda t-tweġibiet għat-talbiet ta’ ġustifikazzjoni, l-EASA spjegat lir-rikorrenti li, fil-każ ta’ dubju dwar in-natura potenzjalment kunfidenzjali ta’ dokument, hija kellha l-obbligu li titlob il-kunsens tal-offerenti kkonċernati.

15      Fit‑30 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-rikors tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali u ressqu din il-kawża.

16      Fis‑7 ta’ Novembru 2017, wara skambju ta’ korrispondenza mal-erba’ offerenti kkonċernati mit-talbiet ta’ ġustifikazzjoni tal-awtorità kontraenti dwar il-kwistjoni tal-prezzijiet anormalment baxxi, jiġifieri Atos, Kare, Icarus u UniSystems, li invokaw is-sigriet tan-negozju u data personali, l-EASA informat lir-rikorrenti li hija kienet qed tirrifjuta li tikkomunikalhom id-dokumenti mitluba.

17      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Diċembru 2017, fuq talba tal-Ombudsman, li lilu Trasys kienet indirizzat l-ilment tagħha, l-EASA pprovdiet informazzjoni supplimentari billi indikat li, matul il-proċess ta’ evalwazzjoni, kienu dehru xi dubji fir-rigward tal-kwistjoni tal-prezzijiet anormalment baxxi proposti minn erba’ offerenti, bħall-prezzijiet ta’ kuljum għal ċerti profili speċifiċi li kienu jidhru sostanzjalment iktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq attwali għal servizz ekwivalenti, u li kienu saru żewġ skambji ta’ korrispondenza sabiex din il-kwistjoni tiġi ċċarata fir-rigward ta’ dawn l-offerenti. L-EASA spjegat lill-Ombudsman li, ħlief għal xi mistoqsijiet speċifiċi li kienu saru, kienu ntalbu provi mingħand l-offerenti li juru li l-prezzijiet tagħhom kienu konformi mal-liġijiet ambjentali, soċjali u tax-xogħol applikabbli u li s-servizzi kienu twettqu b’rati paragunabbli għal dawk li jinsabu fl-offerti. L-EASA semmiet ukoll li l-offerenti kollha kienu wieġbu, billi pproduċew provi bħal, b’mod partikolari, rċevuti ta’ ħlas, fatturi u referenzi ta’ kuntratti għal servizzi mwettqa f’ambjent simili. Barra minn hekk, l-offerenti kollha kienu kkonfermaw li josservaw il-liġijiet nazzjonali relatati max-xogħol u mas-sigurtà soċjali għat-tul sħiħ tal-kuntratt, u pprovdew lill-EASA kalkoli bħala prova li hija ppreżentat lill-Ombudsman f’anness kunfidenzjali. L-EASA spjegat li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien aċċetta l-prezzijiet li jinsabu fl-offerti finanzjarji billi ħa inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-offerenti kif ukoll id-dokumentazzjoni u l-formuli ta’ kalkolu tal-ispejjeż ippreżentati insostenn tad-dikjarazzjonijiet, peress li ma kienx hemm elementi suffiċjentement qawwija u lanqas provi li abbażi tagħhom it-tliet offerti kklassifikati l-ewwel setgħu jiġu miċħuda. L-EASA semmiet ukoll li hija kienet ikkunsidrat b’attenzjoni l-ittra ta’ Trasys tas‑6 ta’ Settembru 2017, iżda li hija kienet ikkonkludiet li din kienet ibbażata fuq preżunzjonijiet u li ma pproduċietx provi suffiċjenti.

18      Fil-komunikazzjonijiet tagħha mal-Ombudsman, l-EASA sostniet li hija kienet bagħtet lir-rikorrenti d-dokumentazzjoni kollha mitluba. Madankollu l-EASA ma ppreċiżatx lill-Ombudsman li d-dokumenti mibgħuta lir-rikorrenti ma kinux jinkludu d-dettalji tal-verifika li hija kienet wettqet dwar il-possibbiltà ta’ prezz anormalment baxx u lanqas li dawn id-dokumenti kienu, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, redatti.

19      B’mod parallel, f’anness kunfidenzjali, l-EASA poġġiet dokumenti kunfidenzjali bħala provi lill-Ombudsman.

20      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Frar 2018, l-EASA informat lill-Ombudsman dwar il-lis pendens quddiem il-Qorti Ġenerali. L-Ombudsman madankollu ħa deċiżjoni, billi argumenta li s-suġġett tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ma kienx identiku għal dak tal-ilment ta’ Trasys imressaq quddiemu, u llimita ruħu li jitlob lill-EASA tweġiba aħjar għall-mistoqsijiet tiegħu dwar il-konformità tal-offerti tal-offerenti rebbieħa mad-dritt industrijali nazzjonali u mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, fl‑1 ta’ Ġunju 2018, l-Ombudsman għalaq il-proċedura billi kkonkluda li l-kawża kienet ġiet riżolta peress li l-EASA kienet tejbet it-tweġibiet inizjali tagħha billi tat lil Trasys tweġiba fid-dettall, adegwata u iktar kompleta.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

22      L-EASA ppreżentat ir-risposta tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Marzu 2018.

23      Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Novembru 2018, abbażi tal-Artikolu 103(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-EASA sabiex tipproduċi l-verżjoni kunfidenzjali sħiħa tar-rapport ta’ evalwazzjoni, tat-talbiet ta’ ġustifikazzjoni tal-prezz u tal-ittri ta’ tweġiba għat-talbiet ta’ ġustifikazzjoni tal-prezz. Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li dawn id-dokumenti ma kinux ser jiġu kkomunikati lill-partijiet l-oħra f’dan l-istadju. L-EASA pproduċiet id-dokumenti mitluba fit-terminu stabbilit.

24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑11 ta’ April 2019 u bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li ppreċediet is-seduta.

25      Fi tmiem is-seduta, il-Qorti Ġenerali tat terminu lill-partijiet sabiex huma jkunu jistgħu jinnegozjaw ftehim li jista’ jtemm l-istanza. Fit‑2 ta’ Mejju 2019, l-EASA informat lill-Qorti Ġenerali li l-partijiet ma kinux waslu għal ftehim fit-terminu stabbilit, u dan wassal għall-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura.

26      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EASA għall-ispejjeż.

27      L-EASA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat kontra d-“deċiżjoni impliċita li l-kuntratti qafas ma jingħatawx lir-rikorrenti”;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

28      Ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed, ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ aspett essenzjali. Għaldaqstant, huma jikkritikaw lill-EASA talli ma ppreċiżatx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tqis li l-prezzijiet proposti mit-tliet offerenti magħżula ma kinux anormalment baxxi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq statistika pubblika u fuq il-paragun tal-punteġġi tekniċi tal-offerenti rebbieħa ma’ tagħhom.

 Fuq is-suġġett tat-tilwima

29      L-EASA ssostni li, sa fejn jirrigwarda d-“deċiżjoni impliċita li d-diversi kuntratti qafas ma jingħatawx lir-rikorrenti”, ir-rikors huwa inammissibbli. Fil-fatt, anki jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tannulla minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tagħti l-kuntratti qafas lit-tliet offerenti magħżula, hija l-EASA li għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza skont l-Artikolu 266 TFUE. Il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-EASA billi timponi fuqha l-obbligu li tagħti wieħed mill-kuntratti qafas lir-rikorrenti.

30      Din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda. Mir-rikors jirriżulta li, fit-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti ma humiex qegħdin jitolbu li l-kuntratt jingħata lilhom, iżda biss li d-deċiżjoni kkontestata, li tagħti dan il-kuntratt lil tliet offerenti oħra u għaldaqstant tiddeċiedi impliċitament li ma tagħtihx lir-rikorrenti, tiġi annullata.

31      Ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti għandhom interess reali sabiex jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, diġà ġie deċiż li offerenti li l-offerti tagħhom kienu ġew miċħuda kellhom interess ġuridiku fir-rigward tal-annullament ta’ deċiżjoni ta’ għoti sabiex, skont l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE, jerġgħu jitqiegħdu fl-istat oriġinali tagħhom u dan, jekk ikun il-każ, jista’ jieħu l-forma ta’ kumpens monetarju li jikkorrispondi għad-dannu mġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Direct Way u Direct Way Worldwide vs Il‑Parlament, T‑126/13, EU:T:2015:819, punt 44).

32      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu jiġi indikat li d-deċiżjoni kkontestata, li fl-anness fiha r-rapport ta’ evalwazzjoni, tinkludi, minn naħa, parti dwar l-għoti tal-kuntratt ta’ servizzi lit-tliet offerenti kklassifikati skont is-sistema ta’ klassifika u, min-naħa l-oħra, impliċitament, iżda neċessarjament, parti dwar iċ-ċaħda tal-offerta tal-konsorzju tar-rikorrenti, li ma ġiex ikklassifikat fl-ewwel tliet postijiet fi tmiem l-evalwazzjoni tal-offerti, iżda li tidher f’kull stadju ta’ din l-evalwazzjoni. Dawn iż-żewġ partijiet jikkostitwixxu, fir-realtà, deċiżjoni waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, PRIMA vs Il-Kummissjoni, T‑722/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:61, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li r-rikors huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tagħti l-kuntratt kontenzjuż lil tliet offerenti għajr lir-rikorrenti u, b’hekk, tiċħad l-offerta ppreżentata minn dawn tal-aħħar għal dan il-kuntratt. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EASA għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

34      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, billi llimitat ruħha għal motiv wieħed ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-prezzijiet tal-offerti magħżula kinux anormalment baxxi, ir-rikorrenti ma jressqux argument ieħor li jirrigwarda pereżempju, skont l-EASA, l-aċċess għal dokumenti li l-kunfidenzjalità tagħhom hija allegata jew l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-awtorità kontraenti fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku.

 Fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi u l-obbligu ta’ motivazzjoni

35      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-awtorità kontraenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tieħu d-deċiżjoni li tagħti kuntratt wara sejħa għal offerti. Din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa hija rrikonoxxuta lilha matul il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, inkluż għal dak li jirrigwarda l-għażla u l-evalwazzjoni tal-kriterji ta’ għoti (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, TV1 vs Il‑Kummissjoni, T‑700/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:35, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għandu jiġi osservat ukoll li, meta l-awtur tal-att ikollu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm inkluż, b’mod partikolari, l-obbligu tal-awtur tal-att li jimmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjonijiet tiegħu. Huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżiti formali essenzjali li jirrigwardaw deċiżjoni għandu jwassal għall-annullament tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 1995, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑65/93, EU:C:1995:91, punt 21).

37      Barra minn hekk, sabiex jiġi eżaminat jekk l-EASA ssodisfatx id-dmir ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi, jeħtieġ li jiġu identifikati l-elementi meħtieġa f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza.

38      Dawn l-elementi jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-kontenut tal-motivazzjoni, it-tieni nett, it-terminu li fih il-motivazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-offerent ikkonċernat u, it-tielet nett, il-portata tal-motivazzjoni meħtieġa.

39      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kontenut tal-motivazzjoni, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi tikkostitwixxi wieħed mill-fatturi li l-awtorità kontraenti għandha tivverifika skont l-Artikolu 151 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2462 tas‑30 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 342, p. 7) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implimentazzjoni”).

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa” la ma huwa ddefinit mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 286, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”), u lanqas minn dawk tar-Regolament ta’ implimentazzjoni. Madankollu, ġie deċiż li n-natura anormalment baxxa ta’ offerta kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-kompożizzjoni tal-offerta u tas-servizz inkwistjoni (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Agriconsulting Europe vs Il-Kummissjoni, T‑570/13, EU:T:2016:40, punt 55).

41      Skont l-Artikolu 276(4) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, fil-każ ta’ offerti anormalment baxxi, il-kumitat ta’ evalwazzjoni għandu jitlob il-preċiżazzjonijiet li huwa jqis rilevanti dwar il-kompożizzjoni tal-offerta.

42      L-obbligu, ta’ awtorità kontraenti, li tivverifika s-serjetà ta’ offerta jirriżulta mill-eżistenza minn qabel ta’ dubji dwar l-affidabbiltà tagħha, sa fejn l-Artikolu 276(4) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu bħala għan prinċipali li jippermetti lil offerent li ma jiġix eskluż mill-proċedura mingħajr ma jkun ingħata l-opportunità li jiġġustifika l-kontenut tal-offerta tiegħu li tkun tidher anormalment baxxa. Għalhekk huwa biss meta ikunu jeżistu tali dubji li l-kumitat ta’ evalwazzjoni għandu jitlob preċiżazzjonijiet li huwa jqis rilevanti dwar il-kompożizzjoni tal-offerta, qabel, jekk ikun il-każ, ma jirrifjutaha. Min-naħa l-oħra, fil-każ li offerta ma tidhirx bħala anormalment baxxa skont l-Artikolu 151(1) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, l-Artikolu 276(4) ta’ dan ir-regolament ma japplikax (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, TV1 vs Il‑Kummissjoni, T‑700/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:35, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Tali dubji jistgħu jeżistu b’mod partikolari jekk ikun jidher inċert, minn naħa, li offerta tosserva l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih is-servizzi għandhom jiġu pprovduti, fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-persunal, tal-kontribuzzjoni għall-iskema tas-sigurtà soċjali, tal-osservanza tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol u tal-bejgħ b’telf, u, min-naħa l-oħra, li l-prezz propost jinkludi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-aspetti tekniċi tal-offerta (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2015, Secolux vs Il-Kummissjoni, T‑90/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:772, punt 62). Dan jgħodd ukoll meta l-prezz propost f’offerta ppreżentata jkun kunsiderevolment inqas minn dak ta’ offerti oħra ppreżentati jew mill-prezz abitwali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 88).

44      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-evalwazzjoni, mill-awtorità kontraenti, tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi għandha ssir f’żewġ stadji (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 87).

45      Fl-ewwel lok, l-awtorità kontraenti għandha tevalwa jekk il-prezz jew l-ispiża proposta f’offerta “jidhru” anormalment baxxi (ara l-Artikolu 151(1) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni). L-użu tal-verb “jidhru” fir-Regolament ta’ implimentazzjoni jimplika li l-awtorità kontraenti għandha tagħmel evalwazzjoni prima facie tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta. Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni madankollu ma jimponix fuq l-awtorità kontraenti l-obbligu li twettaq ex officio analiżi ddettaljata tal-kompożizzjoni ta’ kull offerta sabiex tistabbilixxi li ma tikkostitwixxix offerta anormalment baxxa. Għaldaqstant, fl-ewwel lok, l-awtorità kontraenti għandha tiddetermina biss jekk l-offerti magħmula jinkludux indizji ta’ natura li jqajmu s-suspett li jistgħu jkunu anormalment baxxi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 88, li tirreferi għall-formulazzjoni l-antika tal-Artikolu 151 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni li s-sustanza tiegħu ma nbidlitx fil-verżjoni tar-Regolament ta’ implimentazzjoni applikabbli f’dan il-każ).

46      Fit-tieni lok, jekk ikunu jeżistu indizji ta’ natura li jqajmu s-suspett li offerta tista’ tkun anormalment baxxa, l-awtorità kontraenti għandha tivverifika l-kompożizzjoni tal-offerta sabiex tiżgura ruħha li din ma hijiex anormalment baxxa. Meta ssir din il-verifika, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tagħti lill-offerent tal-imsemmija offerta l-possibbiltà li jesponi għal liema raġunijiet huwa jqis li l-offerta tiegħu ma hijiex anormalment baxxa. L-awtorità kontraenti għandha sussegwentement tevalwa l-ispjegazzjonijiet ipprovduti u tiddetermina jekk l-offerta inkwistjoni hijiex ta’ natura anormalment baxxa, f’liema każ hija tkun obbligata tiċħadha (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 89).

47      F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ dubji dwar il-prezzijiet proposti minn diversi offerenti hija stabbilita. Minn naħa, l-EASA stess kellha xi dubji dwar din il-kwistjoni, li wasslu lill-awtorità kontraenti sabiex tagħmel mistoqsijiet lill-offerenti kkonċernati, fosthom it-tliet offerenti magħżula, fit‑13 ta’ Lulju u fit‑18 ta’ Awwissu 2017. Min-naħa l-oħra, wara li ġew informati bir-riżultat tas-sejħa għal offerti, ir-rikorrenti kkomunikaw lill-EASA, fis‑6 u fil‑25 ta’ Settembru 2017, id-dubji u l-indizji tagħhom stess fir-rigward tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi. F’diversi okkażjonijiet, meta setgħu, ir-rikorrenti talbu wkoll lill-EASA sabiex tagħti motivazzjoni espliċita dwar l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi fl-evalwazzjoni u fl-għoti tal-kuntratt kontenzjuż.

48      Għandu jiġi kkonstatat li, billi talbu l-komunikazzjoni tal-motivi li fid-dawl tagħhom il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien qies li l-offerti tal-offerenti magħżula ma kinux anormalment baxxi, ir-rikorrenti riedu li l-awtorità kontraenti tesponi l-karatteristiċi u l-vantaġġi ta’ dawn l-offerti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jitfakkar li l-konsorzju tar-rikorrenti ma kienx jinsab f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, li l-offerta tiegħu kienet konformi mad-dokumenti tal-kuntratt u li din l-offerta ma ntgħażlitx, għaliex ma ġietx meqjusa bħala l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Jirriżulta wkoll li, abbażi tal-evalwazzjoni tal-offerti taħt l-aspett tekniku tagħhom, l-offerta tal-konsorzju tar-rikorrenti ġiet ikklassifikata fl-ewwel post, b’91 punt minn 100. Madankollu, fi tmiem l-evalwazzjoni u fid-dawl tar-riżultat tal-evalwazzjoni tal-offerti taħt l-aspett finanzjarju tagħhom, l-offerta tal-konsorzju tar-rikorrenti ġiet ikklassifikata fil-ħames post mis-sitt offerenti kklassifikati.

49      Għandu jitfakkar ukoll li, fil-preżenza ta’ indizju ta’ natura li jqajjem suspett fir-rigward tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tinforma lill-offerent eskluż, li jkun għamel talba espressa għal dan il-għan, bil-motivi li jippermettu li wieħed jifhem għalfejn l-offerta li tkun għażlet ma tkunx dehritilha bħala anormalment baxxa. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 93).

50      Fi kliem ieħor, f’tali sitwazzjoni, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi tinsab fost il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerti magħżula li dwarhom, skont l-Artikolu 113(3)(a) tar-Regolament finanzjarju, l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika l-informazzjoni rilevanti jekk dan jiġi espressament mitlub lilha minn offerent li ma jinsabx f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni u li l-offerta tiegħu hija konformi mad-dokumenti tal-kuntratt.

51      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda t-terminu li fih għandha tiġi pprovduta l-motivazzjoni, il-ġurisprudenza ppreċiżat li l-motivazzjoni kellha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 149, u tad‑19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 74).

52      Madankollu, l-informazzjoni kkomunikata f’mument sussegwenti tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi eżaminata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, sakemm din tillimita ruħha li tipprovdi iktar dettalji dwar il-motivazzjoni inizjali u li hija bbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ġiex osservat għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li r-rikorrent kellu, l-iktar tard, fil-mument tal-preżentata tar-rikors (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-persuna kkonċernata saret taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 149, u tad‑19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 74).

54      Spjegazzjonijiet miġjuba, għall-ewwel darba, a posteriori quddiem il-qorti jistgħu biss jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il-Parlament, T‑89/07, EU:T:2009:163, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, fl-assenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, l-elementi ta’ informazzjoni li jippermettu li tiġi eżaminata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi huma għalhekk dawk li ġew ikkomunikati lir-rikorrenti mill-EASA, l-iktar tard, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, fit‑30 ta’ Ottubru 2017.

56      It-tielet nett, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji li l-ġurisprudenza stabbilixxiet fir-rigward tal-portata tal-motivazzjoni meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi.

57      Għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali, l-obbligu previst fl-Artikolu 296 TFUE għandu l-għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li juri b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li jipprovdilhom indikazzjoni suffiċjenti sabiex ikunu jafu jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 147 u 148 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Barra minn hekk, sa fejn il-motivazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-interess li d-destinatarji tal-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet, dan l-interess jimmanifesta ruħu pereżempju permezz ta’ argumenti invokati quddiem l-awtorità kontraenti mill-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 150 sa 161).

59      Kif tenfasizza l-EASA, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat ukoll skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150, u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 116).

60      B’mod ġenerali, għal dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi konklużi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minn naħa, l-Artikolu 113(2) tar-Regolament finanzjarju jipprovdi li l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika lil kull offerent eskluż il-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tiegħu. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 113(3), l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika lill kull offerent li ma jinsabx f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, li l-offerta tiegħu hija konformi mad-dokumenti tal-kuntratt u li għamel talba bil-miktub għal dan il-għan, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent rebbieħ. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 161(2) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni jippreċiża li “[l]-awtorità kontraenti għandha tikkomunika l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 113(3) tar-Regolament Finanzjarju malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ fi żmien 15‑il jum mill-wasla ta’ talba bil-miktub”.

61      L-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament finanzjarju u l-Artikolu 161(2) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni jipprovdu, għaldaqstant, fir-rigward tal-offerenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 113(3) tar-Regolament finanzjarju motivazzjoni f’żewġ stadji.

62      B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-awtorità kontraenti tkun meħtieġa tippreżenta r-raġunijiet li fid-dawl tagħhom offerta ma tkunx ġiet meqjusa bħala anormalment baxxa ma jobbligahiex tiżvela informazzjoni preċiża dwar l-aspetti tekniċi u finanzjarji ta’ din l-offerta, bħall-prezzijiet offruti jew ir-riżorsi li l-offerent magħżul ikun qiegħed jipproponi li jimplimenta sabiex jipprovdi s-servizzi li joffri. Sabiex tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti ta’ dan l-aspett tal-offerta magħżula, l-awtorità kontraenti għandha tesponi r-raġunament li abbażi tiegħu hija kkonkludiet li, minn naħa, minħabba l-karatteristiċi prinċipalment finanzjarji tagħha, tali offerta kienet tosserva b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih is-servizzi kellhom jiġu pprovduti, fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-persunal, tal-kontribuzzjoni għall-iskema tas-sigurtà soċjali u tal-osservanza tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol, u, min-naħa l-oħra, il-prezz propost kien jinkludi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-aspetti tekniċi tal-offerta magħżula (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Bl-istess mod, ma huwiex biżżejjed għall-awtorità kontraenti li tillimita ruħha għal sempliċi konstatazzjoni, f’sentenza waħda, li tgħid li l-offerta magħżula fil-kuntest tal-offerta ma hijiex anormalment baxxa u lanqas li tosserva sempliċement li hija qieset li dan ma kienx il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punti 45 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Awtorità kontraenti ma tistax tiġġustifika n-natura mhux anormalment baxxa ta’ offerta billi sempliċement tosserva li, wara l-kjarifiki mogħtija mill-offerent inkwistjoni, hija qieset li l-imsemmija offerta ma kinitx anormalment baxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium et vs EMA, T‑638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530, punt 64).

64      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ppreċiżat li ma kienx biżżejjed li jiġu prodotti tabelli iżolati jew ċifri u li, fl-assenza ta’ kummenti ta’ spjegazzjoni dwar l-offerti, il-punti mogħtija mill-awtorità kontraenti kienu jirriflettu biss ir-riżultat tal-evalwazzjoni mwettqa u ma setgħux jirriflettu l-evalwazzjoni stess magħmula mill-awtorità kontraenti jew sunt qasir tagħha. Skont il-ġurisprudenza, għandu jkun possibbli li wieħed jifhem kif l-awtorità kontraenti waslet għar-riżultat inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2016, Argus Security Projects vs Il-Kummissjoni, T‑266/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:415, punti 47 sa 51).

65      Fil-preżenza ta’ dubji dwar l-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti għandha għalhekk tesponi r-raġunament li abbażi tiegħu hija kkonkludiet li, minn naħa, minħabba l-karatteristiċi prinċipalment finanzjarji tagħhom, l-offerti magħżula kienu josservaw b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih is-servizzi kellhom jiġu pprovduti, fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-persunal, tal-kontribuzzjoni għall-iskema tas-sigurtà soċjali u tal-osservanza tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol, u, min-naħa l-oħra, il-prezz propost kien jinkludi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-aspetti tekniċi tal-offerti magħżula (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium et vs EMA, T‑638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530, punt 68).

 Fuq l-informazzjoni kkomunikata lir-rikorrenti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi

66      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 35 sa 65 iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat il-motiv uniku dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tas-suspett li l-offerti tal-offerenti magħżula huma anormalment baxxi.

67      Matul ix-xahrejn li għaddew bejn il-mument meta l-awtorità kontraenti informat lir-rikorrenti, fit‑28 ta’ Awwissu 2017, li l-offerta tagħhom ma kinitx intgħażlet fi tmiem il-proċedura ta’ evalwazzjoni u l-preżentata tar-rikors, fit‑30 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti talbu b’mod ċar u ripetutament sabiex ikunu jafu r-raġunament li ppermetta lill-awtorità kontraenti tqis li l-offerti ppreżentati mit-tliet offerenti magħżula ma kinux anormalment baxxi.

68      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-EASA ma wiġbitx b’mod individwali għat-talbiet tar-rikorrenti, minkejja li dawn ressqu raġunijiet konkreti li fuqhom kienu bbażati d-dubji tagħhom, billi rreferew b’mod partikolari għall-istatistika dwar ir-rati minimi ta’ kuljum ppubblikati minn PayScale, sit internet speċjalizzat fl-informazzjoni dwar il-kumpens salarjali u r-remunerazzjonijiet, fl-ittra tagħhom tas‑6 ta’ Settembru 2017 u b’riferiment għal paragun tal-punteġġi tekniċi tagħhom ma’ dawk tal-offerenti rebbieħa fl-ittra tagħhom tal‑25 ta’ Settembru 2017. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 63 sa 65 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kellhom id-dritt li jirċievu spjegazzjonijiet fid-dawl tal-argumenti invokati.

69      Li kieku l-EASA qieset li l-punteġġi ta’ paragun użati għall-kalkoli tar-rikorrenti ma kinux validi, hija kienet issemmi dan il-fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 51). Fi kwalunkwe każ, l-EASA ma kinitx eżentata mill-obbligu tagħha li tipprovdi spjegazzjonijiet.

70      Fit-tieni lok, mill-eżami tal-informazzjoni li l-EASA effettivament ipprovdiet lir-rikorrenti, u li hija telenka fir-risposta tagħha sabiex tiġġustifika li, permezz ta’ tali informazzjoni, hija ssodisfat l-obbligi tagħha ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-prezzijiet li potenzjalment huma anormalment baxxi, jirriżulta li din l-informazzjoni kienet jew irrilevanti jew inkompleta.

71      L-informazzjoni li l-EASA żvelat lir-rikorrenti ma kinitx tirrigwarda l-kwistjoni tal-prezzijiet anormalment baxxi. B’hekk, it-tweġibiet tal‑1 u tal‑15 ta’ Settembru 2017 għat-talbiet tar-rikorrenti kien fihom l-ismijiet tat-tliet offerenti rebbieħa, silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni u informazzjoni supplimentari dwar l-evalwazzjoni teknika kif ukoll il-konferma ġenerali li ma kienet instabet l-ebda irregolarità fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt. Id-dettalji żvelati kienu jikkonċernaw biss aspetti tekniċi. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti rċevew kopja kompleta tagħha fis‑17 ta’ Ottubru 2017, ma tittrattax il-prezzijiet. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni, li kopja tiegħu hija annessa mad-deċiżjoni kkontestata u li din tal-aħħar tagħmel riferiment għalih, jinkludi numru kbir ta’ siltiet redatti u ma jagħtix informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-kompożizzjoni tagħhom. Dan ir-rapport jinkludi rimarka ġenerali li tindika li l-evalwaturi kkontrollaw l-offerti finanzjarji mill-perspettiva tal-iżbalji aritmetiċi. Il-punteġġi finanzjarji jissemmew wkoll, iżda mingħajr ebda spjegazzjoni, u Anness E huwa kkomunikat mat-test ta’ “mudell ta’ offerta finanzjarja”. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni jindika wkoll li l-offerenti li l-offerti tagħhom kienu jeħtieġu kjarifika ġew offruti l-possibbiltà li jwieġbu għal tali talbiet għal kjarifika. Ir-rapport jirreferi fuq dan il-punt għall-“Anness G” għal deskrizzjoni tal-offerenti kkonċernati u sunt tal-iskambji ta’ korrispondenza.

72      L-Anness G tar-rapport ta’ evalwazzjoni kif ukoll diversi messaġġi elettroniċi, li kopji tagħhom, parzjalment redatti, ġew trażmessi lir-rikorrenti, jindirizzaw fil-fatt is-suġġett tal-prezzijiet anormalment baxxi.

73      Ir-rikorrenti b’hekk irċevew formola standard li tagħmel mistoqsijiet ta’ kull tip, inkluż fuq il-prezzijiet, iżda t-tweġibiet għal dawn il-formoli ma ġewx ipprovduti. Barra minn hekk, l-Anness G jinkludi kummenti li jgħidu li t-tliet offerenti rebbieħa pprovdew il-kjarifiki u l-provi mitluba, fosthom Atos u Icarus wara estensjoni tat-terminu sas‑26 ta’ Lulju 2017, filwaqt li, għal e-KARE, kienu saru talbiet ġodda għal kjarifiki f’din l-istess data.

74      Madankollu, il-kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni trażmessa lir-rikorrenti kif ukoll l-annessi tiegħu jibqgħu siekta dwar ir-raġunament li wassal lill-evalwaturi, fid-dawl tal-kjarifiki mitluba u rċevuti, sabiex iqisu li l-offerti tal-erba’ konsorzji msemmija ma kinux, minkejja s-suspett inizjali tagħhom, anormalment baxxi.

75      L-EASA żvelat ukoll lir-rikorrenti l-messaġġi elettroniċi li permezz tagħhom talbet ġustifikazzjoni tal-prezz, mibgħuta lill-offerenti kkonċernati f’Lulju u f’Awwissu 2017. L-informazzjoni speċifika kollha kienet redatta. Dawn id-dokumenti jiżvelaw is-suġġett tat-talbiet għal ġustifikazzjoni, jiġifieri r-rata ta’ ċerti profili, mingħajr ma jidentifikaw il-profili problematiċi. Barra minn hekk, fil-messaġġi elettroniċi tagħha, l-EASA titlob provi billi tfakkar il-kategoriji ta’ provi ammissibbli u ssemmi lill-offerenti l-obbligu tagħhom li jagħtu prova tal-osservanza tar-regoli tad-dritt soċjali u tax-xogħol. F’wieħed mill-messaġġi elettroniċi indirizzati lil UniSystems, l-EASA tenfasizza l-obbligu tal-offerent li jikkonferma li huwa jista’ japplika l-prezzijiet offerti matul il-perijodu kollu tal-ftehim qafas.

76      Għalkemm dawn id-dokumenti jinkludu informazzjoni ftit iktar iddettaljata minn konstatazzjoni lakonika, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni mifruxa ma huwiex biżżejjed sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni. L-ewwel nett, dawn id-dokumenti jillimitaw ruħhom li jittrażmettu xi informazzjoni dwar il-proċedura segwita mill-EASA, iżda ma jesponux ir-raġunament tagħha fir-rigward tal-karatteristiċi rilevanti tal-prezzijiet. Għaldaqstant, din l-informazzjoni ma tippermettix li jkun magħruf ir-raġunament tal-awtur tal-att, b’mod mhux biss li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha, iżda wkoll lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom (sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 47).

77      It-tieni nett, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq jirriżulta li l-awtorità kontraenti hija obbligata li, flimkien mal-informazzjoni kkomunikata fil-forma ta’ ċifri jew ta’ tabelli, tagħti wkoll kummenti ta’ spjegazzjoni li jippermettu li wieħed jifhem kif hija waslet għar-riżultat inkwistjoni u li jirriflettu l-evalwazzjoni li hija adottat. L-uniku kumment li r-rikorrenti rċevew fi żmien xieraq dwar l-evalwazzjoni tal-kwistjoni tal-prezzijiet potenzjalment anormalment baxxi kien jinsab fl-ittra tal‑15 ta’ Settembru 2017, li tgħid li l-kjarifiki mitluba mingħand il-varji offerenti kienu jirreferu għal diversi suġġetti u li t-tweġibiet kienu ġew evalwati u aċċettati mill-kumitat ta’ evalwazzjoni. Dawn il-komunikazzjonijiet ma humiex biżżejjed sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni stabbiliti mill-ġurisprudenza.

78      L-EASA ssostni li d-dokumenti żvelati joffru lir-rikorrenti għarfien suffiċjenti tal-kuntest. Hija tinvoka s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 97), li minnha jirriżulta li l-għarfien tal-kuntest għandu jkun ta’ natura li jippermetti lir-rikorrenti jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni. Madankollu, f’dan il-każ, l-informazzjoni parzjali żvelata lir-rikorrenti, anki jekk tinġabar sabiex tikkostitwixxi għarfien tal-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex biżżejjed. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, l-awtorità kontraenti kienet qieset li l-offerti magħżula ma kienu jinkludu ebda indizju ta’ natura li jqajjem suspetti fir-rigward tan-natura anormalment baxxa tagħhom. F’din il-kawża, is-suspett inizjali ta’ prezz anormalment baxx ma huwiex ikkontestat. Ir-rikorrenti huma interessati fir-raġuni li għaliha l-awtorità kontraenti ddeċidiet li tneħħi d-dubji inizjali tagħha. L-EASA setgħet tispjega, mingħajr ma tikser l-obbligi tagħha ta’ kunfidenzjalità, b’liema mod t-tliet offerenti magħżula kienu kkonvinċewha bin-natura xierqa tal-offerti tagħhom, kif hija għamlet iktar tard fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-Ombudsman.

79      Barra minn hekk, anki fid-dawl tas-siltiet ta’ ċerti messaġġi elettroniċi u tar-rapport ta’ evalwazzjoni, f’dan il-każ, ebda informazzjoni ma kienet tirriżulta minn dawn id-dokumenti żvelati fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-prezz propost kienx jintegra l-ispejjeż kollha assoċjati mal-aspetti tekniċi tal-offerta magħżula, minkejja li r-rikorrenti, fl-ittra tagħhom tat-25 ta’ Settembru 2017, kienu espressament fakkru li, skont il-ġurisprudenza, motivazzjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt fir-rigward tal-kwistjoni tal-prezz anormalment baxx kellha neċessarjament tinkludi dan l-element.

80      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrikonoxxut li l-informazzjoni pprovduta mill-EASA fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-Ombudsman tinkludi raġunament iktar fid-dettall, li wassal lil dan tal-aħħar sabiex jagħlaq il-proċedura billi jqis li l-kawża kienet ġiet riżolta. Fil-fatt, li kieku tali spjegazzjoni kienet ġiet ikkomunikata fi żmien xieraq lir-rikorrenti, din it-tilwima setgħet forsi tiġi evitata. Madankollu, l-informazzjoni supplimentari pprovduta mill-EASA ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex timmotiva d-deċiżjoni kkontestata, peress li hija datata l‑4 ta’ Diċembru 2017, filwaqt li r-rikors kien diġà ġie ppreżentat fit‑30 ta’ Ottubru 2017.

81      Fir-raba’ lok, l-EASA ma tistax tevita l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi tinvoka l-kunfidenzjalità tad-dokumenti.

82      Fil-fatt, l-aċċess għad-dokumenti ma huwiex l-uniku mezz disponibbli sabiex tiġi magħrufa l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi kkonstatata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni fid-dritt. Il-kunfidenzjalità allegata ta’ ċerti dokumenti ma tipprekludix lill-awtorità kontraenti milli tifformula mill-ġdid b’mod iktar astratt il-motivi li abbażi tagħhom hija ħadet id-deċiżjoni li ma teskludix lill-offerenti kkonċernati mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt minħabba prezz anormalment baxx.

83      Ċertament, kif issemmi l-EASA, l-obbligu li tipprovdi motivazzjoni ma jippermettix l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Madankollu, l-EASA ma ssostnix li ma kienx possibbli li tipprovdi, fuq talba espliċita, motivazzjoni adegwata billi tipparafraża d-dettalji kunfidenzjali jew motivazzjoni iktar ċara u iktar utli mill-paġni redatti. Għalkemm ċerta informazzjoni ma tistax tiġi żvelata, huwa bħala prinċipju possibbli li għall-inqas tiġi deskritta n-natura ta’ din l-informazzjoni jew il-kategorija li minnha tirriżulta, jew ukoll li jiġu pprovduti perċentwali li jippermettu li l-prezzijiet inkwistjoni jiġu pparagunati mal-punti ta’ riferiment. Il-ġurisprudenza b’hekk irrikonoxxiet pereżempju l-indikazzjonijiet li ġejjin bħala ġustifikazzjonijiet li jistgħu jispjegaw differenza sostanzjali fil-prezzijiet: l-użu ta’ subappalt mir-rikorrenti fl-ammont ta’ 35 % minkejja li l-offerent rebbieħ kellu persunal għall-kompiti kollha, il-fatt li r-rikorrenti kienet operatur ġdid fis-suq li ma kienx jaf is-suġġetti tas-servizzi u għalhekk kien applika marġni ogħla kif ukoll l-isforz fuq il-prezzijiet imwettaq mill-offerent rebbieħ, paraguni stabbiliti ma’ kuntratti simili preċedenti għal dak li jirrigwarda l-prezz u l-kwalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2015, Secolux vs Il-Kummissjoni, T‑90/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:772, punti 64 u 65).

84      Informazzjoni ta’ dan it-tip ma tippreġudikax il-kunfidenzjalità taċ-ċifri kummerċjali, tal-ismijiet tal-partijiet kontraenti tal-kuntratti preċedenti u ta’ dettalji sensittivi oħra. Fil-fatt, f’din il-kawża, l-EASA stess żvelat, fl-ittra tagħha tat‑28 ta’ Awwissu 2017, il-“punteġġ finanzjarju ponderat” tal-ewwel offerent rebbieħ. Għaldaqstant, għalkemm dan il-punteġġ ma kienx fost l-informazzjoni li hija kienet tqis li hija kunfidenzjali, tqum il-kwistjoni għalfejn il-“punteġġ finanzjarju ponderat” tal-offerenti rebbieħa kklassifikati fit-tieni u fit-tielet post ma ġiex kkomunikat lir-rikorrenti. L-EASA kellha tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-prinċipju ta’ trasparenza kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi u tal-kompetizzjoni leali. Skont il-ġurisprudenza, dawn l-għanijiet għandhom jiġu rrikonċiljati wieħed mal-ieħor sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tar-Regolament finanzjarju u tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, Evropaïki Dynamiki vs Il-Parlament, T‑136/15, EU:T:2017:915, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      F’dan il-każ, b’mod partikolari, l-EASA ma tallegax li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tifformula fit-terminu xieraq għall-inqas spjegazzjonijiet komparabbli ma’ dawk li hija finalment tat, fuq l-istedina tal-Ombudsman, fl‑4 ta’ Diċembru 2017 u li apparentement ma kinitx tqis bħala kunfidenzjali. Sa dik id-data, l-EASA ma għamlet ebda sforz sabiex tifformula motivazzjoni li tissodisfa l-kriterji meħtieġa. Hija kkonċentrat kompletament fuq l-iżvelar u l-kunfidenzjalità tad-dokumenti mingħajr ma tqis neċessarju li tagħti spjegazzjonijiet.

86      Madankollu, permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Diċembru 2017, l-EASA esponiet b’mod koerenti u iktar iddettaljat il-proċess ta’ evalwazzjoni. Fiha hija spjegat b’mod partikolari li d-dubji inizjali tagħha dwar ċerti rati ta’ kuljum kienu tneħħew permezz tal-preżentazzjoni ta’ formuli ta’ kalkoli, ta’ rċevuti ta’ ħlas, ta’ fatturi, ta’ referenzi ta’ kuntratti għal servizzi mwettqa f’ambjent simili u ta’ dikjarazzjonijiet fir-rigward tal-osservanza tal-liġijiet applikabbli. Barra minn hekk, f’din l-ittra, l-EASA spjegat li r-rikorrenti, fl-ittra tagħhom tas‑6 ta’ Settembru 2017, ma kinux ipproduċew elementi b’saħħithom biżżejjed u lanqas provi li abbażi tagħhom it-tliet offerti kklassifikati fl-ewwel post setgħu jiġu miċħuda.

87      Minn dan isegwi li, fit-tweġiba tagħha tal‑4 ta’ Diċembru 2017, li ġiet meqjusa mill-Ombudsman bħala li kienet iktar fid-dettall, aħjar u iktar kompleta, l-EASA pproduċiet il-prova li motivazzjoni iktar kompleta kienet possibbli mingħajr ma tirrikorri għal informazzjoni jew għal dettalji protetti. Il-kwistjoni dwar jekk din il-motivazzjoni mogħtija fl‑4 ta’ Diċembru 2017 kinitx suffiċjenti ma hijiex is-suġġett ta’ din il-proċedura. Sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas proċedurali meħtieġ sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kien possibbli li tingħata spjegazzjoni adegwata fi żmien xieraq, iżda li din ma ngħatatx fit-terminu xieraq.

88      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jintlaqa’ l-motiv uniku, ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kontraenti tqis li l-offerti magħżula ma kinux offerti anormalment baxxi. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ osservanza mill-EASA tar-rekwiżiti formali essenzjali li jirrigwardaw id-deċiżjoni kkontestata għandu jwassal għall-annullament tagħha, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi mistoqsi jekk l-EASA qisitx b’mod żbaljat li l-offerti magħżula ma kinux anormalment baxxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EASA tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) tat28 ta’ Awwissu 2017 li tiċħad l-offerta ppreżentata mill-konsorzju ta’ TRASYS International EEIG u ta’ Axianseu – Digital Solutions SA fil-kuntest tas-sejħa għal offerti EASA.2017.HVP.08, dwar kuntratt pubbliku għal servizzi dwar il-ġestjoni ta’ applikazzjonijiet u ta’ infrastrutturi informatiċi f’Köln (il-Ġermanja), u għoti tal-kuntratt skont l-ordni tal-klassifika lil tliet offerenti oħra hija annullata.

2)      L-EASA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Forrester

Perillo


Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ Awwissu 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.