KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2007 1(1)
Kawża C‑346/06
Rechtsanwalt Dr. Dirk Rüffert als Insolvenzverwalter über das Vermögen der Objekt und Bauregie GmbH & Co. KG
vs
Land Niedersachsen
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Celle (il-Ġermanja)]
“Direttiva 96/71/KE – Kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi – Ftehim kollettivi – Paga minima – Artikolu 49 KE – Restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Protezzjoni tal-ħaddiema u prevenzjoni ta’ dumping soċjali”
1. Dan ir-rinviju preliminari ser jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tibni biċċa oħra mal-ġurisprudenza tagħha dwar il-problema tal-kollokament (posting) ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi.
2. Fil-fatt id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tistieden għal darba oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieżen, minn naħa, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, min-naħa l-oħra, l-eżiġenzi imperattivi għall-protezzjoni tal-ħaddiema u l-prevenzjoni ta’ dumping soċjali.
3. B’mod iktar preċiż, l-Oberlandesgericht Celle (il-Ġermanja), titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar jekk id-dritt Komunitarju għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li tirrikjedi lill-appaltaturi u, b’mod indirett, lis-subappaltaturi tagħhom iħallsu lill-ħaddiema kkollokati fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku, ta’ l-inqas, il-paga prevista fil-ftehim kollettiv li japplika fil-post fejn jiġi pprovdut is-servizz, taħt piena ta’ penali li jistgħu jinkludu wkoll it-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħlijiet, meta l-ftehim kollettiv li għalih tirreferi dik id-dispożizzjoni leġiżlattiva ma jkunx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.
4. Din it-talba qamet f’kuntest ta’ kawża bejn Rechtsanwalt Dr. Dirk Rüffert als Insolvenzverwalter über das Vermögen der Objekt und Bauregie GmbH & Co. KG (D. Rüffert, avukat, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċjarju tal-kumpannija Objekt und Bauregie GmbH & Co. KG), konvenuta fil-kawża prinċipali, u l-Land Niedersachsen, bħala rikorrent fil-kawża prinċipali, fuq it-terminazzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet konkluż bejn din il-kumpannija u dan il-Land fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet.
5. F’dawn il-konklużjonijiet, jiena sejjer nuri għaliex, fil-fehma tiegħi, la d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71/KE, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (2), u lanqas l-Artikolu 49 KE m’għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu miżura nazzjonali bħalma hija dik fil-kawża prinċipali.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
6. L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 49 KE jipprovdi li r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu pprojbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.
7. Id-Direttiva 96/71 hija maħsuba biex tiżviluppa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn l-Istati Membri, billi tassigura kompetizzjoni leali bejn l-impriżi li jipprovdu s-servizzi u filwaqt li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema (3).
8. L-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ l-applikazzjoni” huwa redatt skond kif ġej:
“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw [jikkollokaw] ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.
[…]
3. Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:
(a) jibgħatu ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Is[t]at Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perjodu tal-kolloka[ment]; jew
[…]”
9. Kif turi s-sitt premessa ta’ l-imsemmija Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju ibbaża ruħu fuq il-fatt li, f’sitwazzjonijiet transnazzjonali r-relazzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema kkollokati iqajmu problemi fir-rigward tal-liġi applikabbli għalihom.
10. F’dan ir-rigward, il-Konvenzjoni ta’ Ruma fuq il-liġi li tapplika għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali, li nfetħet għall-iffirmar f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (4), tipprovdi kriterji ġenerali biex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg (5). Għaldaqstant, l-Artikolu 3 ta’ din il-Konvenzjoni jipprovdi, bħala regola ġenerali, li l-partijiet huma liberi li jagħżlu l-liġi applikabbli għalihom. Fin-nuqqas ta’ din l-għażla, l-Artikolu 6(2) ta’ din il-Konvenzjoni jipprovdi li l-kuntratt ta’ impjieg għandu jkun irregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-ħaddiem normalment iwettaq xogħlu, anki jekk dan ikun ikkollokat b’mod temporanju f’pajjiż ieħor.
11. Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi li, f’ċerti ċirkustanzi jista’, b’mod parallel mal-liġi ddikjarata bħala dik applikabbli, jingħata effett lir-regoli mandatarji tal-liġi ta’ pajjiż ieħor, b’mod partikolari dik ta’ l-Istat Membru li l-ħaddiem ikun ikkollokat temporanjament fit-territorju tiegħu. Dawn ir-regoli mandatorji, bil-Franċiż imsejħa wkoll bħala “lois d’application immédiate” jew “lois de police”, li japplikaw fil-post fejn isiru x-xogħlijiet, mhumiex ippreċiżati minn din il-Konvenzjoni.
12. F’dan il-kuntest, il-kontribuzzjoni tad-Direttiva 96/71 hija li, fuq livell Komunitarju, jiġu identifikati numru ta’ regoli mandatorji fil-każijiet ta’ kollokament transnazzjonali (6). Hija tikkostitwixxi wkoll espressjoni tal-prinċipju ta’ preċedenza tad-dritt Komunitarju li huwa stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, fejn jingħad li din il-Konvenzjoni m’għandux ikollha effett fuq l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li, f’materji partikolari, jistabbilixxu regoli għall-għażla tal-liġi fir-rigward ta’ l-obbligazzjonijiet kuntrattwali u li jinsabu f’atti Komunitarji jew f’liġijiet nazzjonali armonizzati fl-implimentazzjoni ta’ dawk l-atti (7).
13. Bil-għan li jiġu rrikonċiljati d-diversi għanijiet tagħha, id-Direttiva 96/71 tikkoordina l-liġijiet ta’ l-Istati Membri “sabiex jistabbilixxu nukleu ta’ regoli obbligatorji [mandatorji] għall-protezzjoni minima li jkunu osservati fil-pajji[ż] li jilqa’ għandu minn min iħaddem li jibgħat ħaddiema biex jagħmlu xogħol temporanju fit-territorju ta’ Stat Membru fejn is-servizzi huma pprovduti” (8)
14. Skond is-sbatax-il premessa ta’ din id-Direttiva, “ir-regoli obbligatorji [mandatorji] għall-protezzjoni mimina fis-seħħ fil-pajji[ż] li jilqa’ m’għandhomx jimpedixxu l-applikazzjoni ta’ klaw[ż]oli u kundizzjonijiet ta’ impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema”.
15. Dawn il-prinċipji huma deskritti fid-dettall fl-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija Direttiva, intitolat “It-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg”, li huwa redatt kif ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:
– skond liġi, regolament[i] jew dispożizzjonijiet amministrattivi,
u/jew
– bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness [(9)]:
[…]
(ċ) ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi kumplimentari għall-irtirar mix-xogħol;
[…]
Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) huwa definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem huwa mibgħut.
[…]
7. Il-paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx iżommu l-applikazzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet ta’ impjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.
[…]
8. ‘Ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ iddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali’ ifisser ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ li għandhom ikunu osservati mill-impriżi kollha fis-settur u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernata.
Fl-assenza ta’ sistema biex tiddikjara ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ bħala ta’ applikaz[z]joni universali [ġenerali] fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw irwieħhom fuq:
– ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitragg li huma ġeneralment applikabbli għall-impriżi simili kollha fil-qasam ġeografiku u fil-professjoni jew fl-industrija ikkonċernata,
u/jew
– ftehim kollettiv li kienu konklużi mill-organizzazzjonijiet l-iktar rappreżentattivi ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fuq pjan nazzjonali u li huma applikati fuq it-territorju nazzjonali kollu,
sakemm l-applikazzjoni tagħhom għall-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) tiżgura ugwaljanza ta’ trattament dwar kwistjonijiet elenkati fl-eww[e]l subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bejn dawk l-impriżi u l-impriżi l-oħra msemmija f’dan is-subparagrafu li huma f’pożizzjoni simili.
L-ugwaljanza ta’ trattament, fis-sens ta’ dan l-Artikolu, għandha titqies li teżisti meta impriżi nazzjonali f’pożizzjoni simili:
– huma soġġetti, fil-post in kwistjoni jew fis-settur ikkonċernat, għall-istess obbligi bħala impriżi ta’ kollokament dwar il-materji indikati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1,
u
– huma meħtieġa jissodisfaw dawn l-obbligi bl-istess effetti.
[…]”
16. Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, jiena nosserva li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali (10), kienet applikabbli d-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet](11).
17. Għalkemm id-Direttiva 93/37 mhijiex maħsuba sabiex tirregola l-fażi ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratti (12), jeħtieġ madankollu li ssir referenza għall-Artikolu 23 ta’ l-istess Direttiva, li jikkonċerna l-informazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol li għandhom jiġu osservati matul l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku. Dan l-Artikolu huwa redatt skond kif ġej:
“1. L-awtoritajiet ta’ kuntrattar [kontraenti] jistgħu jiddikjaraw fid-dokumenti tal-kuntratt, jew li jkunu obbligati minn Stat Membru biex jagħmlu hekk, l-awtorità jew awtoritajiet li minn għandhom dak li jagħmel l-offerta jista’ jikseb l-informazzjoni xierqa dwar l-obbligi rrelatati ma[d]-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tax-xogħol u l-kundizzjoni tax-xogħol li jkunu fis-seħħ fl-Istat Membru, reġjun jew lokalità li fihom ix-xogħol għandu jsir u li se jkunu applikabbli għax-xogħlijiet magħmula fuq il-post waqt is-seħħ tal-kuntratt.
2. L-awtorità ta’ kuntrattar [kontraenti] li tipprovdi l-informazzjoni li hemm referenza dwarha fil-paragrafu 1 għandha titlob lil dawk li jagħmlu l-offerti jew dawk li jipparteċipaw fil-proċedura tal-kuntratt biex jindikaw li huma ħadu akkont, meta għamlu l-offerta, l-obbligi rrelatati mad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ l-impieg u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol li jkunu fis-seħħ fil-post fejn ikun sejjer isir ix-xogħol. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 30(4) li jikkonċerna l-eżami ta’ offerti anormalment baxxi.”
B – Id-dritt nazzjonali
1. L-iffissar tal-paga minima fis-settur tal-bini
18. Fil-Ġermanja, l-iffissar tal-paga minima fis-settur tal-bini jsir permezz ta’ negozjar kollettiv.
19. F’dan l-Istat Membru, il-ftehim kollettivi ġeneralment jiġu konklużi bejn it-trade unions u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem. Dawn jistgħu jkopru, għal settur partikolari, parti jew it-territorju kollu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
20. Is-settur tal-bini huwa rregolat minn ftehim kollettiv li jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-industrija tal-bini (Bundesrahmentarifvertrag für das Baugewerbe), ta’ l-4 ta’ Lulju 2002. Madankollu, dan il-ftehim kollettiv, li japplika fit-territorju kollu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma fiehx regoli dwar il-paga minima.
21. Dawn ir-regoli huma inklużi, minn naħa, fi ftehim kollettiv li jipprovdi għal paga minima fis-settur tal-bini fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Tarifvertrag zur Regelung der Mindestlöhne im Baugewerbe im Gebiet der Bundesrepublik Deutschland, iktar’il quddiem it-“TV Mindestlohn”) u min-naħa l-oħra, fi ftehim kollettivi speċifiċi.
a) It-TV Mindestlohn
22. Fuq livell federali, it-TV Mindestlohn, li japplika għall-impriżi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim kollettiv li jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-industrija tal-bini, jistabbilixxi r-rata tal-paga minima abbażi ta’ żewġ kategoriji li jikkorrispondu għal-livell ta’ kwalifiki tal-ħaddiem, u għal livell differenti għal Länder “antiki” jew “ġodda”. Huwa jipprovdi li l-paga minima hija komposta mill-paga li tingħata fis-siegħa prevista f’dan il-ftehim u minn suppliment għas-settur tal-bini, li flimkien jifformaw il-paga sħiħa fis-siegħa taħt il-ftehim. Il-ftehim jindika wkoll li d-drittijiet għal paga ogħla skond ftehim kollettivi oħra jew skond ftehim partikolari mhumiex affettwati mid-dispożizzjoni li tipprovdi għall-pagi sħaħ fis-siegħa taħt il-ftehim għall-kategoriji 1 u 2.
23. Id-dispożizzjonijiet tat-TV Mindestlohn huma ddikjarati li huma ta’ applikazzjoni ġenerali minn regolament dwar il-kundizzjonijiet ta’ xogħol li japplikaw b’mod obbligatorju fis-settur tal-bini (Verordnung über zwingende Arbeitsbedingungen im Baugewerbe).
24. Jeħtieġ li jiġi indikat li, skond il-liġi Ġermaniża, id-dikjarazzjoni li ftehim kollettiv huwa ta’ applikazzjoni universali tfisser li dak il-ftehim japplika għal kull min iħaddem u għall-ħaddiema kollha ta’ l-industrija kkonċernata fuq territorju definit. Għaldaqstant, hija testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim bħal dan għal min iħaddem u għal ħaddiema li ma jappartjenux għat-trade unions kontraenti. Din id-dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali tista’ ssir mill-Ministru Federali ta’ l-Impjieg, kemm f’dak li jirrigwarda l-oqsma rregolati mil-Liġi Ġermaniża dwar il-kollokament tal-ħaddiema (Arbeitnehmer-Entsendegesetz) (13), tas-26 ta’ Frar 1996, skond l-Artikolu 1(3a) ta’ l-imsemmija liġi, u kif ukoll skond l-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-ftehim kollettivi (Tarifvertragsgesetz, iktar’il quddiem it-“TVG”).
25. It-TV Mindestlohn japplika għal żmien limitat. Skond l-informazzjoni li għandi, jidher li t-TV Mindestlohn li kien japplika fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali huwa dak tad-29 ta’ Ottubru 2003, li kien fis-seħħ bejn l-1 ta’ Novembru 2003 u l-31 ta’ Awwissu 2005. Dan il-ftehim kollettiv kien ġie ddikjarat li huwa ta’ applikazzjoni ġenerali permezz ta’ regolament tat-13 ta’ Diċembru 2003 (14).
b) Il-ftehim kollettivi speċifiċi
26. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-ftehim kollettivi speċifiċi (Entgelttarifvertraege) għandhom qasam ġeografiku limitat. Barra minn hekk, normalment huma ma jkunux is-suġġett ta’ dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali, li jfisser li huma mhumiex kollha applikabbli b’mod obbligatorju għall-ħaddiema kollha tas-settur ikkonċernat.
27. Skond it-tweġiba bil-miktub mogħtija mil-Land Niedersachsen għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftehim kollettiv rilevanti f’din il-kawża huwa l-ftehim kollettiv dwar il-pagi u l-allowances għal taħriġ professjonali (Tarifvertrag zur Regelung der Löhne und Ausbildungsvergütungen), ta’ l-4 ta’ Lulju 2003, fil-verżjoni tiegħu li rriżultat mill-ftehim kollettiv tad-29 ta’ Ottubru 2003 li introduċa xi emendi. Dan il-ftehim kollettiv ma ġiex iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.
28. Mill-proċess jirriżulta li l-pagi stabbiliti f’dawn il-ftehim kollettivi speċifiċi, fil-prattika, huma ogħla sew mill-pagi minimi iffissati għall-Ġermanja kollha mit-TV Mindestlohn. Barra minn hekk, l-iskeda tal-pagi li tinsab f’dawn il-ftehim hija iktar dettaljata minn dik li tinsab fit-TV Mindestlohn u tiffissa r-rata tal-pagi skond id-diversi gruppi ta’ funzjonijiet.
2. L-AEntG
29. Fil-Ġermanja, id-Direttiva 96/71 ġiet trasposta fid-dritt intern mill-AEntG. L-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi jipprovdi, b’mod partikolari, li r-regoli ġuridiċi fi ftehim kollettiv ta’ l-industrija tal-bini li huwa ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, li jirrigwardaw il-paga minima, huma mandatorji wkoll fil-qafas tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lil dak li jħaddem, li jkun stabbilit barra mill-pajjiż, u lill-ħaddiem tiegħu li jaħdem fil-qasam ġeografiku ta’ dan il-ftehim kollettiv. B’hekk dak li jħaddem għandu, ta’ l-inqas, joffri lill-ħaddiem tiegħu kkollokat il-kundizzjonijiet ta’ xogħol stabbiliti fl-imsemmi ftehim kollettiv.
3. Il-liġi tal-Land Niedersachsen dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi
30. Il-liġi tal-Land Niedersachsen dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (Niedersächsisches Landesvergabegesetz, iktar’il quddiem il-“liġi tal-Land”) fiha regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal valur minimu EUR 10 000. Fil-preambolu tiegħu, huwa jipprovdi li:
“Din il-liġi tikkontrobatti d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur tal-bini u tat-trasport pubbliku lokali minħabba l-impjieg ta’ ħaddiema b’paga baxxa u ttaffi l-piżijiet għas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Għal dan il-għan, hija tipprovdi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu l-kuntratti ta’ bini u ta’ trasport pubbliku lokali biss lill-impriżi li jħallsu l-pagi stabbiliti fil-ftehim kollettivi fil-post fejn jiġi pprovdut is-servizz.”
31. Skond l-Artikolu 3(1) tal-liġi tal-Land, il-kuntratti għal xogħlijiet għandhom jingħataw biss lill-impriżi li, meta jippreżentaw l-offerta tagħhom jintrabtu bil-miktub li bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi, fil-mument previst mill-ftehim kollettiv.
32. L-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi jipprovdi, b’mod partikolari, li meta s-servizzi jiġu subappaltati, l-appaltatur għandu jintrabat ukoll li jgħaddi l-obbligi tiegħu skond din l-istess liġi lis-subappaltaturi u li jikkontrolla l-osservanza ta’ dawn l-obbligi mis-subappaltaturi.
33. Skond l-Artikolu 7(1) tal-liġi tal-Land, l-awtorità kontraenti tista’ teżegwixxi ċerti kontrolli sabiex tivverifika li jiġu osservati l-kundizzjonijiet li għalihom ikun suġġett l-għoti tal-kuntratt. Għal dan il-għan, hija tista’ tara d-dikjarazzjoni tal-pagi mħallsa mill-appaltaturi u mis-subappaltaturi, provi ta’ ħlas tat-taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali kif ukoll kuntratti għal xogħlijiet konklużi bejn l-appaltaturi u s-subappaltaturi.
34. L-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, li jikkonċerna l-penali, huwa redatt skond kif ġej:
“1. Sabiex jassiguraw l-osservanza ta’ l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 7(2), l-awtoritajiet kontraenti għandhom, għal kull nuqqas kolpuż, jiftehmu ma’ l-appaltatur dwar penali kuntrattwali ta’ 1%, li tista’ titla’ sa 10% f’każ ta’ diversi nuqqasijiet, tal-valur tal-kuntratt. L-appaltatur għandu jiġi obbligat ukoll iħallas il-penali kuntrattwali msemmija fl-ewwel sentenza meta n-nuqqas ikun imputabbli lil wieħed mis-subappaltaturi jew lil wieħed mis-subappaltaturi ta’ dan ta’ l-aħħar, sakemm l-appaltatur ma kienx jaf jew ma setax ikun jaf bin-nuqqas. Jekk il-penali kuntrattwali tkun ta’ ammont sproporzjonat, hija tista’ tiġi mnaqqsa għal ammont xieraq mill-awtorità kontraenti, fuq talba ta’ l-appaltatur.
2. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiftehmu ma’ l-appaltatur li huma jkunu jistgħu jitterminaw il-kuntratt mingħajr avviż minn qabel jekk ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3 ma jiġux osservati mill-appaltatur jew mis-subappaltaturi tiegħu kif ukoll jekk l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 7(2) ma jiġux osservati b’riżultat ta’ negliġenza grossolana jew jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi jkun ripetut.
3. Jekk jiġi ppruvat li impriża naqset, ta’ l-inqas b’negliġenza grossolana jew b’mod ripetut milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din il-liġi, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskluduha mill-kuntratt pubbliku, fil-qasam ta’ kompetenza rispettiva tagħhom, għal żmien massimu ta’ sena.
[…]”
II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
35. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fil-ħarifa tas-sena 2003, wara sejħa għal offerti, il-Land Niedersachsen ta lill-konvenuta kuntratt għal xogħlijiet għal xogħol strutturali fil-bini tal-ħabs ta’ Göttingen-Rosdorf. L-ammont tal-kuntratt kien ta’ EUR 8 493 331, mingħajr VAT. Il-kuntratt kien fih “ftehim dwar l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet”, u kien jistipula, b’mod partikolari, l-impenji tal-konvenuta:
“L-offerta tiegħi/tagħna hija bbażata fuq il-ftehim li ġej:
Fuq l-Artikolu 3 tal-liġi tal-Land (impenn li jiġu osservati l-ftehim kollettivi):
Jiena nintrabat li, jekk il-kuntratt jingħata lili, lill-ħaddiema ta’ l-impriża tiegħi nħallashom ta’ l-inqas il-paga ffissata mill-ftehim kollettiv fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, liema ftehim huwa msemmi fil-lista ta’ ftehim kollettivi rappreżentattivi taħt in-numru 1 ‘Bini u xogħlijiet pubbliċi’, għall-prestazzjoni tas-servizzi in kwistjoni […]
Jiena nintrabat ukoll li ngħaddi lis-subappaltaturi l-obbligi li jiena għandi taħt l-Artikoli 3, 4 u 7(2) tal-[liġi tal-Land] u li nikkontrolla l-osservanza ta’ l-imsemmija obbligi mis-subappaltaturi.
[…]
Jiena naqbel li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligi msemmija fl-Artikolu 3 tal-[liġi tal-Land] minni stess jew mis-subappaltaturi kif ukoll in-nuqqas li jitwettqu l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 7(2) ta’ l-istess liġi b’riżultat ta’ negliġenza grossolana jew in-nuqqas ripetut li jitwettqu dawn l-obbligi, jawtorizzaw lill-awtorità kontraenti sabiex tittermina l-kuntratt mingħajr avviż minn qabel.”
36. Il-konvenuta għamlet użu mis-servizzi tal-kumpannija PKZ Pracownie Konserwacji Zabytkow sp. zoo (iktar’il quddiem il-“kumpannija PKZ”), stabbilita f’Tarnow (il-Polonja) u li għandha l-fergħa tagħha f’Wedemark (il-Ġermanja) in kwantu impriża subappaltatriċi.
37. Matul is-sajf tas-sena 2004, ġie ssospettat li l-kumpannija PKZ impjegat fuq il-lant tax-xogħol ħaddiema Pollakki b’paga iktar baxxa minn dik prevista fil-ftehim kollettiv applikabbli. Wara l-bidu ta’ l-investigazzjoni, kemm il-konvenuta u kif ukoll il-Land Niedersachsen itterminaw il-kuntratt għal xogħlijiet konkluż bejniethom. Il-Land Niedersachsen ibbażat it-terminazzjoni tagħha partikolarment fuq il-fatt li l-konvenuta naqset milli twettaq l-obbligu kuntrattwali tagħha li tosserva l-ftehim kollettiv. Barra minn hekk, inħareġ digriet penali kontra d-diriġenti prinċipali tal-kumpannija PKZ, bl-akkuża li t-53 ħaddiem li kienu ħadmu fuq il-lant tax-xogħol kienu tħallsu biss 46.57 % tal-paga minima prevista.
38. Il-Land Niedersachsen talab li tiġi applikata l-klawżola tal-penali billi sostna li l-konvenuta kellha tkun taf bin-nuqqasijiet tas-subappaltatur u li l-ħlas tal-pagi iktar baxxi minn dawk previsti fil-ftehim kollettiv kien jirrappreżenta nuqqas separat għal kull ħaddiem, b’mod li l-penali ta’ 10 % ta’ l-ammont tal-kuntratt kienet xierqa.
39. Fl-ewwel lok, il-Landgericht Hannover (Qorti Reġjonali, Hannover) sostniet li din it-talba kienet parzjalment fondata. Fil-fatt hija kkonstatat li l-kreditu tal-konvenuta li kien ibbażat fuq il-kuntratt għal xogħlijiet kien ġie paċut bl-applikazzjoni tal-penali kuntrattwali fl-ammont ta’ EUR 84 934.31, jiġifieri 1 % tal-valur tal-kuntratt, u ċaħdet it-talba fir-rigward tal-kumplament.
40. Adita bl-appell, l-Oberlandesgericht Celle tispjega, fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju, li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq dwar jekk hija għandhiex obbligu li ma tapplikax il-liġi tal-Land, u b’mod partikolari, l-Artikolu 8(1) ta’ l-istess liġi, għar-raġuni li din mhijiex kompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 49 KE.
41. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-impenn li jiġu osservati l-ftehim kollettivi li għandhom jieħdu l-impriżi ta’ bini stabbiliti fi Stati Membri oħra skond il-liġi tal-Land jobbliga lill-istess impriżi li jadattaw il-pagi mħallsin lill-ħaddiema tagħhom skond ir-rata ta’ ħlas, normalment ogħla, tal-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi fil-Ġermanja. Dan itellifhom il-vantaġġ kompetittiv li huma għandhom mill-ispejjeż ta’ pagi iktar baxxi. L-obbligu li jiġu osservati l-ftehim kollettivi għaldaqstant jirrappreżenta ostakolu għad-dħul fi Stat Membru ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi ġejjin minn Stati Membri oħra.
42. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju turi ċerti dubji dwar jekk l-impenn li jiġu osservati l-ftehim kollettivi huwiex iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.
43. Hija tippronunċja ruħha favur it-teżi li wieħed ma jistax jikkunsidra li l-obbligu li jiġu osservati l-ftehim kollettivi huwa bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, in kwantu dan l-obbligu jikkontribwixxi għall-protezzjoni ta’ l-impriżi Ġermaniżi ta’ bini mill-kompetizzjoni provenjenti minn Stati Membri oħra, dan l-istess obbligu għandu għan ta’ natura ekonomika li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika r-restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu ppprovduti s-servizzi.
44. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-paga minima ma tapplikax fil-kuntest tal-kawża prinċipali, peress li l-pagi msemmija fil-ftehim kollettiv, li huma meħtieġa fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, huma ħafna iktar ogħla mill-pagi minimi li japplikaw fit-territroju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-AEntG. Minn dan hija tiddeduċi li l-obbligu li jiġu osservati dawn il-ftehim kollettivi imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Fil-fatt, hija ssostni li dak li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-ħaddiema hija biss il-paga minima mandatarja, kif għandha tiġi applikata fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-AEntG. Fl-aħħar nett hija żżid tgħid li, għal dak li jikkonċerna l-ħaddiema barranin, l-obbligu li jiġu osservati l-ftehim kollettivi ma jippermettix li jkun hemm ugwaljanza effettiva bejn il-ħaddiema Ġermaniżi, iżda pjuttost jimpedixxi li dawn il-ħaddiema barranin jiġu impjegati fil-Ġermanja, peress li min iħaddimhom ma jistax jisfrutta l-vantaġġ li huwa jkollu f’dak li jirrigwarda l-ispiża tal-ħaddiema.
45. Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali teħtieġ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Artikolu 49 KE, l’Oberlandesgericht Celle ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-fatt li l-awtorità kontraenti hija meħtieġa bil-liġi li tagħżel, bħala appaltatur ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, dawk l-impriżi biss li meta jagħmlu l-offerti tagħhom jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi, jikkostitwixxi restrizzjoni, li mhijiex iġġustifikata, fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt it-Trattat KE?”
III – Analiżi
46. Permezz ta’ din id-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu liġi nazzjonali bħalma hija l-liġi tal-Land milli timponi fuq l-appaltaturi u, indirettament fuq is-subappaltaturi tagħhom, l-obbligu li jħallsu lill-ħaddiema kkollokati fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku ta’ l-inqas dik il-paga prevista fil-ftehim kollettiv li tapplika fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, taħt piena ta’ penali li jistgħu iwasslu għat-terminazzjoni tal-kuntratt għal xogħlijiet, meta l-ftehim kollettiv li tirreferi għalih dik il-liġi ma jkunx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.
47. Il-Land Niedersachsen, il-Gvern Ġermaniż u dak Daniż, l-Irlanda kif ukoll il-Gvern Ċiprijot, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Norveġiż, essenzjalment isostnu li l-Artikolu 49 KE ma jipprekludix miżura bħalma hija dik tal-kawża prinċipali. Għalkemm din il-miżura tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din hija ġġustifikata, b’mod partikolari, abbażi ta’ l-għan li jiġu protetti l-ħaddiema u hija proporzjonata għat-twettiq ta’ dan l-għan.
48. Il-Gvern Belġjan isostni li dan l-ostakolu jista’ jkun iġġustifikat, minn naħa, meta l-ħaddiema ma jibbenefikawx minn protezzjoni simili pprovduta mil-liġi ta’ l-Istat ta’ l-istabbiliment, b’mod li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat ospitanti tagħtihom vantaġġ reali li jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-protezzjoni soċjali tagħhom, u min-naħa l-oħra, meta l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni hija proporzjonata għall-għan ta’ interess ġenerali li jkun irid jintlaħaq. Skond dan il-Gvern, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel din l-analiżi b’mod konkret filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-kawża li tkun adita biha.
49. Ċerti gvernijiet janalizzaw il-kwistjoni wkoll mill-perspettiva tad-Direttiva 96/71 u huma tal-fehma li din ma teskludix il-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
50. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Pollakk isostni li d-Direttiva 96/71 ma tistax tiġġustifika li l-għoti ta’ kuntratt ikun suġġett għall-ħlas, mill-fornitur tas-servizz lill-ħaddiema kkollokati, ta’ paga ogħla mir-rata minima stabbilita fl-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-Direttiva. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rati ta’ paga previsti mill-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi huma sostanzjalment ogħla mil-paga minima definita mill-AEntG.
51. B’mod sussidjarju, il-Gvern Pollakk isostni li l-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-Artikolu 49 KE. Fil-fehma tiegħu, din tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li mhuwiex iġġustifikat. Huwa jaqbel mal-fehma tal-qorti tar-rinviju li d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Land għandhom l-għan li jipproteġu l-impriżi Ġermaniżi tal-bini mill-kompetizzjoni provenjenti minn Stati Membri oħra, u għaldaqstant de facto għandhom għan ta’ natura ekonomika li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġġustifika restrizzjoni fuq libertà fundamentali. Skond il-Gvern Pollakk dispożizzjonijiet bħal dawn imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali, peress li dan l-għan jista’ jintlaħaq b’mod adegwat permezz ta’ l-iffissar ta’ rata minima ta’ paga fl-AEntG.
52. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71 u li jeħtieġ li d-domanda preliminari tiġi analizzata qabel kollox fid-dawl ta’ din id-Direttiva. Hija tesponi li l-għan ta’ l-imsemmija Direttiva huwa li toħloq bilanċ bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati. Sabiex jilħaq dan l-għan, fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, il-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa qafas iddettaljat li l-Istati Membri għandhom josservaw.
53. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha sistema ta’ dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali tal-ftehim kollettivi, huwa biss l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-Direttiva li huwa rilevanti. Skond din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ l-imsemmija Direttiva, il-pagi minimi għall-ħaddiema kkollokati fil-Ġermanja għandhom jiġu ffissati biss permezz ta’ ftehim kollettivi ddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, jiġifieri ftehim kollettivi li għandhom ikunu osservati mill-impriżi kollha fil-professjoni u fl-industrija kkonċernati u fil-qasam ġeografiku ta’ dawn il-ftehim.
54. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni ssostni li, in kwantu l-liġi tal-Land timponi obbligu li tiġi osservata rata ta’ ħlas li tkun prevista fi ftehim kollettiv li ma jkunx ġie ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, din il-liġi għandha titqies bħala inkompatibbli mad-Direttiva 96/71. Għaldaqstant, hija taqa’ barra mill-portata tal-garanziji, armonizzati minn din id-Direttiva, li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tipprovdi fir-rigward tal-paga minima tal-ħaddiema kkollokati.
55. Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-liġi tal-Land li għandha l-iskop li timponi kundizzjonijiet ta’ xogħol iktar eżiġenti unikament għall-ħaddiema kkollokati li jkunu impjegati fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku, jiġifieri f’settur tal-ħajja ekonomika, ma tistax, fi kwalunkwe każ, tirrispondi għall-interess ġenerali imperattiv fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE u lanqas mhija xierqa sabiex jintlaħaq interess bħal dan.
56. Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż, essenzjalment iddefenda l-istess pożizzjoni bħal dik tal-Kummissjoni, billi qies li l-Artikolu 49 KE u d-Direttiva 96/71 ma jipprekludux lil Stat Membru milli japplika għall-ħaddiema kkollokati l-paga minima prevista minn ftehim kollettiv nazzjonali jew lokali, iżda sakemm dak il-ftehim kollettiv ikun ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali għall-impriżi fis-settur jew fit-territorju in kwistjoni.
57. Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi mfakkar li, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti li tkun għamlitilha domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tieħu in kunsiderazzjoni regoli tad-dritt Komunitarju li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet referenza għalihom fid-domanda tagħha (15).
58. Fir-rigward l-ewwel nett tad-Direttiva 93/37, diġà ġie indikat li din ma tirregolax il-fażi ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratti pubbliċi. Madankollu, l-impenn li, skond l-Artikolu 3(1) u 4(1) tal-liġi tal-Land, għandhom jieħdu l-offerenti, li jħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga prevista fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi kkonċernati u li jorbtu lis-subappaltaturi tagħhom bl-istess obbligu jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, kundizzjoni għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt (16).
59. Madankollu, jiena nosserva li l-Artikolu 23 ta’ l-imsemmija Direttiva mhuwiex irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża peress li jesprimi l-idea li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt wara l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha ssir b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol li jkunu fis-seħħ fil-post fejn jitwettqu x-xogħlijiet.
60. Madankollu, jiena mhux ser nagħti interpretazzjoni iktar dettaljata tad-Direttiva 93/37, peress li hija ma tippermettix li tingħata risposta għall-qofol tal-problema mqajma minn din id-domanda preliminari, jiġifieri d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol li, in konformità mad-dritt Komunitarju, jistgħu jiġu imposti fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku f’sitwazzjoni ta’ kollokament ta’ ħaddiema li jsir fl-ambitu ta’ prestazzjoni ta’ servizzi.
61. Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 96/71, jiena tal-fehma li l-fatti tal-kawża prinċipali, kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandhom jiġu meqjusa bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, peress li jikkorrispondu għall-każ definit fl-Artikolu 1(3)(a) ta’ l-imsemmija Direttiva.
62. B’mod iktar preċiż, quddiemna għandna każ fejn impriża stabbilita fi Stat Membru, jiġifieri l-kumpannija PKZ stabbilita fil-Polonja, bagħtet xi ħaddiema Pollakki, f’isimha u taħt id-direzzjoni tagħha, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li f’dan il-każ huwa r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-qafas ta’ kuntratt ta’ subappalt konkluż bejn l-impriża li bagħtet lill-ħaddiema u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dan l-Istat Membru ta’ l-aħħar, jiġifieri l-konvenuta fil-kawża prinċipali.
63. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-fatti tal-kawża prinċipali seħħew f’data wara l-iskadenza tat-terminu impost fuq l-Istati Membri sabiex jittrasponu d-Direttiva 96/71, jiġifieri wara s-16 ta’ Diċembru 1999.
64. Ċertament, huwa minnu li l-għan tal-liġi tal-Land mhuwiex speċifikatament li tirregola s-sitwazzjonijiet ta’ kollokament tal-ħaddiema fil-qafas ta’ kuntratt ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, iżda huwa pjuttost, b’mod iktar ġenerali, l-għoti tal-kuntratti pubbliċi fil-Land Niedersachsen. Madankollu, in kwantu din il-liġi tistabbilixxi kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti għal xogħlijiet, f’dan il-każ l-osservanza tal-paga minima, li għandhom japplikaw b’mod obbligatorju għall-ħaddiema impjegati mill-appaltatur u/jew mis-subappaltatur, inkluż għall-ħaddiema li jiġu kkollokati fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, jeħtieġ li din il-liġi tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt Komunitarju sekondarju li jirrigwarda l-kollokament tal-ħaddiema li jsir fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi.
65. Ser nibda għalhekk billi neżamina l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 96/71 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi liġi nazzjonali bħalma hija l-liġi tal-Land li timponi fuq l-appaltaturi u, indirettament, fuq is-subappaltaturi, l-obbligu li jħallsu lill-ħaddiema kkollokati fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku ta’ l-inqas il-paga prevista fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, taħt piena ta’ penali li jistgħu iwasslu għat-terminazzjoni tal-kuntratt għal xogħlijiet, meta l-ftehim kollettiv li għalih tirreferi din il-liġi ma jkunx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-Direttiva.
A – Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 96/71
66. Fil-fehma tiegħi d-Direttiva 96/71 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Sabiex wieħed ikun jista’ jkun konvint minn din l-opinjoni, jeħtieġ li tiġi deskritta s-sistema implimentata minn din id-Direttiva. Sussegwentement ser nanalizza, fid-dawl tas-sistema hekk deskritta, l-iskema li tapplika fil-liġi Ġermaniża sabiex jiġu ddeterminati r-rati minimi ta’ ħlas fis-settur tal-bini.
67. Kif diġà indikajt qabel, l-għan tad-Direttiva 96/71 huwa li tikkoordina l-liġijiet ta’ l-Istati Membri b’mod li tistabbilixxi nukleu ta’ regoli mandatarji għall-protezzjoni minima li għandhom jiġu osservati fil-pajjiż ospitanti minn dawk li jħaddmu u li jibgħatu lill-ħaddiema tagħhom biex jagħmlu xogħol temporanju fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jiġu pprovduti s-servizzi.
68. Billi adotta din id-Direttiva l-leġiżlatur Komunitarju mhux biss adotta l-ġurisprudenza stabbilita biż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, imma ppreċiżaha u saħħaħha wkoll.
69. Fil-fatt mis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Frar 1982, Seco u Desquenne & Giral (17), il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, bħala prinċipju, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom, jew il-ftehim kollettivi konklużi mill-imsieħba soċjali, għal kull persuna impjegata, anki jekk fuq bażi temporanja, fit-territorju tagħhom, irrispettivament mill-pajjiż fejn ikun stabbilit dak li jħaddem, u lanqas jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrikjedu li dawn ir-regoli jiġu osservati permezz tal-mezzi xierqa (18). Din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija riprodotta fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 96/71.
70. L-ewwel kontribuzzjoni ta’ din id-Direttiva hija li tibdel f’obbligu dak li sallum kienet biss għażla ta’ l-Istati Membri. Għaldaqstant, l-imsemmija Direttiva timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li japplikaw, għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jibagħtu ħaddiema fuq it-territorju tagħhom fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, sensiela ta’ regoli nazzjonali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ xogħol f’ċerti oqsma.
71. Kontribuzzjoni oħra tad-Direttiva 96/71 hija li tagħti s-sustanza lin-“nukleu iebes” tar-regoli protettivi li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jiggarantixxi l-applikazzjoni tagħhom favur il-ħaddiema kkollokati.
72. B’hekk, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva jidentifika r-regoli nazzjonali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ xogħol li l-ħaddiema kkollokati ma jistgħux jiġu mċaħħda minnhom fl-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz.
73. Kif indikat riċentament il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija Direttiva tistabbilixxi “lista ta’ regoli nazzjonali li Stat Membru għandu japplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jibagħtu ħaddiema fuq it-territorju tiegħu stess fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali” (19). F’dan is-sens, dawn huma regoli protettivi ta’ natura mandatarja.
74. L-elenkar ta’ dawn ir-regoli mil-leġiżlatur Komunitarju jsaħħaħ iċ-ċertezza legali in kwantu l-fornitur tas-servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor illum huwa ċert li jkollu japplika sett ta’ regoli minimi li jkunu kjarament identifikabbli u li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ xogħol li jkunu fis-seħħ fl-Istat fejn jiġu pprovduti s-servizzi. Bħala korollarju ta’ dan, il-ħaddiem ikkollokat fi Stat Membru jkun jista’ jinvoka favur tiegħu l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli li n-natura mandatarja tagħhom toħroġ direttament mid-Direttiva 96/71.
75. Fost dawn il-kundizzjonijiet ta’ xogħol mandatarji hemm ir-rati minimi ta’ ħlas, kemm jekk stabbiliti minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi jew, fir-rigward ta’ l-attivitajiet fis-settur tal-bini, minn ftehim kollettivi jew minn sentenzi ta’ arbitraġġ ddikjarati ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ l-imsemmija Direttiva.
76. Din il-kategorija ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol għandha fatturi partikolari meta mqabbla ma’ l-oqsma l-oħra msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, bħalma huma l-perijodi massimi ta’ xogħol u l-perijodi minimi ta’ mistrieħ, is-sigurtà, is-saħħa u l-iġjene fuq ix-xogħol kif ukoll it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa. Fil-fatt, għall-kundizzjonijiet tax-xogħol l-oħra, ġew żviluppati xi azzjonijiet Komunitarji u, b’mod partikolari, permezz tad-Direttivi li jistabbilixxu rekwiżiti minimi kien possibbli li ssir approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali (20). Is-sitwazzjoni hija differenti fil-qasam tar-rata ta’ ħlas minima li fir-rigward tagħha għadha ma teżistix ebda miżura Komunitarja ta’ dan it-tip (21).
77. Għalkemm ma jistax jingħad li l-kwistjoni tal-paga hija kompletament barra mill-iskop tad-dritt Komunitarju, ikollu jiġi ammess li d-determinazzjoni ta’ l-ammont jew tar-rata ta’ ħlas għadha mhijiex koperta bl-istess dritt Komunitarju (22).
78. L-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 juri n-natura partikolari tar-rati minimi ta’ ħlas fejn jipprovdi li “il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas imsemmija fit-tieni inċiż punt ċ huwa ddefinit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem huwa mibgħut.”
79. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi l-applikazzjoni tan-“nukleu iebes” tar-regoli protettivi msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva għandha tinftiehem bħala li tikkostitwixxi garanzija minima għall-ħaddiema kkollokati li b’hekk jiġu żgurati li, ta’ l-inqas, jibbenefikaw minn dawn ir-regoli nazzjonali li akkwistaw natura mandatarja.
80. Din il-karatteristika l-oħra tas-sistema stabbilita mill-imsemmija Direttiva ssib l-espressjoni tagħha fil-kunċett stess tan-“nukleu ta’ regoli obbligatorji [mandatarji] għall-protezzjoni minima” li huwa msemmi fit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 96/71.
81. Barra minn hekk, jiena nfakkar li s-sbatax il-premessa ta’ din id-Direttiva tiddisponi li “ir-regoli obbligatorji [mandatarji] għall-protezzjoni mimina fis-seħħ fil-pajji[ż] li jilqa’ m’għandhomx jimpedixxu l-applikazzjoni ta’ klaw[ż]oli u kundizzjonijiet ta’ impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema”. L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(7) ta’ l-istess Direttiva jittraduċi din il-volontà tal-leġiżlatur Komunitarju, billi jippreċiża li “[i]l-Paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx iżommu l-applikazzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet ta’ impjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema”.
82. Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni tinvolvi żewġ aspetti. Minn naħa, hija turi li n-natura mandatarja tar-regoli protettivi fis-seħħ fl-Istat fejn jiġu pprovduti s-servizzi tista’ tinħeba wara r-regoli fis-seħħ fl-Istat fejn jkun stabbilit il-fornitur, in kwantu dawn ikunu jirrigwardaw kundizzjonijiet ta’ xogħol iktar favorevoli għall-ħaddiema kkollokati.
83. Min-naħa l-oħra, u huwa dan l-aspett li huwa rilevanti f’din il-kawża, l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71 jippermetti wkoll, fil-fehma tiegħi, lill-Istati Membri fejn jiġu pprovduti s-servizzi li, fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, jtejbu l-livell ta’ protezzjoni soċjali li huma jkunu jixtiequ jiggarantixxu lill-ħaddiema impjegati fit-territorju tagħhom u li, għaldaqstant, huma jkunu jistgħu japplikaw għall-ħaddiema kkollokati hemmhekk. Din id-dispożizzjoni għalhekk tawtorizza, bħala prinċipju, l-implimentazzjoni ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa (23).
84. Madankollu, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-implimentazzjoni ta’ tali protezzjoni nazzjonali msaħħa għandha ssir skond dak li huwa permess mill-Artikolu 49 KE (24).
85. Jekk wieħed iqabbel hawnhekk is-sistema li tapplika fil-liġi Ġermaniża għad-determinazzjoni tar-rati minimi ta’ ħlas fis-settur tal-bini mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 96/71, li għadni kif iddeskrivejt, wieħed jista’ jislet l-osservazzjonijiet li ġejjin.
86. L-ewwel nett wieħed għandu josserva li fil-liġi Ġermaniża teżisti sistema li tippermetti li l-ftehim kollettivi jiġu ddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali. L-iskema Ġermaniża għad-determinazzjoni tar-rati minimi ta’ ħlas fis-settur tal-bini għandha għalhekk tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-Direttiva, li jkopri l-każ fejn ma tkunx teżisti sistema li biha ftehim kollettiv jiġi ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.
87. B’mod konformi ma’ l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, l-Artikolu 1(1) ta’ l-AEntG jipprovdi, b’mod partikolari, li r-regoli ġuridiċi fi ftehim kollettiv ta’ l-industrija tal-bini li huwa ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, li jirrigwardaw il-paga minima, huma mandatarji wkoll fil-qafas tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lil dak li jħaddem, li jkun stabbilit barra mill-pajjiż, u lill-ħaddiem tiegħu li jaħdem fil-qasam ġeografiku ta’ dak il-ftehim kollettiv. B’hekk, dak li jħaddem għandu ta’ l-inqas joffri lill-ħaddiem tiegħu kkollokat il-kundizzjonijiet ta’ xogħol stabbiliti fl-imsemmi ftehim kollettiv.
88. Sussegwentement, infakkar li t-TV Mindestlohn, li kien applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, li ġie ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali u li jkopri t-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fis-settur tal-bini jistabbilixxi l-livell ta’ paga minima skond żewġ kategoriji li jikkorrispondu għal-livell ta’ kwalifiki tal-ħaddiem u għal livelli differenti skond jekk humiex Länder “antiki” jew “ġodda”.
89. Dan il-ftehim kollettiv, iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71, għaldaqstant jifforma parti min-“nukleu iebes” tar-regoli protettivi, kif definit fl-Artikolu 3(1) ta’ l-istess Direttiva.
90. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li dan il-ftehim jippreċiża wkoll li d-drittijiet għall-pagi ogħla abbażi ta’ ftehim kollettivi oħra jew abbażi ta’ ftehim partikolari mhumiex affettwati mid-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-ħlas fis-siegħa totali għaż-żewġ kategoriji msemmijin iktar’il fuq. Għaldaqstant it-TV Mindestlohn, in konformità ma’ dak li jippermetti l-Artikolu 3(7) ta’ l-imsemmija Direttiva, jirriżerva espressament il-possibbiltà li jiġu applikati kundizzjonijiet ta’ xogħol iktar favorevoli għall-ħaddiema.
91. B’mod iktar preċiż, l-iskema li tapplika fil-liġi Ġermaniża għad-determinazzjoni tar-rati minimi ta’ ħlas fis-settur tal-bini, bħala addizzjoni għat-TV Mindestlohn, hija bbażata fuq diversi ftehim kollettivi speċifiċi li, fil-parti l-kbira tagħhom, għandhom qasam ġeografiku limitat u li normalment mhumiex is-suġġett ta’ dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali, fatt dan li jeskludihom min-“nukleu iebes” tar-regoli minimi protettivi kif definit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71.
92. Dan jimplika, bħalma ssostni l-Kummissjoni, li l-osservanza ta’ dawn id-diversi ftehim kollettivi speċifiċi, li mhumiex iddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-Direttiva, ma tistax tiġi imposta fuq l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali?
93. Jiena ma naħsibx li dan huwa l-każ.
94. Fil-fatt, jiena nsostni li, in kwantu r-rati ta’ pagi stabbiliti f’dawn il-ftehim kollettivi speċifiċi fil-prattika huma ogħla sew mir-rati minimi ta’ ħlas imposti fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bis-saħħa tat-TV Mindestlohn, dawn il-ftehim jikkostitwixxu l-implimentazzjoni ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa. Kif diġà urejt iktar’il fuq, din il-protezzjoni nazzjonali msaħħa hija permessa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71.
95. Barra minn hekk miżura nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tirrendi dawn il-ftehim kollettivi obbligatorji, inkluż fil-każ ta’ kollokament ta’ ħaddiema, fil-fehma tiegħi hija konformi ma’ din id-Direttiva in kwantu hija timplimenta l-fakultà li hija miftuħa għall-Istati Membri skond l-Artikolu 3(7) ta’ l-istess Direttiva.
96. Barra minn hekk, il-fatt li ftehim kollettiv iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, bħalma huwa t-TV Mindestlohn, jirriferi huwa stess, b’mod ġenerali, għal ftehim kollettivi oħra jew għall-ftehim partikolari li jipprovdu drittijiet għall-pagi ogħla, fil-fehma tiegħu huwa konformi mad-Direttiva 96/71.
97. Għalhekk, jidhirli li s-sistema Ġermaniża għad-determinazzjoni tar-rati minimi ta’ ħlas fis-settur tal-bini tikkostitwixxi sistema koerenti li hija kompatibbli mad-Direttiva 96/71.
98. Għaldaqstant jiena tal-fehma li d-Direttiva 96/71 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix liġi nazzjonali bħalma hija l-liġi tal-Land milli timponi fuq l-appaltaturi u, indirettament fuq is-subappaltaturi tagħhom, l-obbligu li jħallsu lill-ħaddiema kkollokati fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku ta’ l-inqas il-paga prevista fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, taħt piena ta’ penali li jistgħu jwasslu għat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħlijiet, inkluż fil-każ li l-ftehim kollettiv li tirreferi għalih din il-liġi ma jkunx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-Direttiva.
99. F’dan l-istadju jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali bħalma hija dik fil-kawża prinċipali.
B – Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE
100. Skond ġurisprudenza stabbilita l-Artikolu 49 KE jeżiġi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor abbażi tan-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni għal fornituri nazzjonali u għal dawk minn Stati Membri oħra, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel, jew tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi servizzi simili legalment (25).
101. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti għall-fornituri ta’ servizzi tista’ tipprojbixxi, tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-prestazzjonijiet ta’ servizzi minn persuni jew impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra in kwantu tinvolvi spejjeż u piżijiet amministrattivi u ekonomiċi addizzjonali (26).
102. Fil-fehma tiegħi m’hemm ebda dubju li f’dan il-każ teżisti restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
103. Fil-fatt, billi jobbligaw lill-appaltaturi ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u, b’mod indirett, lis-subappaltaturi tagħhom, josservaw il-paga minima prevista fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, l-Artikoli 3(1) u 4(1) tal-liġi tal-Land jistgħu jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fejn ir-rati minimi ta’ ħlas huma iktar baxxi, piż ekonomiku addizzjonali li jista’ jipprojbixxi, ifixkel jew irendi inqas attraenti l-prestazzjoni tas-servizzi tagħhom fl-Istat Membru ospitanti.
104. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-liġi tal-Land japplikaw mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra. Fi kliem ieħor, l-obbligu li tiġi osservata l-paga minima prevista fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi japplika kemm għall-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fil-Ġermanja kif ukoll għal dawk li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor.
105. Skond ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ukoll stabbilita, tali leġiżlazzjoni li tapplika mingħajr distinzjoni tista’ tkun iġġustifikata fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE jekk tirrispondi għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, safejn dan l-interess ma jkunx protett mir-regoli li l-fornitur ikun suġġett għalihom fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, u sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan tagħha u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (27).
106. Fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali diġà rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja hemm inkluża il-protezzjoni tal-ħaddiema (28).
107. Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li f’isem dik ir-raġuni imperattiva, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom, jew il-ftehim kollettivi ta’ xogħol konklużi mill-imsieħba soċjali, għal kull persuna li hija impjegata fit-territorju tagħhom, anki jekk fuq bażi temporanja, irrispettivament minn liema jkun il-pajjiż ta’ stabbiliment ta’ dak li jħaddem, u ma jipprojbixxix lill-Istati Membri milli jirrikjedu l-osservanza ta’ dawn ir-regoli bil-mezzi adattati, meta jidher li l-protezzjoni mogħtija minnhom mhijiex iggarantita minn obbligi identiċi jew essenzjalment simili għal dawk li tkun diġà suġġetta għalihom l-impriża fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita (29).
108. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali min-naħa ta’ impriżi li jħallsu lill-ħaddiema tagħhom b’rata iktar baxxa minn dik li tikkorrispondi għall-paga minima jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni bħala eżiġenza imperattiva li tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (30). Hija indikat ukoll li ma teżistix neċessarjament kontradizzjoni bejn l-għan li tiġi ppreżervata l-kompetizzjoni leali, minn naħa, u l-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra (31).
109. Fl-elaborazzjoni ta’ dan ir-raġunament, riċentament il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet rabta espliċita bejn il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom jew il-ftehim kollettivi dwar il-paga minima għal kull persuna li hija impjegata, anki temporanjament, fit-territorju tagħhom u l-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-“prevenzjoni tad-dumping soċjali” (32).
110. Diġà indikajt qabel li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-obbligu li l-liġi tal-Land timponi fuq l-appaltaturi u, indirettament, fuq is-subappaltaturi tagħhom, li josservaw il-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi huwiex iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.
111. F’dan ir-rigward jiena nfakkar li skond din il-ġurisprudenza, l-iskop prinċipali tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi in kwistjoni huwa li jiġu protetti l-impriżi ta’ bini Ġermaniżi mill-kompetizzjoni provenjenti minn Stati Membri oħra. Għan bħal dan, li huwa ta’ natura ekonomika, ma jistax jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
112. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tikkunsidra li l-obbligu li, fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, jiġi osservat ftehim kollettiv li jipprovdi għal rati minimi ta’ ħlas li huma ogħla minn dawk applikabbli fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-AEntG, imur lilhinn minn dak li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Fil-fatt, hija ssostni li dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-ħaddiema huwa definit mill-paga minima mandatarja li għandha tiġi applikata fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-AEntG.
113. Jiena ma naqbilx ma’ l-analiżi proposta mill-qorti tar-rinviju u li hija essenzjalment sostnuta mill-Gvern Pollakk.
114. Jiena nqis, għall-kuntrarju, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-Land huma xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ l-għanijiet li jikkonsistu fil-protezzjoni tal-ħaddiema u l-prevenzjoni tad-dumping soċjali, u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħquhom.
115. Huwa minnu li skond ġurisprudenza stabbilita, miżuri li jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jistgħux ikunu ġġustifikati abbażi ta’ għanijiet ta’ natura ekonomika, bħalma hija l-protezzjoni ta’ l-impriżi nazzjonali (33). Madankollu, fl-istess waqt, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-intenzjoni tal-leġiżlatur, kif tidher mid-dibattiti politiċi li jsiru qabel l-adozzjoni ta’ xi liġi jew fl-espożizzjoni tal-motivi ta’ l-istess liġi, ma tistax tkun determinanti imma tista’ tikkostitwixxi ħjiel fir-rigward ta’ l-għan ta’ l-imsemmija liġi (34). Hija l-imsemmija qorti li għandha tivverifika jekk, ikkunsidrata oġġettivament, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tiggarantixxix il-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati (35), jew, b’mod iktar ġenerali, il-prevenzjoni tad-dumping soċjali.
116. B’hekk, fir-rigward ta’ l-osservazzjoni tal-qorti tar-rinviju fejn jingħad li l-għan prinċipali tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li jiġu protetti l-impriżi Ġermaniżi tal-bini mill-kompetizzjoni provenjenti minn Stati Membri oħra, hija l-istess qorti li għandha tivverifika jekk, ikkunsidrati oġġettivament, id-dispożizzjonijiet jiggarantixxux jew le l-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet jagħtux lill-ħaddiema kkonċernati benefiċċju reali li jikkontribwixxi, b’mod sinjifikattiv, għall-protezzjoni soċjali tagħhom (36).
117. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan il-benefiċċju, li jikkostitwixxi protezzjoni reali addizzjonali għall-ħaddiema kkollokati (37), il-qorti tar-rinviju għandha tanalizza jekk il-protezzjoni li tkun diġà ngħatat lill-ħaddiema, għal dak li jikkonċerna l-ħlas tagħhom, mil-leġiżlazzjoni u/jew mill-ftehim kollettivi fis-seħħ fl-Istat ta’ l-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi hijiex ekwivalenti jew essenzjalment simili. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, huwa l-ammont gross tal-paga li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni (38).
118. F’dan ir-rigward, jiena nfakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kumpannija PKZ ġiet akkużata li ħallset lit-53 ħaddiem li kienu qed jaħdmu fuq il-lant 46.57 % biss mill-paga minima applikabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li huwa stabbilit li l-osservanza tal-liġi tal-Land kienet tagħti lil dawn il-ħaddiema protezzjoni effettiva addizzjonali, billi kienet tħallihom jibbenefikaw minn paga ogħla sew minn dik li normalment jitħallsu fl-Istat ta’ l-istabbiliment minn dak li jħaddimhom. Jidher għalhekk li din il-liġi hija xierqa biex tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati.
119. Fil-fehma tiegħi, din il-liġi hija wkoll xierqa biex tipprevjeni d-dumping soċjali in kwantu hija għandha wkoll l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet li fihom il-fornituri tas-servizzi, kemm jekk ikunu stabbiliti fil-Ġermanja kif ukoll jekk le, għandhom iħallsu lill-ħaddiema tagħhom fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku. B’hekk, hija tiggarantixxi li fuq l-istess lant tax-xogħol, il-ħaddiema lokali u l-ħaddiema kkollokati jiġu mħallsa bl-istess mod.
120. Il-fatt li l-Land Niedersachsen għażel li għal-liġi tiegħu dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jibbaża fuq ftehim kollettiv speċifiku li mhuwiex it-TV Mindestlohn, bil-konsegwenza li l-paga minima li għandha tiġi osservata mill-appaltaturi u mis-subappaltaturi tagħhom fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi hija ogħla minn dik applikabbli normalment fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fis-settur tal-bini, ma jidhirlix li huwa minnu nnifsu kontestabbli taħt id-dritt komunitarju.
121. Minn naħa, huwa diffiċli li wieħed jiċħad li l-garanzija ta’ paga ogħla għall-ħaddiema kkollokati hija xierqa biex tiżgura l-protezzjoni tagħhom (39). Min-naħa l-oħra, u fuq livell iktar ġenerali, wieħed m’għandux jinsa li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 136 KE jipprovdi li “[i]l-Komunità u l-Istati Membri, waqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali […] għandu jkollhom bħala mira […] it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib, [kif ukoll] id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema”.
122. Barra minn hekk, ma jidhirlix li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-Land jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet tal-protezzjoni tal-ħaddiema u l-prevenzjoni tad-dumping soċjali.
123. Fil-fatt, l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jrendu obbligatorji, għall-fornituri tas-servizzi involuti fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku, ir-rati ta’ paga applikabbli skond il-ftehim kollettiv speċifiku fis-seħħ fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi. Għal dan il-għan, huma jipprovdu minn naħa, li l-kuntratti ta’ xogħol m’għandhomx jingħataw ħlief lill-offerenti li jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom il-paga minima prevista fil-ftehim kollettiv li jkun applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi u li jintrabtu wkoll li jimponu l-istess obbligu fuq is-subappaltaturi tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-ksur ta’ dan l-obbligu jagħti lok għal penali ta’ diversi livelli li jistgħu jinvolvu penali kuntrattwali u jistgħu jwasslu wkoll għat-terminazzjoni tal-kuntratt.
124. Fil-fehma tiegħi, l-għanijiet tal-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-prevenzjoni tad-dumping soċjali ma setgħux jintlaħqu b’mod daqshekk effikaċi minn regoli inqas vinkolanti u ta’ natura inqas restrittiva fuq il-libertà li jiġu provduti s-servizzi.
125. Barra minn hekk, kif indikat l-Irlanda fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub (40), m’hemm xejn li jindika, wara li wieħed jieħu in kunsiderazzjoni ċerti elementi rilevanti bħalma huwa l-indiċi ta’ l-għoli tal-ħajja, li r-rati minimi ta’ ħlas meħtieġa skond il-ftehim kollettiv speċifiku li tirreferi l-liġi tal-Land għalih huma sproporzjonati meta mqabbla mar-rati stabbiliti fit-TV Mindestlohn.
126. Ma jidhirlix li l-analiżi preċedenti tista’ tiġi kkontestata bl-argument tal-Kummissjoni li l-liġi tal-Land, li kellha l-għan li timponi kundizzjonijiet ta’ xogħol iktar eżiġenti fir-rigward biss tal-ħaddiema kkollokati li jkunu impjegati fil-qafas ta’ kuntratti pubbliċi, jiġifieri f’qasam wieħed tal-ħajja ekonomika, ma’ tistax tirrispondi għal interess ġenerali imperattiv fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE u li lanqas tista’ tkun mod xieraq sabiex dan l-interess żgurat.
127. Kif esponiet waqt is-seduta, il-Kummissjoni tallega li l-liġi tal-Land toħloq diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema fis-settur tal-bini, skond jekk l-appaltatur prinċipali ikunx pubbliku jew privat. Barra minn hekk, skond din l-istess istituzzjoni, jekk l-għan tal-Land Niedersachsen huwa verament dak li tipproteġi lill-ħaddiema, hija għandha testendi din it-tip ta’ miżura għall-ħaddiema kollha f’dan is-settur.
128. Jiena ma nistax naqbel ma’ dan l-argument u dan għar-raġunijiet li ġejjin.
129. Fl-ewwel lok, waqt is-seduta ġie kkonfermat li, salv il-każ li jingħata setgħa delegata, il-Land Niedersachsen mhuwiex kompetenti li jiddikjara ftehim kollettiv bħala ta’ applikazzjoni ġenerali. Billi adotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-Land, il-Land Niedersachsen ipprova li, f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha, jiġifieri dak tal-kuntratti pubbliċi, irendi obbligatorju l-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, irrispettivament minn jekk ikunx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali jew le.
130. Fit-tieni lok, l-argument li għaldaqstant tkun teżisti diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema fis-settur tal-bini, skond jekk l-appaltatur ikunx pubbliku jew privat, ma jidhirx li huwa rilevanti taħt id-dritt Komunitarju.
131. Kif diġà indikajt, dak li huwa rilevanti huwa li l-liġi tal-Land tirrispetta l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, u, għaldaqstant, timponi fuq il-fornituri tas-servizzi l-istess obbligu sabiex dawn jirrispettaw ir-rati minimi ta’ ħlas applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, kemm jekk dawn ikunu stabbiliti fil-Ġermanja u kemm jekk fi Stat ieħor. Fi kliem ieħor, jidher li huwa determinanti li, fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-istess kuntratt pubbliku, il-ħaddiema lokali u l-ħaddiema kkollokati jiġu mħallsa bl-istess mod. Fil-fehma tiegħu, huwa hawnhekk li għandna napplikaw il-bażi ta’ paragun sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju.
132. Fit-tielet lok, għalkemm huwa minnu li l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa, qabel kollox, intiż li jissodisfa bżonn amministrattiv partikolari, fir-rigward ta’ xogħlijiet, servizzi jew provvisti, l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jippermetti wkoll li jintlaħqu bżonnijiet oħra ta’ interess ġenerali, bħal per eżempju, l-politika ambjentali jew, bħal f’din il-kawża, għanijiet soċjali (41).
133. Il-possibbiltà li rekwiżiti soċjali jiġu integrati fil-kuntratti pubbliċi diġà ġiet rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja (42) u fil-fatt tinsab ikkristallizzata fid-Direttiva 2004/18. Fil-fatt, din tinkludi Artikolu 26 intitolat “Kondizzjonijiet għal twettiq ta’ kuntratti” li huwa redatt skond kif ġej:
“Awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jniżżlu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ xi kuntratt, basta dawn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u huma indikati fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet. Il-kondizzjonijiet li jikkontrollaw it-twettiq ta’ xi kuntratt jistgħu, partikolarment, jikkonċernaw kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali.” (43)
134. Sakemm il-kundizzjoni ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt li tirrigwarda l-paga minima tal-ħaddiema, kif prevista fid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-Land, tirrispetta l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, u sakemm tirrispetta l-prinċipju ta’ trasparenza, din għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi meqjusa bħala li hija konformi mad-dritt Komunitarju.
135. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ trasparenza, fil-fehma tiegħi, huwa meħtieġ li l-ftehim kollettivi li għandhom jiġu osservati għandhom ikunu preċiżi u aċċessibbli biżżejjed sabiex fil-prattika ma jagħmluhiex impossibli jew eċċessivament diffiċli għal dak li jħaddem li jkun jaf l-obbligi li huwa għandu jirrispetta (44). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża (45).
IV – Konklużjoni
136. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Celle bil-mod li ġej:
“Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71/KE, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, u l-Artikolu 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi nazzjonali, bħalma hija l-liġi tal-Land Niedersachsen, dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi milli timponi fuq l-appaltaturi u, indirettament fuq is-subappaltaturi tagħhom, l-obbligu li jħallsu lill-ħaddiema kkollokati fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku ta’ l-inqas il-paga prevista fil-ftehim kollettiv li tapplika fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, taħt piena ta’ penali li jistgħu jwasslu għat-terminazzjoni tal-kuntratt għal xogħlijiet, meta l-ftehim kollettiv li tirreferi għalih dik il-liġi ma jkunx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-liġi tagħtix benefiċċju reali lill-ħaddiema kkollokati li jikkontribwixxi, b’mod sinjifikattiv, għall-protezzjoni soċjali tagħhom u li, fl-implimentazzjoni ta’ din il-liġi, il-prinċipju ta’ trasparenza tal-kundizzjonijiet ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku kkonċernat ġie rrispettat.”