Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2019 minn Rumanija mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-30 ta’ April 2019 fil-Kawża T-530/18, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-498/19 P)

Lingwa tal-kawża: Ir-Rumen

Partijiet

Appellanti: Ir-Rumanija (rappreżentanti: C.-R, Canţăr, E. Gane, O.-C. Ichim, M. Chicu, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell, tannulla b’mod sħiħ id-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-530/18, teżamina mill-ġdid il-Kawża T-530/18 u tilqa’ r-rikors għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat-13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) 1 :

a)    fir-rigward tas-sottomiżura 1a fl-intier tagħha (ammont ta’ EUR 13 184 846.61 marbut mas-snin finanzjarji 2015 u 2016);

b)    fir-rigward tas-sottomiżuri 3a, 5a, 3b u 4b fl-intier tagħha (ammont ta’ EUR 45 532 000.96 marbut mas-snin finanzjarji 2014, 2015 u 2016) u, sussidjarjament, parzjalment għall-perijodu ta’ qabel id-19 ta’ Settembru 2015 (ammont ta’ EUR 21 315 857.50);

jew

tilqa’ l-appell, tannulla b’mod sħiħ id-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-530/18, u tibgħat lura l-Kawża T-530/18 quddiem il-Qorti Ġenerali, li, waqt l-eżami mill-ġdid tal-kawża, għandha tilqa’ r-rikors għal annullament u tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/873, kif issemma iktar ’il fuq;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

A. Ksur tal-Artikoli 263 u 297 TFUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali

i. Il-Qorti Ġenerali ma interpretatx b’mod korrett, mill-perspettiva legali, in-natura kompleta u korretta tan-notifika u kklassifikat b’mod żbaljat in-notifika mwettqa mill-Kummission bħala ta’ natura li tiskatta t-terminu previst fl-Artikolu 263 TFUE. Dan l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Ir-Rumanija tqis li l-eżistenza ta’ kull żball marbut mal-elementi essenzjali ta’ deċiżjoni bħad-Deċiżjoni 2018/873 hija ta’ natura li tikkomprometti n-notifika u tqajjem problemi serji inkonnessjoni mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Konsegwentement, l-eżistenza ta’ żbalji bħal dawk ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali hija suffiċjenti sabiex in-notifika mwettqa mill-Kummissjoni ma tkunx tista’ tkun ta’ natura li tiskatta t-terminu previst fl-Artikolu 263 TFUE.

Il-Qorti Ġenerali kklassifikat bħala minuri d-differenzi bejn il-forma ppublikata u dik innotifikata tad-Deċiżjoni 2018/873, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li din tal-aħħar ma tistax tippreġudika l-komprensjoni tat-test tad-deċiżjoni, peress li l-kelma “sumă” (ammont) setgħet tikkorrispondi biss għat-tip ta’ korrezzjoni “sumă estimată” (ammont stmat). Peress li dan it-tip ta’ korrezzjoni ma jeżistix, ir-Rumanija tqis li r-raġunament legali tal-Qorti Ġenerali huwa żbaljat, li dan jippreġudika manifestament il-komprensjoni tat-test tad-Deċiżjoni 2018/873 u li n-notifika ta’ din tal-aħħar ġiet kompromessa.

ii. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 297 TFUE, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni 2018/873 fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠUUE) fid-dawl tal-informazzjoni effettiva u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Fid-dawl tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dik li hija rilevanti għall-eżerċizzju tad-dritt għal rikors hija l-informazzjoni effettiva fuq il-kontenut tal-att tal-Unjoni kkontestat u mhux il-mument li minnu dan tal-aħħar jidħol fis-seħħ jew jipproduċi effetti legali.

It-terminu ta’ xaharejn għall-preżentata ta’ rikors għal annullament ta’ att bħad-Deċiżjoni 2018/873, li għandu jiġi nnotifikat iżda li, konformement ma’ prassi stabbilita u dejjiema tal-awtorità emittenti, jiġi ppubblikat ukoll fil-ĠUUE, għandu jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni, li magħha għandhom jiżdiedu l-erbatax-il ġurnata previsti fl-Artikolu 59 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Din is-soluzzjoni hija iktar iktra neċessarja fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti li fihom ġiet innotifikata d-Deċiżjoni 2018/873 lill-awtoritajiet Rumeni u ppubblikata, liema ċirkustanzi jirrilevaw differenzi bejn it-test innotifikat u dak ippubblikat inkonnessjoni mal-elementi essenzjali tad-deċiżjoni.

iii. Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi qieset waħda mill-inkoerenzi indikati mir-Rumanija [marbuta mat-tip ta’ korrezzjoni “sumă estimată” (ammont stmat) kontra “rată forfetară” (ammont fiss)] kienet tikkostitwixxi żball redazzjonali minuri li twettaq fit-test innotifikat u ppubblikat, iżda li la kien twettaq fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u lanqas fir-rapport ta’ sinteżi, u li ma kinitx tagħti lok għal kopnfużjoni dwar in-nauta tal-korrezzjoni.

iv. Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 263 TFUE billi ddeċidiet li huma irrilevanti u ineffettivi d-differenzi bejn it-test innotifikat u dak ippubblikat fil-ĠUUE li jikkonċernaw dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2018/873 maħsuba għal Stati Membri oħra tal-Unjoni, b’kont meħud tal-kwalità tal-Istat Membru ta’ rikorrent ipprivileġġjat.

B. Ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, inkluż fir-rigward tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

Ir-Rumanija tqis li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju billi ma ppermettietx lill-awtoritajiet Rumeni jadottaw pożizzjoni inkonnessjoni mal-informazzjoni kkomunikata mill-Kumissjoni b’risposta għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, informazzjoni li serviet bħala bażi għaċ-ċaħda tar-rikors bħala inammissibbli.

____________

1     Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat-13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) (ĠU 2018, L 152, p. 29.