Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (ir-Rumanija) fit-28 ta’ Ġunju 2019 – UCMR – ADA Asociaţia pentru Drepturi de Autor a Compozitorilor vs Asociaţia Culturală „Suflet de Român“, irrappreżentata mill-likwidatur tagħha, Pro Management Insolv IPURL

(Kawża C-501/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: UCMR – ADA Asociaţia pentru Drepturi de Autor a Compozitorilor

Konvenuta: Asociaţia Culturală „Suflet de Român“, irrappreżentata mill-likwidatur tagħha, Pro Management Insolv IPURL

Domandi preliminari

Il-proprjetarji ta’ drittijiet fuq ix-xogħolijiet mużikali jwettqu provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 25(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), favur l-organizzaturi ta’ spettakli li mingħandhom is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva jirċievu f’isimhom stess, iżda għan-nom ta’ dawn il-proprjetarji, ħlasijiet għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet mużikali, abbażi ta’ awtorizzazzjoni (liċenzja mhux esklużiva)?

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, meta jirċievu ħlasijiet mingħand organizzaturi ta’ spettakli għad-dritt ta’ komunikazzjoni tax-xogħolijiet mużikali lill-pubbliku, jaġixxu fil-kwalità tagħhom ta’ persuni taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT u huma marbuta li jipprovdu fatturi li jinkludu l-VAT lill-organizzaturi ta’ spettakli inkwistjoni? L-awturi u l-proprjetarji l-oħra ta’ drittijiet tal-awtur fuq xogħolijiet mużikali huma min-naħa tagħhom marbuta, meta jiġu ddistribwiti lilhom il-ħlasijiet, li jipprovdu fatturi li jinkludu l-VAT lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1.