Language of document : ECLI:EU:C:2019:958

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-12 ta’ Novembru 2019 (1)

Kawża C-502/19

Proċeduri kriminali

fil-preżenza ta’:

Oriol Junqueras Vies,

Ministerio Fiscal,

Abogacía del Estado,

Partido politico VOX

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadin ta’ Stat Membru f’detenzjoni provviżorja, elett membru tal-Parlament Ewropew matul il-fażi ta’ prosekuzzjoni ta’ proċedura kriminali – Rifjut ta’ awtorizzazzjoni lill-persuna kkonċernata sabiex tikkonforma ruħha ma’ rekwiżit previst mid-dritt nazzjonali – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 9 – Qasam u portata tal-immunità parlamentari – Kunċetti ta’ ‘elett’ u ta’ ‘Membru tal-Parlament Ewropew’ – Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 39 – Dritt ta’ eliġibbiltà”






 Introduzzjoni

1.        Mal-ftuħ ta’ kull leġiżlatura ġdida tal-House of Commons (ir-Renju Unit), l-Ispeaker (il-President) jindirizza petizzjoni lir-Re (jew, kif inhu l-każ attwalment, lir-Reġina) sabiex dan jagħti lill-House of Commons “il-libertà ta’ espressjoni, il-protezzjoni mill-arrest, l-aċċess għall-Maestà Tiegħu fejn ikun meħtieġ u l-iktar intrepretazzjoni favorevoli tax-xogħol tiegħu”. Ir-Re jirrispondi u jikkonferma l-privileġġi kollha mogħtija minnu jew mid-diversi predeċessuri tiegħu (2).

2.        Fil-fatt l-immunità parlamentari, imsejħa parliamentary privilege, toriġina mill-istorja tal-Parlament tar-Renju Unit. L-iktar element importanti ta’ dan il-privileġġ, il-libertà tal-espressjoni, ġie istituzzjonalizzat fl-aħħar tas-seklu XVI u kkodifikat fid-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet (Bill of Rights) fl-1689. Dan nissel l-irresponsabbiltà attwali (jew l-immunità sostantiva) fir-rigward tal-kummenti magħmula jew tal-atti mwettqa fl-eżerċizzju tal-mandat parlamentari.

3.        Fid-dritt kontinentali, il-bidu tal-immunità parlamentari huwa normalment assoċjat mar-Rivoluzzjoni Franċiża. Fil-fatt, l-istituzzjoni ġdida li tnisslet waqt din ir-Rivoluzzjoni, l-Assemblea Nazzjonali, kienet teħtieġ protezzjoni mis-setgħa monarkika, li sa dakinhar kienet assoluta. L-ewwel espressjoni ta’ din l-immunità dehret fid-digrieti tal-Assemblea Nazzjonali stess. Din kienet diġà tinkludi iż-żewġ komponenti tal-immunità parlamentari kif magħrufa attwalment: l-immunità sostantiva (l-irresponsabbiltà) għall-atti mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari (3) u l-immunità proċedurali (l-invjolabbiltà) għal kull ħaġa oħra, ħlief f’każ ta’ awtorizzazzjoni ta’ azzjoni legali mogħtija mill-Assemblea (4). Sussegwentement l-immunità parlamentari ġiet mgħollija għal-livell kostituzzjonali fil-Kostituzzjoni tal-1791.

4.        Il-forma ta’ din l-immunità, li tinkludi ż-żewġ aspetti, irresponsabbiltà u invjolabbiltà, stabbiliti waqt ir-Rivoluzzjoni Franċiża, ġiet essenzjalment irripprodotta fid-drittijiet parlamentari tal-Istati tal-Ewropa kontinentali.

5.        Minkejja li l-immunità parlamentari tippreżenta ruħha fil-forma tal-protezzjoni mogħtija lil kull membru tal-Parlament personalment, madankollu l-għan tagħha huwa differenti. Din ma hijiex privileġġ tad-deputat intiża sabiex teħilsu mil-liġi komuni, iżda mekkaniżmu ta’ protezzjoni tal-Parlament kollu (5).

6.        B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda l-invjolabbilta, wieħed mill-għanijiet ta’ din il-protezzjoni huwa li jiġi żgurat li l-Parlament ikun jista’ jiltaqa’ b’mod komplut, mingħajr ma proċeduri kriminali (jew ċivili) abbużivi jew vessatorji jeskludu uħud mill-membri tiegħu mid-dibattiti (6).

7.        Attwalment, il-ġustifikazzjoni ta’ din l-immunità sikwit tiġi kkontestata. Fil-fatt, huwa sostnut li hija tikkostitwixxi anakroniżmu, relikwa ta’ żmien meta l-Parlamenti kienu esposti għal preġudizzji min-naħa tal-awtorità eżekuttiva u tal-ġustizzja li ħafna drabi kienet tibqa’ għas-servizz ta’ din tal-aħħar. Mill-banda l-oħra, fi Stat tad-dritt modern, l-indipendenza tal-qrati hija l-aħjar garanzija kontra preġudizzji inġustifikati li jheddu l-funzjonament jew il-kompożizzjoni tal-Parlament, b’tali mod li l-immunità proċedurali titlef il-loġika tagħha. Din l-immunità tikkostitwixxi, barra minn hekk, sors ta’ abbuż kif ukoll tippreġudika d-dritt fundamentali ta’ aċċess għall-ġustizzja tal-persuni leżi minn atti li l-membri parlamentari wettqu ’l barra mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (7).

8.        Ċertament hemm verità kbira f’din il-kritika.

9.        Madankollu, minn naħa, jidhirli li din turi verżjoni ottimista ħafna tal-affarijiet: it-titjib tal-Istat tad-dritt ma huwiex fuq l-istess livell kullimkien u l-iżvilupp politiku mhux dejjem imur fid-direzzjoni waħdanija tat-tisħiħ tiegħu. Barra minn hekk, minkejja li l-qrati jibqgħu fil-prinċipju indipendenti, dan ma huwiex bilfors il-każ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur (8).

10.      Min-naħa l-oħra, miżuri bħal dawk tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ rinunzja għall-immunità, il-limitazzjoni tal-firxa tagħha jew tal-portata tagħha kif ukoll il-prattika tal-Parlamenti li tikkonsisti fir-rinunzja għall-immunità bħala prinċipju, ħlief f’każ ta’ eżistenza ta’ fumus persecutionis, jippermettu li jiġi evitat l-abbuż u li l-immunità tiġi limitata għal-limiti proprji tal-irwol tagħha fil-protezzjoni tal-Parlament.

11.      Għalhekk, applikata b’mod korrett, l-immunità tad-deputati tikkostitwixxi waħda mill-garanziji tal-indipendenza tagħhom, u għalhekk, tal-indipendenza ta’ kull Parlament, inkluż il-Parlament Ewropew.

12.      Madankollu, sabiex wieħed igawdi minn din l-immunità, l-ewwel għandu jikseb il-kwalità ta’ Parlamentari. Fl-ordinament istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, il-proċess tal-akkwist ta’ din il-kwalità huwa rregolat parzjalment mid-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri u parzjalment minn dawk tad-dritt tal-Unjoni. Issa, din il-kawża tqajjem il-kwistjoni tat-tqassim tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv ta’ dawn l-ordinamenti ġuridiċi differenti. Għalhekk din għandha importanza kostituzzjonali li tmur lilhinn sew mis-sitwazzjoni personali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u tad-dibattitu politiku nazzjonali assoċjat miegħu. Huma minn dan l-angolu kostituzzjonali li nipproponi li għandhom jiġu indirizzati l-kwistjonijiet legali mqajma f’din il-kawża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

13.      Skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Priviliġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (9), anness mat-Trattati UE u FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”):

“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu għandhom igawdu:

a)      fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom,

b)      fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu”.

14.      Il-proċedura tal-elezzjoni tal-membri tal-Parlament hija rregolata mill-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976 (10), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal‑25 ta’ Ġunju 2002 u tat‑23 ta’ Settembru 2002 (11) (iktar ’il quddiem l-“Att tal-1976”). Skont l-Artikolu 5 ta’ dan l-att:

“1. Il-perijodu ta’ ħames snin li għalih jiġu eletti l-membri tal-Parlament Ewropew jibda mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni li tinżamm wara kull elezzjoni.

[…]

2.      Il-mandat ta’ kull Membru tal-Parlament Ewropew jibda u jiskadi fl-istess żmien bħall-perijodu msemmi fil-paragrafu 1” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

15.      Skont l-Artikolu 6(2) tal-imsemmi att:

“Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu l-privileġġi u l-immunitajiet applikabbli lilhom bis-saħħa tal-Protokoll tat-8 ta’ April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

16.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-imsemmi att jipprovdi:

“Suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun irregolata f’kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

17.      Skont l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976:

“Il-Parlament Ewropew jivverifika s-setgħat tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Għal dan il-għan, [huwa] jieħu nota tar-riżultati pproklamati uffiċjalment mill-Istati Membri u jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet li jistgħu eventwalment jitqajmu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi dan l-Att” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

18.      Finalment, l-Artikolu 13(1) ta’ dan l-att jipprovdi:

“Siġġu jispiċċa vojt meta l-mandat ta’ membru tal-Parlament Ewropew jispiċċa bħala riżultat tar-riżenja tiegħu, il-mewt tiegħu jew ir-revoka tal-mandat tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Id-dritt Spanjol

19.      L-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola jistabbilixxi:

“1. Id-deputati u s-senaturi jgawdu mill-invjolabbiltà [(12)] għall-opinjonijiet espressi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

2.      Matul il-mandat tagħhom, id-deputati u s-senaturi jgawdu wkoll mill-immunità u ma jistgħux jiġu arrestati ħlief f’każ li jinqabdu jwettqu reat. Huma ma jistgħux jiġu suġġetti għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-assemblea rispettiva tagħhom.

3.      Fil-proċeduri kontra deputati jew senaturi, l-awla kompetenti hija l-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja).

[…]”

20.      Il-ley orgánica 5/1985 del Régimen Electoral General (il-Liġi Organika 5/1985 dwar is-Sistema Elettorali Ġenerali) tad-19 ta’ Ġunju 1985 (13), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Elettorali”), tirregola s-sistema elettorali Spanjola. It-Titolu VI ta’ dan il-kodiċi jinkludi d-dispożizzjonijiet speċjali għall-elezzjonijiet tal-Parlament. B’mod partikolari, l-Artikolu 224(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“1.      Il-Junta Electoral Central [il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, Spanja] għandha, mhux iktar tard minn għoxrin jum wara l-elezzjonijiet, twettaq l-għadd tal-voti fuq livell nazzjonali, tagħti s-siġġijiet rispettivi lil kull wieħed mill-kandidati u tipproklama l-kandidati eletti.

2.      Fi żmien ħamest ijiem mill-proklamazzjoni tagħhom, il-kandidati eletti għandhom jaħilfu jew iwegħdu li josservaw il-Kostituzzjoni quddiem il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali. Fl-aħħar ta’ dan it-terminu, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali għandha tiddikjara vakanti s-siġġijiet mogħtija lid-deputati tal-Parlament li ma jkunux ħalfu li josservaw il-Kostituzzjoni u tiddikjara sospiżi l-prerogattivi kollha li seta’ kellhom dritt għalihom minħabba l-funzjonijiet tagħhom, sakemm jieħdu dan il-ġurament”.

21.      Skont l-Artikolu 384a tar-Real Decreto por el que se aprueba la Ley de Enjuiciamiento Criminal (id-Digriet Irjali li japprova l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”) tal-14 ta’ Settembru 1882 (14):

“Meta d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt att ta’ akkuża tkun saret definittiva u d-detenzjoni provviżorja tkun ġiet ordnata għal reat imwettaq minn persuna li tappartjeni jew li hija marbuta ma’ gruppi armati jew ma’ individwi terroristiċi jew ribelli, il-persuna li fir-rigward tagħha jkunu tressqu proċeduri kriminali li tokkupa funzjonijiet jew kariga pubblika hija awtomatikament sospiża mill-eżerċizzju tagħhom matul iż-żmien ta’ detenzjoni”.

22.      L-Artikoli 750 sa 755 ta’ dan il-kodiċi huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 750

Il-qorti jew it-tribunal li għandu motiv għall-prosekuzzjoni ta’ senatur jew deputat sedenti fil-Cortes [is-Senat jew il-Kamra tad-Deputati] minħabba reat ma għandux jiftaħ proċedura fil-konfront tiegħu matul is-sessjoni parlamentari sa fejn ma jkunx kiseb l-awtorizzazzjoni korrispondenti tal-assemblea li d-deputat jew is-senatur ikkonċernat jifforma parti minnha.

Artikolu 751

Jekk is-senatur jew id-deputat ikun inqabad iwettaq reat, huwa jista’ jiġi arrestat u jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali mingħajr l-awtorizzazzjoni msemmija fl-artikolu preċedenti; madankollu, f’ erbgħa u għoxrin siegħa mill-arrest jew mill-prosekuzzjoni kriminali, l-assemblea li minnha jifforma parti għandha tiġi informata.

L-assemblea rispettiva għandha tiġi informata wkoll b’kull proċedura miftuħa kontra dak li, minkejja li ġie mressaq għal prosekuzzjoni kriminali, jiġi elett senatur jew deputat fil-Cortes.

Artikolu 752

Jekk senatur jew deputat fil-Cortes jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali matul waqfa parlamentari, il-qorti jew it-tribunal li quddiemu titressaq il-kawża għandu jinforma immedjatament l-assemblea rispettiva dwar dan.

L-istess japplika meta senatur jew deputat elett fil-Cortes jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali qabel ma dan jiltaqa’.

Artikolu 753

Fi kwalunkwe każ, ir-reġistratur għandu jissospendi l-proċedura mill-ġurnata li fiha l-Cortes jiġi informat, kemm jekk ikun waqt perijodu ta’ sessjonijiet kif ukoll jekk le, u l-affarijiet għandhom jibqgħu f’dak l-istat sakemm l-assemblea rispettiva tiddeċiedi kif jidhirlha xieraq.

Artikolu 754

Jekk is-Senat jew il-Kamra tad-Deputati jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni mitluba, għandu jkun hemm dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tas-senatur jew deputat fil-Cortes, iżda l-proċeduri jitkomplew fil-konfront tal-persuni l-oħra li fir-rigward tagħhom ikunu tressqu proċeduri kriminali.

Artikolu 755

L-awtorizzazzjoni hija mitluba fil-forma ta’ suplicatorio, li miegħu tiġi annessa, b’mod kunfidenzjali, il-kopja awtentika tal-akkużi magħmula kontra s-senatur jew id-deputat, inkluż l-opinjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u t-talbiet partikolari suġġett tat-talba ta’ awtorizzazzjoni”.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

23.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, Oriol Junqueras Vies, kien il-Viċi-President tal-Gobierno autonómico de Cataluña (il-Gvern Awtonomu ta’ Cataluña, Spanja) fil-mument tal-adozzjoni tal-Ley 19/2017 reguladora del llamado referéndum de autodeterminación (il-Liġi 19/2017 li Tirregola r-Referendum tal-Awtodeterminazzjoni), tas-6 ta’ Settembru 2017 (15), u tal-Ley 20/2017 de transitoríedad jurídica y fundacional de la República (il-Liġi 20/2017 ta’ Tranżizzjoni Ġuridika u Kostituttiva tar-Repubblika), tat-8 ta’ Settembru 2017 (16), kif ukoll meta, fl-1 ta’ Ottubru 2017, sar ir-referendum ta’ awtodeterminazzjoni previst mill-ewwel minn dawn iż-żewġ liġijiet, li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu, fil-frattemp, ġew sospiżi skont deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali).

24.      Wara li seħħew dawn l-avvenimenti, il-Ministerio fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja), l-Abogado del Estado (l-Avukat tal-Istat, Spanja) u l-partit politiku VOX bdew proċedura kriminali kontra numru ta’ persuni, fosthom O. Junqueras Vies, fejn akkużawhom li ħadu sehem fi proċess ta’ seċessjoni u wettqu, f’dan il-kuntest, fatti li jaqgħu taħt tliet klassifikazzjonijiet kriminali, jiġifieri, l-ewwel nett, dik ta’ “ribelljoni” jew, b’mod alternattiv, ta’ “sedizzjoni”, it-tieni nett, dik ta’ “diżobbidjenza”, u t-tielet nett, dik ta’ “miżapproprjazzjoni ta’ fondi”.

25.      O. Junqueras Vies tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja matul il-fażi istruttorja ta’ din il-proċedura kriminali, skont id-deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2017. Peress li minn dakinhar din id-deċiżjoni ġiet imġedda mingħajr interruzzjoni, huwa għadu f’dentenzjoni provviżorja sa llum.

26.      Wara l-ftuħ tal-fażi ta’ prosekuzzjoni tal-proċedura kriminali mibdija kontra tiegħu, O. Junqueras Vies ippreżenta ruħu bħala kandidat għall-elezzjonijiet tal-Congreso de los Diputados (il-Kamra tad-Deputati, Spanja) li saru fit-28 ta’ April 2019. Huwa ġie elett deputat.

27.      Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Mejju 2019 (17), it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qiset li ma kienx hemm lok li titlob lill-Kamra tad-Deputati l-awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 71(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola kif ukoll fl-Artikolu 755 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, peress li l-elezzjoni ta’ O. Junqueras Vies kienet seħħet wara l-ftuħ tal-fażi ta’ prosekuzzjoni tal-proċedura kriminali mibdija kontra tiegħu. Fil-fatt, skont din il-qorti, l-immunità li tirriżulta mill-imsemmija dispożizzjoni kostituzzjonali tapplika biss fid-dawl tal-proċeduri kriminali li jkunu għadhom ma waslux fil-fażi ta’ prosekuzzjoni tad-deputat jew tas-senatur ikkonċernat.

28.      Permezz tal-istess digriet, din il-qorti, adita b’talba ta’ O. Junqueras Vies f’dan is-sens, awtorizzatu b’mod straordinarju li joħroġ mill-ħabs sabiex tippermettilu jipparteċipa, taħt sorveljanza tal-pulizija u taħt kundizzjonijiet li jiżguraw is-sigurtà tiegħu, fl-ewwel seduta plenarja tal-Kamra tad-Deputati sabiex jikkonforma ruħu, f’din l-okkażżjoni, mar-rekwiżiti meħtieġa sabiex jieħu pussess tas-siġġu tiegħu, b’mod partikolari jieħu l-ġurament, kif previst fl-Artikolu 20 tar-Regoli tal-Kamra tad-Deputati.

29.      Wara li kkonforma ruħu ma’ dawn ir-rekwiżiti, ħa pussess tas-siġġu tiegħu u ġie rritornat lura l-ħabs, O. Junqueras Vies ġie sospiż mill-funzjonijiet tiegħu ta’ deputat skont deċiżjoni tal-Bureau tal-Kamra tad-Deputati adottata fl-24 ta’ Mejju 2019, skont l-Artikolu 384a tal-Kodiċi ta’ Proċedural Kriminali.

30.      O. Junqueras Vies ippreżenta ruħu wkoll bħala kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament li saru fis-26 ta’ Mejju 2019. Huwa ġie elett membru, u dan ir-riżultat ġie pproklamat mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali f’deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2019 dwar il-“Proklamazzjoni tad-Deputati Eletti fil-Parlament Ewropew fl-Elezzjonijiet li saru fis-26 ta’ Mejju 2019” (18), skont l-Artikolu 224(1) tal-Kodiċi Elettorali.

31.      Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2019), it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet dwar talba ta’ O. Junqueras Vies intiża sabiex jingħata awtorizzazzjoni straordinarja li joħroġ mill-ħabs sabiex tippermettilu jippreżenta ruħu quddiem il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali sabiex jieħu l-ġurament li josserva l-Kostituzzjoni Spanjola impost mill-Artikolu 224(2) tal-Kodiċi Elettorali fuq il-persuni eletti membri tal-Parlament. Din il-qorti rrifjutat li tagħti l-awtorizzazzjoni mitluba.

32.      Fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali adottat deċiżjoni li permezz tagħha kkonstatat li O. Junqueras Vies ma kienx ħa l-ġurament inkwistjoni u, skont l-Artikolu 224(2) tal-Kodiċi Elettorali, iddikjarat vakanti s-siġġu tal-persuna kkonċernata fil-Parlament kif ukoll is-sospensjoni tal-prerogattivi kollha li seta’ kellu dritt għalihom minħabba l-funzjonijiet tiegħu. B’mod parallel, din il-kummissjoni kkomunikat lill-Parlament lista tad-deputati eletti fi Spanja, li fiha isem O. Junqueras Vies ma kienx inkluż.

33.      Fit-2 ta’ Lulju 2019, il-Parlament tad-disa’ leġiżlatura żamm l-ewwel laqgħa tiegħu.

34.      Fil-frattemp, O. Junqueras Vies ippreżenta, quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), rikors kontra d-Digriet tal-14 ta’ Ġunju 2019, li fil-kuntest tiegħu huwa pprevalixxa ruħu mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll.

35.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 9 tal-[Protokoll] japplika qabel il-bidu tal-‘perijodu ta’ sessjonijiet’ għal persuna akkużata b’reati serji li tkun f’detenzjoni provviżorja, ordnata b’mod ġudizzjarju għal fatti li ġraw qabel il-ftuħ ta’ proċess elettorali li fit-tmiem tiegħu l-imsemmija persuna ġiet iddikjarata eletta fil-[Parlament], iżda li ġiet irrifjutata, permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti, awtorizzazzjoni straordinarja sabiex toħroġ minn ħabs li tippermettiha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni elettorali nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8 tal-[Att tal-1976]?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, jekk il-korp maħtur mil-leġiżlazzjoni elettorali nazzjonali kien informa lill-[Parlament] li l-persuna eletta [mhux] ser tikseb il-pożizzjoni ta’ Membru tal-Parlament, minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-livell elettorali (impossibilità li tirriżulta mil-limitazzjoni tal-libertà ta’ moviment tiegħu bħala riżultat tad-detenzjoni provviżorja tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura għal reati serji), sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti, l-interpretazzjoni estensiva tat-terminu ‘perjodi tas-sessjonijiet’ tinżamm, minkejja l-interruzzjoni temporanja tal-aspettattiva tal-persuna eletta li tieħu l-pussess tas-siġġu tagħha?

3)      Jekk ir-risposta tikkonferma l-interpretazzjoni estensiva, fil-każ li l-persuna eletta tkun tinsab, ferm qabel il-ftuħ tal-proċedura elettorali, f’detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċeduri għal reati serji, l-awtorità ġudizzjarja li ordnat id-detenzjoni tkun marbuta, fid-dawl tal-frażi ‘waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-[Parlament]’ fl-Artikolu 9 tal-[Protokoll], li tneħħi d-detenzjoni b’mod assolut, kważi awtomatiku, sabiex tippermetti l-formalitajiet u l-ivvjaġġar lejn il-[Parlament], jew għandu jintuża kriterju relattiv ta’ bbilanċjar, fuq bażi ta’ każ b’każ, minn naħa, tad-drittijiet u tal-interessi li jirriżultaw mill-interess tal-ġustizzja u ta’ proċedura regolari u, min-naħa l-oħra, ta’ dawk relatati mal-istabbiliment tal-immunità, kemm fir-rigward tal-osservanza tal-funzjonament u tal-indipendenza tal-Parlament kif ukoll tad-dritt tal-persuna eletta li teżerċita kariga pubblika?”

36.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) enfasizzat li hija kienet qiegħda tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija kellha quddiemha fil-kuntest mhux tal-preparazzjoni tas-sentenza dwar il-mertu li issa kienet fil-proċess tad-deliberazzjoni fil-proċedura kriminali mibdija kontra O. Junqueras Vies, iżda ta’ incident proċedurali li joriġina fir-rikors ippreżentat mill-persuna kkonċernata kontra d-Digriet tal-14 ta’ Ġunju 2019. Hija indikat ukoll li hija kellha tagħmel dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti li tiddeċiedi fl-ewwel u l-aħħar istanza, skont l-Artikolu 71(3) tal-Kostituzzjoni Spanjola.

37.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju 2019. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn O. Junqueras Vies, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, mill-partit politiku VOX, mill-Gvern Spanjol, mill-Parlament u mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fl-14 ta’ Ottubru 2019.

38.      F’din l-istess data, il-qorti tar-rinviju tat is-sentenza Nru 459/2019 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019”), li permezz tagħha kkundannat, b’mod partikolari, lil O. Junqueras Vies għal tlettax-il sena priġunerija u telf tad-drittijiet ċivili tiegħu għal daqstant snin (inhabilitación absoluta). F’ittra indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, din il-qorti indikat li hija kienet qiegħda żżomm ir-rinviju preliminari.

 Analiżi

39.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari li jirrigwardaw, essenzjalment, il-kamp ta’ applikazzjoni personali u ratione temporis tal-immunità tal-membri tal-Parlament prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll. Madankollu mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn diversi partijiet f’din il-kawża jirriżulta li tqum kwistjoni preliminari u iktar fundamentali fil-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali: O. Junqueras Vies igawdi mill-kwalità ta’ deputat (19) fil-Parlament? Għalhekk ser nibda l-analiżi tiegħi bl-eżami ta’ din il-kwistjoni.

 Il-kwalità ta’ membru tal-Parlament

40.      L-immunità parlamentari prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll tkopri lill-membri tal-Parlament. Issa, il-partijiet fil-kawża prinċipali li ppreżentaw osservazzjonijiet, naturalment bl-eċċezzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jikkkunsidraw li dan ma kisibx, fi kwalunkwe każ b’mod sħiħ, din il-kwalità. Filfatt, huma jsostnu li skont l-Att tal-1976, il-proċedura elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament hija rregolata mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri. Għalhekk, skont dawn il-partijiet, l-obbligu li jittieħed ġurament li tiġi osservata il-Kostituzzjoni Spanjola, stabbilit għall-persuni eletti fil-Parlament fl-Artikolu 224 tal-Kodiċi Elettorali, jikkostitwixxi stadju tal-proċess elettorali fi Spanja, b’tali mod li persuna li tiġi pproklamata eletta tikseb biss il-mandat ta’ deputat tal-Parlament, bil-prerogattivi kollha li jirriżultaw minnu, inkluż l-immunità, biss meta hija tissodisfa dan l-obbligu. Huwa billi segwiet din il-loġika li l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali kkomunikat lill-Parlament lista ta’ persuni eletti li ma kinitx tinkludi isem ir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

41.      Fl-osservazzjonijiet tagħhom f’din il-kawża, il-Parlament u, essenzjalment, il-Kummissjoni, jaqblu ma’ dan ir-raġunament. Din donnha hija wkoll il-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju, esposta fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

42.      Min-naħa tiegħi, jiena ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

 Kummenti preliminari

43.      Skont l-Artikolu 14(2) TUE, il-Parlament huwa kompost minn rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dawn jiġu eletti, skont l-Artikolu 14(3) TUE b’vot dirett universali. Din l-elezzjoni hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Att tal-1976. Dan l-att jipprovdi li, bla ħsara għall-kwistjonijiet armonizzati permezz tiegħu, il-proċedura elettorali hija rregolata mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri (Artikolu 8 tal-imsemmi att). Dan ir-riferiment għad-dritt nazzjonali jirrigwarda, minbarra l-proċedura elettorali innifisha, kwistjonijiet bħad-dritt għall-vot u għall-kandidatura, il-verifika tal-validità tal-elezzjonijiet jew, in parti, l-inkompatibbiltajiet.

44.      Mill-banda l-oħra, l-istatus tad-deputati tal-Parlament, bħala rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni eletti b’vot dirett u membri ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, jista’ jkun irregolat biss mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, jekk id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri jitħalla jirregola l-istatus tad-deputati tal-Parlament dan ikollu effett mhux biss fuq l-indipendenza tal-Parlament vis-à-vis l-Istati Membri, iżda wkoll fuq l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kollu.

45.      Huwa minn dan l-angolu tal-indipendenza istituzzjonali u tal-awtonomija ġuridika li għandha tiġi evalwata l-kwistjoni tal-kisba tal-kwalità ta’ membru tal-Parlament.

 In-natura ta’ vot dirett

46.      L-ewwel nett, ir-raġunament li l-kwalità ta’ deputat tal-Parlament tinkiseb biss taħt il-kundizzjoni li jitwettqu l-formalitajiet meħtieġa mid-dritt nazzjonali, bħall-obbligu ta’ ġurament, jidhirli li jmur kontra l-idea nnifisha ta’ vot dirett universali u ta’ mandat rappreżentattiv. Fil-fatt, il-kisba ta’ tali mandat tista’ tirriżulta biss mill-vot tal-elettorat u ma tistax tkun suġġetta għat-twettiq sussegwenti ta’ xi formalità, twettiq li, kif turi din il-kawża, mhux dejjem jiddependi mill-persuna eletta biss. L-elettorat jeleġġi d-deputati u mhux “kontendenti għal deputati”. Id-deċiżjoni tiegħu espressa fil-vot ma hija suġġetta għal ebda “validazzjoni” jew “konferma”.

47.      Naturalment, il-mandat parlamentari u l-għoti tiegħu huma kkundizzjonati b’numru ta’ rekwiżiti u limiti formali: l-eliġibbiltà tal-kandidat, l-inkompatibbiltajiet u l-validità tal-elezzjoni. Madankollu, dawn huma ċirkustanzi oġġettivi dwar il-kwalità tal-persuna eletta jew tal-proċess elettorali. In-nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti jrendi l-kisba jew iż-żamma tal-mandat legalment impossibbli u jista’ jwassal għall-iskadenza prematura tiegħu.

48.      Huwa minnu wkoll li diversi sistemi parlamentari jipprovdu obbligi formali li għandhom jiġu ssodisfatti mill-Parlamentari qabel ma jibdew effettivament is-servizz tagħhom, li jirrigwardaw l-obbligu li jittieħed ġurament, li jiġu ddikjarati l-interessi finanzjarji jew affarijiet oħra. Madankollu, dawn l-obbligi japplikaw għall-Parlamentari, jiġifieri għall-persuni li diġà kisbu l-mandat. Għall-kuntrarju, dawn ma jikkundizzjonawx din il-kisba, li tista’ tirriżulta biss mill-volontà tal-poplu espressa waqt l-elezzjonijiet (20).

49.      Għalhekk, il-proklamazzjoni tar-riżultat tikkostitwixxi l-att li jittermina l-proċess elettorali u li jikkostitwixxi l-kisba tal-mandati mill-persuni eletti (21). Il-formalitajiet kollha li jiġu wara dan l-att, bl-eċċezzjoni tal-eventwali invalidazzjoni tal-elezzjonijiet, għandhom biss natura dikjaratorja u ma jistgħux jikkundizzjonaw il-kisba tal-mandat.

50.      Għalhekk nista’ naċċetta li, skont id-dritt Spanjol, l-obbligu ta’ ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola, li fir-rigward tad-deputati tal-Parlament eletti fi Spanja huwa previst fl-Artikolu 224 tal-Kodiċi Elettorali, jista’ jikkundizzjona l-bidu effettiv tas-servizz minn dawn id-deputati (22). Mill-banda l-oħra, dan ma jistax jikkundizzjona l-kisba minnhom tal-kwalità ta’ membru tal-Parlament u tal-prerogattivi li jirriżultaw minn din il-kwalità, b’mod partikolari l-immunità. Ir-raġuament li jipprovdi li l-kwalità ta’ deputat, u għalhekk l-immunità li tirriżulta minnha, tappartjeni biss lil dak li, b’kull trankwillità, jibda l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet tiegħu, iwassal għal ċirku vizzjuż: il-persuna eletta ma tistax tipprevalixxi ruħha mill-immunità tagħha, għaliex hija ma għandhiex il-kwalità ta’ deputat, iżda, fin-nuqqas ta’ din l-immunità, hija tkun prekluża milli twettaq l-obbligu li jippermettilha tikseb din il-kwalità u l-immunità li tirriżulta minnha. Għalhekk, il-preklużjoni ta’ persuna eletta regolarment għal funzjoni pubblika milli tieħu l-ġurament meħtieġ sabiex tibda dan is-servizz huwa metodu perfett sabiex din il-persuna tiġi mċaħħda mill-funzjoni inkwistjoni minkejja l-volontà ta’ dawk li għandhom il-kompetenza legali li jeleġġuha.

51.      Huwa minnu li, skont l-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, il-proċedura ta’ verifika tas-setgħat tad-deputati hija bbażata fuq il-komunikazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-ismijiet tal-persuni eletti. Loġikament, il-Parlament għandu jiġi informat uffiċjalment bir-riżultat tal-elezzjonijiet, għaliex ma jistax ikun obbligat ifittex il-ġurnali uffiċjali ta’ kull Stat Membru sabiex jikseb din l-informazzjoni. Madankollu, din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi biss att tekniku li, għall-kuntrarju ta’ dak li tippretendi b’mod partikolari l-Kummissjoni, ma jistax jikkostitwixxi l-kisba tal-mandat. Barra minn hekk, huwa preżunt li din il-komunikazzjoni tirrifletti fedelment ir-riżultat tal-elezzjonijiet, għaliex, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, il-verifika tas-setgħat hija bbażata “fuq in-notifika uffiċjali tar-riżultati sħaħ tal-elezzjoni min-naħa ta’ kull Stat Membru. Fin-notifika għandhom ikunu speċifikati l-ismijiet tal-kandidati eletti”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, sabiex jivverifika s-setgħat tal-membri tiegħu, il-Parlament għandu jieħu nota “tar-riżultati pproklamati uffiċjalment mill-Istati Membri” (23). Madankollu, l-Att tal-1976, bħala att normattiv, jipprevali fuq ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament (24).

 Il-konformità mal-Att tal-1976

52.      It-tieni nett, il-konsegwenza, skont id-dritt Spanjol, marbuta man-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ ġurament li tiġi osservata il-Kostituzzjoni Spanjola, jiġifieri d-dikjarazzjoni li l-mandat huwa vakanti (temporanjament) u s-sospensjoni tal-prerogattivi li jirriżultaw minnu sat-twettiq tal-obbligu li jittieħed dan il-ġurament, hija fil-fehma tiegħi inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att tal-1976.

53.      Fil-fatt, minkejja li dan l-att jagħti lill-Istati Membri d-dmir li jipproċedu bl-elezzjoni tad-deputati tal-Parlament, dan ma jippermettilhomx li jittrasferixxu b’mod liberu l-mandat tagħhom. L-Istati Membri għandhom ċertament il-kompetenza, qabel kollox, li jivverifikaw il-validità tal-elezzjonijiet. Dan jidhirli li huwa loġiku, għaliex huma l-Istati Membri li jassumu r-responsabbiltà li jsir skrutinju. F’każ ta’ konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-elezzjonijiet, u għalhekk ir-riżultat tagħhom, jistgħu jiġu annullati, li jwassal fil-prinċipju għal vot ġdid. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jikkonstataw ir-revoka tal-mandat ta’ deputat tal-Parlament. Din ir-revoka tista’ tkun ikkawżata, b’mod partikolari, mit-telf ta’ eliġibbiltà tad-deputat jew anki f’każ ta’ inkompatibbiltà mal-mandat ta’ deputat tal-Parlament.

54.      Madankollu, ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma seħħet f’dan il-każ, tal-inqas sas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019. Fil-fatt, in-nuqqas mir-rikorrent fil-kawża prinċipali li jwettaq l-obbligu tal-ġurament meħtieġ ma jwassalx għar-revoka tal-mandat tiegħu, iżda biss, skont il-kliem tal-qorti tar-rinviju stess, għal “posponiment temporanju [tal-kisba effettiva tiegħu], sakemm, skont l-eventwali eżitu tal-proċedura, l-ostakoli għall-kisba tal-kwalità ta’ deputat jitneħħew”. Madankollu, la l-Att tal-1976 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jagħtu kompetenza lill-Istati Membri li jissospendu (temporanjament), għal perijodu indefinit li potenzjalment jista’ jestendi għal-leġiżlatura kollha, il-mandat ta’ deputat tal-Parlament.

 Id-dritt nazzjonali

55.      It-tielet nett, id-dikjarazzjoni li l-obbligu li jittieħed ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola, previst fl-Artikolu 224 tal-Kodiċi Elettorali, jikkostitwixxi element tal-proċess elettorali, jidhirli li lanqas tirriżulta mid-dritt Spanjol stess.

56.      Fil-fatt, dan l-obbligu huwa previst fl-Artikolu 108(8) tal-Kodiċi Elettorali, għal kull persuna eletta. Madankollu, skont dan l-artikolu, l-obbligu inkwistjoni huwa meħtieġ “fil-mument li jieħu pussess tas-siġġu u sabiex jikseb ir-responsabbiltà tiegħu b’mod sħiħ”. Għalhekk, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni tal-Gvern Spanjol waqt is-seduta, mill-imsemmi artikolu ma jirriżultax li l-obbligu inkwistjoni jikkundizzjona l-kisba tal-mandat.

57.      Din il-konklużjoni hija kkonfermata, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-persuni eletti fil-Cortes générales (il-Parlament Spanjol). L-obbligu inkwistjoni huwa rregolat fir-regoli ta’ proċedura ta’ kull Kamra tal-Parlament Spanjol. Il-ġurament jittieħed quddiem il-Kamra rispettiva ta’ kull membru ta’ dan il-parlament, fil-prinċipju waqt l-ewwel sessjoni plenarja tagħha. Madankollu, il-membri għandhom tliet sessjonijiet plenarji sabiex fihom jissodisfaw dan l-obbligu qabel tingħata s-sanzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ mandat vakanti.

58.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, din huwa b’mod ċar formalità imposta fuq il-membri tal-Parlament Spanjol, li huma l-uniċi kkonċernati mid-dispożizzjonijiet tar-regoli ta’ proċedura u jistgħu jipparteċipaw fis-sessjonijiet plenarji tal-Kmamar. Minkejja li din il-formalità tista’ tikkundizzjona l-eżerċizzju effettiv tal-mandat, hija bl-ebda mod ma tikkundizzjona l-kisba tiegħu, illi tirriżulta biss mir-riżultat tal-elezzjonijiet.

59.      Dan huwa kkonfermat espressament mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), li fir-rigward tal-obbligu li jittieħed ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola, iddikjarat li “[l]-eventwali nuqqas ta’ twettiq tiegħu ma jċaħħadx mill-kwalità ta’ deputat jew senatur, għaliex din tirriżulta biss mill-elezzjoni mill-poplu, iżda biss mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet rispettivi ta’ tali kwalità” (25). Għalhekk dan jirrigwarda l-eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari, mhux il-kisba tal-mandat.

60.      Madankollu, minkejja li dan huwa l-każ għall-membri tal-Parlament Spanjol, jiena ma narax kif dan jista’ japplika wkoll għad-deputati tal-Parlament. Fil-fatt, obbligu formali impost fuq deputat (jew senatur) u li jikkundizzjona l-bidu effettiv tas-servizzi tiegħu, jiġifieri dak li jieħu ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola, ma jistax f’daqqa waħda jibdel in-natura tiegħu u jsir element neċessarju tal-proċess elettorali ta’ importanza kostituttiva għall-kisba tal-mandat ta’ deputat tal-Parlament.

 L-inugwaljanza fit-trattament tad-deputati tal-Parlament meta mqabbla mad-deputati nazzjonali

61.      Fir-raba’ u l-aħħar nett, sabiex ngħaddi għad-domandi marbuta direttament mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, għandu jiġi rrilevat li t-teżi li t-twettiq tal-obbligu li jittieħed ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola jikkundizzjona l-kisba tal-mandat tad-deputati tal-Parlament eletti fi Spanja tqiegħed lil dawn id-deputati, kif ukoll lill-Parlament stess, f’pożizzjoni ferm inqas vantaġġjuża mill-Parlament Spanjol u l-membri tiegħu għal dak li jirrigwarda t-tgawdija tal-immunità parlamentari u l-kompetenza li jirrinunzja jew jiddefendi din l-immunità.

62.      Fil-fatt, il-membri tal-Parlament jieħdu dan il-ġurament quddiem il-Kmamar rispettivi tagħhom, fil-prinċipju waqt l-ewwel seduta plenarja li jattendu għaliha. Dan l-obbligu huwa rregolat mir-regoli ta’ proċedura ta’ kull Kamra. Għalhekk dan jirrigwarda proċedura interna tal-Kamra kkonċernata, li fiha ma tintervjeni ebda istituzzjoni terza. Barra minn hekk, kif diġà nnotajt, dan l-obbligu huwa kundizzjoni mhux għall-kisba tal-kwalità ta’ Parlamentari, iżda biss għall-eżerċizzju sħiħ ta’ din il-kwalità. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, għal dak li jirrigwarda l-Kamra tad-Deputati, is-sanzjoni li tikkonsisti fis-sospensjoni tal-prerogattivi tad-deputat isseħħ biss wara li jkunu saru tliet laqgħat plenarji u l-obbligu inkwistjoni jkun għadu ma ġiex issodisfatt (26). Lanqas ma huwa ċert li din is-sospensjoni tirrigwarda wkoll l-immunità parlamentari (27).

63.      Mill-banda l-oħra, fil-każ tal-membri tal-Parlament, l-obbligu tal-ġurament jitwettaq quddiem il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, korp barrani għall-Parlament, mingħajr ma dan għandu ebda setgħa fuqu. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu minn deputat Ewropew (jew mill-“kandidat elett” skont it-termini tal-Artikolu 224 tal-Kodiċi Elettorali), inkluż minħabba raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu, jirriżulta immedjatament u awtomatikament fid-dikjarazzjoni li l-mandat tiegħu huwa vakanti, b’tali mod li ismu lanqas ma jiġi kkomunikat lill-Parlament flimkien ma’ dak tal-persuni eletti u li, kif ġie allegat, ma jkunx kopert mill-immunità parlamentari.

64.      Madankollu, skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, il-membri tal-Parlament igawdu, fit-territorju nazzjonali, “[mil]l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom” u, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, il-Parlament għandu l-kompetenza li jirrinunzja għal din l-immunità. Madankollu, jien ma narax kif din l-immunità tista’ tiġi kkunsidrata li hija l-istess immunità mogħtija lill-Parlamentari nazzjonali jekk il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kwalità ta’ Parlamentari, qabel ir-rikonoxximent tal-immunità, ma humiex ekwivalenti.

 Konklużjoni u kummenti finali

65.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-partijiet imsemmija fil-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-obbligu ta’ ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola ma jikkostitwixxix stadju tal-proċess ta’ elezzjoni tal-Parlament Ewropew fi Spanja, peress li dan il-proċess għandu jkun ikkunsidrat magħluq mal-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati. Għalhekk, il-kwalità ta’ membru tal-Parlament għandha titqies miksuba b’dan is-sempliċi fatt u mill-mument ta’ din il-proklamazzjoni.

66.      Barra minn hekk, skont l-informazzjoni inkluża fit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie sospiż mill-funzjonijiet elettorali nazzjonali tiegħu (dawk ta’ deputat fil-Parlament Reġjonali ta’ Cataluña u l-Kamra Inferjuri tal-Parlament Spanjol) skont l-Artikolu 384a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

67.      Għal darba oħra, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, jidhirli li huwa ċar li tali miżura ta’ sospensjoni ma tistax tirrigwarda lir-rikorrent fil-kawża prinċipali bħala membru tal-Parlament. Huwa ċertament minnu li d-deputati tal-Parlament jiġu eletti fl-Istati Membri, skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom, armonizzat fuq ċertu numru ta’ punti permezz tal-Att tal-1976. Huwa għall-finijiet ta’ din l-elezzjoni li t-Trattat iqassam is-siġġijiet tal-Parlament fost l-Istati Membri skont ir-regola ta’ “proporzjonalità digressiva” (it-tielet sentenza tal-Artikolu 14(2) TUE). Huwa wkoll għal din ir-raġuni li l-Istati Membri japplikaw, minbarra d-dispożizzjonijiet purament proċedurali, ir-regoli rispettivi tagħhom għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-eliġibbiltà. Dawn jistgħu japplikaw ukoll għall-membri tal-Parlament eletti fit-territorji rispettivi tagħhom ir-regoli tagħhom dwar l-inkompatibbiltajiet, minbarra l-lista ta’ inkompatibbiltajiet li tinsab fl-Artikolu 7 tal-Att tal-1976. Huwa wkoll naturali li jkun id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri li jirregola l-verifika tal-validità tal-elezzjonijiet.

68.      Ladarba eletti, il-membri tal-Parlament jkollhom madankollu mandat irregolat mid-dritt tal-Unjoni li l-Istati Membri la jistgħu jirrevokaw u lanqas jillimitaw mingħajr awtorizzazzjoni espressa li tirriżulta minn dan id-dritt. L-unika ċirkustanza li fiha l-mandat ta’ membru tal-Parlament jiskadi qabel it-terminu normali tiegħu, apparti l-każijiet ta’ riżenja jew ta’ mewt, hija r-revoka tal-mandat (Artikolu 13(1) tal-Att tal-1976). Din ir-revoka tista’ tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li fih jkun ġie elett id-deputat inkwistjoni. Dan huwa naturali, peress li r-revoka tal-mandat parlamentari Ewropew isseħħ normalment jew minħabba t-telf ta’ eliġibbiltà tal-persuna kkonċernata, jew minħabba inkompatibbiltà, liema żewġ elementi huma rregolati, fir-rigward tat-tieni element parzjalment, mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

69.      Mill-banda l-oħra, l-Att tal-1976 ma jippermettix li Stat Membru jissospendi l-mandat ta’ membru tal-Parlament u lanqas il-prerogattivi li jirriżultaw minnu, kemm jekk dan il-membru jkun ġie elett f’dan l-Istat Membru jew f’ieħor (28), għal liema raġuni tkun. Bla ħsara għal każijiet ta’ skadenza tal-mandat previsti fl-Artikolu 13(1) tal-Att tal-1976, membru tal-Parlament iżomm din il-kwalità matul it-tul normali kollu tal-mandat tiegħu.

70.      Sabiex nikkonkludi din il-parti, jiena nikkunsidra li persuna li l-elezzjoni tagħha fil-Parlament ġiet uffiċjalment ipproklamata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih seħħet din l-elezzjoni jikseb minn dan is-sempliċi fatt u minn dan il-mument il-kwalità ta’ membru tal-Parlament, minkejja kull formalità sussegwenti li din il-persuna jkollha l-obbligu li twettaq, kemm skont id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni. Tali persuna żżomm din il-kwalità sal-aħħar tal-mandat tagħha, bla ħsara għal każijiet ta’ skadenza tiegħu msemmija fl-Artikolu 13(1) tal-Att tal-1976.

 L-immunità tal-membri tal-Parlament

71.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. B’mod iktar speċifiku, l-ewwel u t-tieni domandi jirrigwardaw l-applikabbiltà ratione temporis u personali tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll. It-tielet domanda tirrigwarda l-applikabbiltà u l-portata tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll.

 Kummenti preliminari

72.      L-immunità parlamentari tal-membri tal-Parlament hija prevista fl-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll.

73.      L-Artikolu 8 tal-Protokoll jistabbilixxi l-irresponsabbiltà ta’ dawn il-membri fir-rigward tal-opinjonijiet u l-voti meħuda minnhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (immunità sostantiva). Huwa evidenti li dan l-artikolu ma japplikax f’din il-kawża.

74.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 9 tal-Protokoll jistabbilixxi l-invjolabbiltà tal-membri tal-Parlament (immunità proċedurali). Skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, dawn il-membri jgawdu, fit-territorju nazzjonali tagħhom, immunitajiet irrikonoxxuti lill-membri tal-Parlament tal-pajjiż tagħhom (29). Hija din id-dispożizzjoni li hija s-suġġett tal-ewwel żewġ domandi preliminari. Fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, l-imsemmija membri jgawdu, skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, mill-“immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali”. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 ta-imsemmi protokoll, l-immunità tkopri wkoll lill-membri tal-Parlament waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament. Din id-dispożizzjoni hija s-suġġett tat-tielet domanda preliminari. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, l-immunità prevista f’dan l-artikolu, kemm fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tiegħu, kif ukoll fit-tieni paragrafu, tista’ tiġi rrinunzjata mill-Parlament. Din il-kompetenza hija esklużiva mill-kompetenza ta’ kull istituzzjoni oħra, nazzjonali jew tal-Unjoni.

75.      It-test tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 attwali tal-Protokoll baqa’ prattikament l-istess sa mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar tal-1951. Jiena naqbel mal-opinjoni tad-dottrina li r-rinviju għad-dritt nazzjonali għal dak li jirrigwara l-immunità tad-deputati tal-Parlament fl-Istati Membri rispettivi tagħhom huwa relikwa taż-żmien meta l-membri tal-Assemblea kienu wkoll membri tal-parlamenti nazzjonali. Dakinhar kienu diġà jgawdu mill-immunità skont id-dritt nazzjonali u għalhekk kien superfluwu li tiżdied it-tieni immunità. Din is-soluzzjoni ilha anakroniżmu sa mill-elezzjoni tal-membri tal-Parlament b’vot dirett u saret iktar wara l-projbizzjoni li jiġu magħquda ż-żewġ mandati. Barra minn hekk hija kkritikata b’mod qawwi fiha nnifisha u bħala sors ta’ inugwaljanza fit-trattament (30).

76.      Għandu jiġi nnotat li l-proposti tal-Parlament għall-unifikazzjoni tal-immunità parlamentari ma rnexxewx (31).

77.      Madankollu, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll għandu jiġi interpretat b’mod li jippreżerva l-koerenza u l-unità tal-istatus tal-membri tal-Parlament.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari: it-tul tal-protezzjoni tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll

78.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, l-immunità li hija prevista tapplika “[w]aqt is-sessjonijiet tal-Parlament”. Din is-sessjoni tirrigwarda kemm l-immunità li tirriżulta mid-dritt nazzjonali (imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll), kif ukoll l-immunità “Ewropea” (imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll). Fil-fatt, minkejja li l-kontenut sostantiv tal-immunità li tirriżulta mid-dritt nazzjonali jiddependi fuq dan id-dritt, it-tul tal-protezzjoni huwa madankollu rregolat mid-dritt tal-Unjoni b’mod ugwali għad-deputati kollha tal-Parlament. Minħabba d-disparità tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-portata ratione temporis tal-kopertura bl-immunità parlamentari, kull interpretazzjoni oħra twassal għat-tkabbir tal-inugwaljanza fit-trattament tad-deputati fil-Parlament skont l-Istat Membru li fih ikunu ġew eletti. Il-kunċett ta’ “sessjonijiet” tal-Parlament għandu għalhekk jiġi interpretat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (32).

79.      Skont l-Artikolu 229 TFUE, il-Parlament għandu jżomm sessjoni annwali. L-ewwel sessjoni tal-Parlament ġdid elett tibda l-ewwel Tlieta ta’ wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahar mit-tmiem tal-perijodu elettorali (Artikolu 11(3) tal-Att tal-1976) (33). L-istabbiliment tat-tmiem tas-sessjonijiet annwali tħalla lill-Parlament bħala miżura ta’ organizzazzjoni interna. Skont il-prattika attwali, is-sessjoni tikkorrispondi għall-perijodu ta’ sena, b’tali mod li l-Parlament jibqa’ f’sessjoni permanenti (34). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-kunċett ta’ “sessjonijiet” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll ikopri dan il-perijodu kollu, irrispettivament mill-fatt jekk il-Parlament jiltaqax effettivament jew le (35).

80.      Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, kif magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandha tkun li t-tul tas-sessjonijiet tal-Parlament, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, jibda mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament ġdid elett, jiġifieri fid-data msemmija fl-Artikolu 11(3) tal-Att tal-1976. Fl-istess data tibda l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni tal-Protokoll.

 Fuq it-tieni domanda preliminari: l-applikazzjoni personali tal-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll

81.      It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-punt dwar jekk l-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll tapplikax ukoll għal persuna li ġiet eletta deputat tal-Parlament, iżda li ma setgħetx tibda s-servizz tagħha minħabba li ma ssodisfatx l-obbligu li tieħu ġurament previst fid-dritt Spanjol.

82.      Kif diġà indikajt fl-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, persuna li ssib ruħha fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata bħala li kisbet il-mandat parlamentari, u għalhekk, il-kwalità ta’ membru tal-Parlament. Din il-persuna tista’ għalhekk tgawdi mill-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. Madankollu għandu jiġi ddeterminat il-mument li fih tali deputat jibda jgawdi minn din l-immunità.

83.      L-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll tkopri lill-membri tal-Parlament, fil-prinċipju, sa mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament ġdid elett. Fl-istess mument jibda għaddej il-mandat ta’ dawn id-deputati (Artikolu 5(2) tal-Att tal-1976). Peress li l-Parlament jinsab f’sessjoni permanenti, it-tul tal-kopertura mill-immunità inkwistjoni jikkorrispondi mat-tul tal-mandat.

84.      Skont l-Artikolu 5(2) tal-Att tal-1976, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dak l-att, il-mandat ta’ “kull” deputat tal-Parlament jibda mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet (36). La din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ma jissuġġettaw il-bidu tal-mandat għall-attendenza effettiva tad-deputat Ewropew għall-ewwel laqgħa tal-Parlament ġdid elett, għall-bidu effettiv tas-servizz tiegħu b’mod ġenerali jew għal xi ċirkustanza oħra. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-mandat ta’ deputat Ewropew li ma jkunx beda s-servizz tiegħu effettivament minħabba nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-formalitajiet kollha meħtieġa mid-dritt nazzjonali, jibda wkoll mal-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament ġdid elett. Sa mill-istess mument, dan id-deputat huwa għalhekk kopert mill-immunità parlamentari prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.

 Fuq it-tielet domanda preliminari: it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll

85.      It-tielet domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.

86.      Skont din id-dispożizzjoni, id-deputati tal-Parlament huma koperti mill-immunità parlamentari wkoll waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament. Qabel kollox, huwa importanti li tiġi speċifikata n-natura eżatta ta’ din l-immunità.

87.      Id-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex espliċita f’dan ir-rigward: din tirrigwarda “l-immunità” fil-qosor. Jiena tal-opinjoni li din il-kelma għandha tinftiehem bħala riferiment għall-immunità prevista fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. Għalhekk, id-deputat li jivvjaġġa lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament huwa kopert, fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu, mill-immunità rrikonoxxuta lill-membri tal-Parlament ta’ dan l-Istat Membru.

88.      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, li jirrigwarda b’mod partikolar ir-rinunzja għall-immunità tad-deputati Ewropej, juża wkoll il-kelma “immunità”, mingħajr ebda speċifikazzjoni oħra. Madankollu, ma huwiex ikkontestat li hemmhekk din tirrigwarda l-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll.

89.      Għal dak li jirrigwarda l-estensjoni ratione temporis tal-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tosserva li din tista’ tapplika lilhinn mill-perijodu li matulu l-Parlament ikun waqt sessjoni, jiġifieri wara l-għeluq tiegħu (37).

90.      Jiena ma narax raġunijiet li għalihom din l-immunità ma tistax tapplika wkoll qabel l-imsemmi perijodu, inkluż qabel il-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet. Jidhirli li dan huwa wkoll loġiku, peress li d-deputati għandhom jaslu fil-post tal-laqgħat tal-Parlament qabel il-bidu ta’ dawn il-laqgħat.

91.      Għal dak li jirrigwarda t-teżi sostnuta mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u rrepetuta waqt is-seduta, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll kien rilevanti biss fil-passat, meta il-Parlament ma kienx ikun f’sessjoni permanenti, u ilu skadut minn dakinhar, jiena ma naqbilx magħha. It-test qiegħed hemm u għandu jiġi interpretat b’riferiment mhux għal funzjonijiet ipotetiċi li kien jitgawdew f’kuntest normattiv preċedenti, iżda fid-dawl taċ-ċirkustanzi attwali. Jekk tiġi segwita l-loġika tal-Kummissjoni, wieħed ikun jista’ jiddikjara wkoll skadut ir-rinviju għad-dritt nazzjonali li jinsab fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.

92.      Huwa minnu li dan ifisser li l-immunità tapplika anki qabel ma’ jibda l-mandat tad-deputati. Madankollu, jiena ma nara xejn xokkanti f’dan. Fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, ma huwiex eċċezzjonali li l-immunità tapplika sa mill-proklamazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet, minkejja li l-mandat, jew l-eżerċizzju tiegħu, jibda formalment f’data sussegwenti (38). Din is-soluzzjoni hija perfettament konformi mal-għan tal-invjolabbiltà parlamentari, li huwa li jiġi żgurat li l-Parlament ikun jista’ jibda l-ħidma tiegħu b’mod sħiħ. Madankollu, kif tirrikonoxxi l-qorti tar-rinviju stess, dan l-għan jista’ jiġi mhedded jekk, ladarba jsiru magħrufa l-ismijiet tad-deputati eletti, dawn ma jkunux koperti mill-immunità.

93.      Jifdal li jiġu interpretati l-kliem “waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn [il]-post fejn jiltaqa’ l-Parlament”. Skont interpretazzjoni strettament litterali, din tirrigwarda biss il-mument fejn id-deputat jiċċaqlaq lejn il-post fejn jiltaqa’ l-Parlament. Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni riduttiva ċċaħħad id-dispożizzjoni inkwistjoni minn kull utilità.

94.      Fil-fatt, l-iktar importanti ma huwiex li d-deputat ma jiġix arrestat waqt iċ-ċaqliq tiegħu lejn il-post fejn jiltaqa’ l-Parlament, iżda li jkun jista’ jwettaq, b’mod utli, dan iċ-ċaqliq, jiġifieri li jkun jista’ jwettaq, bil-libertà kollha, l-istadji neċessarji għall-bidu effettiv tas-servizz tiegħu kif ukoll iċ-ċaqliq tiegħu lejn dan il-post fejn jiltaqa’. Huwa b’hekk li l-kopertura tad-deputati tal-Parlament bl-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll tkun kompluta u tieħu l-effett utli kollu tagħha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-immunità, li hija l-protezzjoni tal-funzjonament u tal-indipendenza tal-Parlament, ma teħtieġx li, qabel ma jibdew is-sessjonijiet tiegħu, il-membri tiegħu jkunu protetti kontra kull miżura li tista’ twassal għal prosekuzzjoni kriminali. Mill-banda l-oħra, din il-funzjoni teħtieġ li ma jiġux preklużi milli jibdew is-servizzi tagħhom fil-mument li fih jibdew dawn is-sessjonijiet.

95.      Għal dak li jirrigwarda l-Istat Membru li fih id-deputat inkwistjoni jkun ġie elett, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom għalhekk l-obbligu li jastjenu minn kull miżura li tista’ tostakola dawn l-istadji u li jissospendu l-miżuri diġà fis-seħħ, sakemm ma jkunux kisbu r-rinunzja għall-immunità mill-Parlament. Ċertament, peress li l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll jirreferi, għal dak li jirrigwarda l-kontenut sostantiv tal-immunità, għad-dritt nazzjonali, dan l-obbligu japplika biss għall-miżuri kkonċernati mill-immunità parlamentari skont l-imsemmi dritt nazzjonali.

 Fuq il-konsegwenzi tas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019

96.      Infakkar li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontestazzjoni tar-rifjut, mill-qorti tar-rinviju, li tagħti lir-rikorrent fil-kawża prinċipali l-awtorizzazzjoni li joħroġ mill-ħabs sabiex jieħu l-ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola, obbligu meħtieġ sabiex ikun jista’ jibda l-eżerċizzju effettiv tal-mandat ta’ deputat tal-Parlament.

97.      L-għoti, fl-istess ġurnata tas-seduta f’din il-kawża, tas-sentenza ta’ kundanna definittiva tar-rikorrent fil-kawża prinċipali qiegħdet inkwistjoni l-għan innifsu ta’ din il-proċedura u, konsegwentement, dak tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

98.      Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju żammet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari billi indikat li “r-risposta tal-[Qorti tal-Ġustizzja] hija neċessarja irrispettivament mill-fatt li O. [Junqueras Vies] jinsab taħt detenzjoni provviżorja jew wara kundanna”.

99.      Madankollu, il-problema tinsab mhux fil-bażi tad-detenzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, iżda fil-piena aċċessorja ta’ telf tad-drittijiet ċivili tiegħu, li għaliha huwa ġie kkundannat ukoll. Skont l-informazzjoni disponibbli, din il-piena twassal, b’mod partikolari, għat-telf definittiv ta’ kull kariga pubblika, inkluż elettiva, kif ukoll dik tal-eliġibbiltà (dritt elettorali passiv) (39). Issa peress li l-eliġibbiltà għall-mandat ta’ deputat tal-Parlament, bħala element tal-leġiżlazzjoni elettorali, jiddependi fuq id-dritt nazzjonali (40), iċ-ċaħda ta’ din l-eliġibbiltà tirrigwarda wkoll dik tal-Parlament. Għalhekk, din twassal għar-revoka tal-mandat fis-sens tal-Artikolu 13 tal-Att tal-1976.

100. Għalhekk, sa fejn is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019 twassal għar-revoka tal-mandat tar-rikorrent fil-kawża prinċipali (41), jiena ma nara ebda sens fl-eżami tal-punt dwar jekk kienx hemmx lok li jingħata l-awtorizzazzjoni inkwistjoni, peress li, fi kwalunkwe każ, l-obbligu tiegħu tal-ġurament skada.

101. Għalhekk għandi dubji għal dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari f’din il-kawża. Huwa minnu li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 100(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tibqa’ adita b’talba għal deċiżjoni preliminari sakemm ma tiġix irtirata mill-qorti li tkun adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, skont l-Artikolu 100(2) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull waqt, tikkonstata li l-kundizzjonijiet tal-kompetenza tagħha ma għandhomx issodisfatti. Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza tirrispondi għad-domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tilwim reali u eżistenti quddiem il-qrati tal-Istati Membri. Għalhekk, meta l-kawża prinċipali titlef l-attwalità tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tibqax kompetenti, għaliex ir-risposta tagħha tikseb natura ipotetika.

102. Is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019, meħuda flimkien mal-portata tad-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, għandha il-konsegwenza li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, minkejja li kien elett deputat fil-Parlament u, kif esponejt f’dawn il-konklużjonijiet, kiseb din il-kwalità, mingħajr madankollu ma seta’ jibda l-eżerċizzju effettiv tal-mandat tiegħu, kien ikkundannat kriminalment, mingħajr ma l-Parlament kellu l-okkażjoni li jiddeċiedi dwar ir-rinunzja jew dwar l-eventwali difiża tal-immunità parlamentari tiegħu.

103. Skont interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, kollox huwa regolari. Fl-Istat Membru tiegħu, id-deputat tal-Parlament igawdi mill-immunità kif prevista fid-dritt nazzjonali, u din tista’ tiġi interpretata biss mill-qrati nazzjonali.

104. Madankollu, kif diġà osservajt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll ma nbidlitx wara t-Trattat KEFA u l-Protokoll Nru 7 tiegħu. Madankollu, apparti dan il-protokoll, kollox inbidel fil-kuntest normattiv.

105. Minn sempliċi assemblea konsultattiva u ta’ kontroll, il-Parlament sar l-organu leġiżlattiv u politiku prinċipali tal-Unjoni, li jiżgura l-leġittimazzjoni demokratika tagħha. Huwa kompost minn rappreżentanti mhux iktar tal-popli fl-Istati Membri, iżda taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dawn ir-rappreżentanti ma għandhomx delegati tal-parlamenti nazzjonali, iżda eletti b’vot dirett universali. Il-projbizzjoni ta’ mandat doppju jsaħħaħ l-indipendenza tal-Parlament fil-konfront tal-parlamenti nazzjonali.

106. Barra minn hekk, id-dritt elettorali ġie mgħolli għal-livell ta’ dritt fundamentali fl-Artikolu 39(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-Artikolu 39(2) tal-Karta, li jipprovdi li “[l]-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti b’vot dirett universali li hu liberu u sigriet”, jikkostitwixxi “l-espressjoni fil-Karta tad-dritt tal-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew” (42). Ladarba l-Artikolu 39(2) tal-Karta jipproteġi d-dritt elettorali attiv taċ-ċittadini tal-Unjoni (dritt tal-vot), huwa għandu neċessarjament jipproteġi wkoll id-dritt elettorali passiv tagħhom, fi kliem ieħor id-dritt ta’ kandidatura u li jiġu eletti. Fil-fatt, id-dritt tal-vot dirett u liberu ma jkollu ebda valur mingħajr id-dritt tal-kandidati li jippreżentaw ruħhom b’mod liberu għall-elezzjonijiet u, imbagħad, ladarba eletti, jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, filwaqt li jgawdu, jekk ikun il-każ, mill-protezzjoni mogħtija mill-immunità parlamentari.

107. Fid-dawl ta’ dan it-tibdil, ir-riżultat li joħroġ mill-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 9 tal-Protokoll ma tantx huwa sodisfaċenti. Għalhekk wieħed għandu jistaqsi jekk l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandhiex tibqa’ ffriżata fiż-żmien tal-faħam u tal-azzar jew jekk għandhiex issegwi l-iżvilupp tas-sitwazzjoninormattiva u istituzzjonali.

108. Mingħajr ma tikkontesta r-riferiment għad-dritt nazzjonali inkluż fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, din l-interpretazzjoni tista’ tenfasizza l-kompetenza tal-Parlament fil-qasam tal-immunità tal-membri tiegħu. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għar-regoli nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-kontenut sostantiv tal-immunità, iżda tħalli lill-Parlament is-setgħa li japplika dawn ir-regoli. Għalhekk, jidhirli li huwa naturali li, mill-mument li fih id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirrikonoxxi l-immunità lill-Parlamentari, ma tkunx il-qorti nazzjonali kompetenti li tevalwa l-opportunità li titlob ir-rinunzja tagħha, iżda l-Parlament li jiddeċiedi dwar l-opportunità li jirrinunzja jew jiddefendi din l-immunità.

 Kummenti finali

109. Fit-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tindirizza wkoll il-kwistjoni tal-ibbilanċjar tal-interessi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar eventwali awtorizzazzjoni ta’ ħruġ mill-ħabs tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Madankollu, din il-kwistjoni ma għadx għandha skop minħabba l-għoti tas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019. L-unika kwistjoni li tibqa’ rilevanti hija dik dwar jekk, fil-mument tal-għoti ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kienx kopert mill-immunità bħala membru tal-Parlament.

 Konklużjoni

110. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja):

1)      Persuna li l-elezzjoni tagħha fil-Parlament Ewropew kienet uffiċjalment ipproklamata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih saret din l-elezzjoni tikseb minn dan is-sempliċi fatt u minn dan il-mument il-kwalità ta’ membru tal-Parlament, minkejja kull formalità sussegwenti li din il-persuna jkollha l-obbligu tissodisfa, kemm skont id-dritt tal-Unjoni kif ukoll skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni. Hija żżomm din il-kwalità sat-tmiem tal-mandat tagħha, bla ħsara għall-każijiet ta’ skadenza tiegħu msemmija fl-Artikolu 13(1) tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal‑25 ta’ Ġunju 2002 u tat‑23 ta’ Settembru 2002.

2)      It-terminu tas-sessjonijiet tal-Parlament, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE u FUE, jibda mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament ġdid elett, jiġifieri fid-data msemmija fl-Artikolu 11(3) tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni 76/787, kif emendat bid-Deċiżjoni 2002/772/KE. Fl-istess data tibda l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni tal-imsemmi protokoll. L-istess japplika għal dak li jirrigwarda membru tal-Parlament li ma bediex effettivament is-servizz tiegħu, għaliex naqas milli jissodisfa l-formalitajiet kollha meħtieġa mid-dritt nazzjonali.

3)      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel il-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament wara l-elezzjonijiet, l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih membru tal-Parlament ġie elett għandhom l-obbligu li jastjenu minn kull miżura li tista’ tostakola l-passi ta’ dan il-membru neċessarji sabiex jibda effettivament is-servizz tiegħu u li jissospendu l-miżuri diġà pendenti, sakemm ma jkunux kisbu r-rinunzja għall-immunità mill-Parlament. Dan l-obbligu japplika biss għall-miżuri kkonċernati mill-immunità parlamentari skont id-dritt nazzjonali.

4)      Mill-mument li fih id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirrikonoxxi l-immunità tal-membri tal-parlament nazzjonali, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, għandu jiġi interpetat fis-sens li huwa l-Parlament li għandu jiddeċiedi dwar l-opportunità li jirrinunzja jew jiddefendi l-immunità ta’ wieħed mill-membri tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Hardt, S., Parliamentary Immunity. A Comprehensive Study of the Systems of Parliamentary Immunity in the United Kingdom, France, and the Netherlands in a European Context, Intersentia, Cambridge, 2013, p. 62.


3      Digriet tal-Assemblea Nazzjonali tat-23 ta’ Ġunju 1789 dwar l-invjolabbiltà tad-deputati.


4      Digriet tal-Assemblea Nazzjonali tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 1790 li jirregola provviżorjament il-każijiet fejn id-deputati tal-Assemblea Nazzjonali jistgħu jiġu arrestati, u l-forma tal-proċeduri li għandhom isiru kontrihom.


5      Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, li tipprovdi li “[l]-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta’ Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu”.


6      Din l-idea ġiet espressa perfettament mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) fis-sentenza tagħha 90/1985 tat-22 ta’ Lulju 1985 (ES:TC:1985:90), li tipprovdi li l-loġika tal-immunità proċedurali hija “li jiġi evitat li r-rimedji kriminali jintużaw sabiex jiddisturbaw il-funzjonament tal-Kmamar jew sabiex jimmodifikaw il-kompożizzjoni tagħhom skont il-volontà tal-poplu” (tradotta minni).


7      Ara pereżempju, Santaolalla López, F., Derecho parlamentario español, Editorial Dykinson, Madrid 2013, p. 143. Dwar ir-rabta bejn l-immunità u d-drittijiet fundamentali, ara Muylle, K., “L’immunité parlementaire face à la Convention européenne des droits de l’Homme”, Administration publique, 3/2008, p. 207 sa 216.


8      Din ir-rimarka ma għandhix tinqara bħala riferiment għal Stat partikolari, b’mod partikolari r-Renju ta’ Spanja. Din hija konstatazzjoni oġġettiva, kif tirrikonoxxi b’mod partikolari l-Kummissjoni ta’ Venezja, li barra minn hekk hija kritika ħafna fir-rigward tal-invjolabbiltà parlamentari (ara l-Kummissjoni Ewropea għad-demokrazija permezz tal-liġi, “Rapport sur l’étendue et la levée des immunités parlementaires”, adottat f’Venezja fil-21 u 22 ta’ Marzu 2014, www.venice.coe.int, punt 154).


9      ĠU 2012, C 326, p. 266.


10      ĠU 1976, L 278, p. 1.


11      (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol.4, p. 137).


12      Fil-lingwa ġuridika Spanjola, “invjolabbiltà” (inviolabilidad) tfisser dak li effettivament hija irresponsabbiltà, jiġifieri immunità sostantiva, u “immunità” (inmunidad) tfisser dak li bnadi oħra hija invjolabbiltà, jiġifieri immunità proċedurali.


13      BOE Nru 147, tal-20 ta’ Ġunju 1985, p. 19110.


14      Gaceta de Madrid Nru 260, tas-17 ta’ Settembru 1882, p. 803 (BOE-A-1882-6036).


15      DOGC Nru 7449, tas-6 ta’ Settembru 2017, p. 1.


16      DOGC Nru 7451, tat-8 ta’ Settembru 2017, p. 1.


17      Digriet tat-Tribunal Supremo 5051/2019 (ES:TS:2019:5051A).


18      BOE 2019, Nru 142, p. 62477.


19      Peress li t-terminoloġija ma taqbilx perfettament fil-lingwi uffiċjali kollha, ser nuża l-kliem “membru tal-Parlament” u “deputat tal-Parlament” bħala sinonomi.


20      Dwar din id-distinzjoni bejn il-kisba u l-eżerċizzju tal-mandat parlamentari, ara, Avril, P., Gicquel, J., Droit parlementaire, Montchrestien, Pariġi, 2004, p. 35 sa 36, u Grajewski, K., Status prawny posła i senatora, Wydawnictwo Sejmowe, Varsovie, 2016, p. 12.


21      Ara, bħala eżempju, fid-dritt Franċiż, Gicquel, J., Gicquel, J.-E., Droit constitutionnel et institutions politiques, LGDJ, Pariġi, 2015, p. 678; fid-dritt Pollakk, Gierach, E., fi: Safjan, M., Bosek, L., Konstytucja RP. Komentarz, C.H.Beck, Varsovie, 2016, t. 2, p. 329 u 330; u fid-dritt Spanjol, Álvarez Conde, E., Tur Ausina, R., Derecho constitucional, Tecnos, Madrid, 2013, p. 557 et seq.


22      Fil-fehma tiegħi, dan ir-rekwiżit stess iqajjem dubji dwar il-konformità tiegħu mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) TUE li tipprovdi “[i]l-Parlament Ewropew għandu jkun magħmulminn rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni” (korsiv miżjud minni). Madankollu, ser inħalli din il-kwistjoni fil-ġenb, peress li din il-kawża ma tirrigwardax dan l-obbligu fih innifsu, iżda l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq tiegħu.


23      Korsiv miżjud minni. Xejn iktar ma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari dik invokata mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, jiġifieri s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament (C-208/03 P, EU:C:2005:429), u tat-30 ta’ April 2009, L-Italja u Donnici vs Il-Parlament (C-393/07 u C-9/08, EU:C:2009:275). Dawn il-kawżi kienu jirrigwardaw każijiet speċifiċi, ta’ revoka tal-mandat wara kundanna kriminali u ta’ rinunzja, sussegwentement irrevokata, tal-mandat, rispettivament. Ma kienx hemm differenza bejn il-proklamazzjoni tal-elezzjoni (jew ta’ revoka) imwettqa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u l-komunikazzjoni indirizzata lill-Parlament. Barra minn hekk, din il-kawża ma tirrigwardax eventwali verifika, mill-Parlament, tar-riżultati tal-elezzjonijiet ipproklamati jew kkomunikati mill-Istat Membru, iżda l-evalwazzjoni minn qorti nazzjonali tal-istatus tal-persuna eletta fil-Parlament.


24      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2009, L-Italja u Donnici vs Il-Parlament (C-393/07 u C-9/08, EU:C:2009:275, punt 48).


25      Sentenza 119/1990 tal-21 ta’ Ġunju 1990,ES:TC:1990:119 (traduzzjoni magħmula minni). Ara wkoll, il-kummentarju ta’ din is-sentenza: Santaolalla López, F., “El juramento y los reglamentos parlamentarios”, Revista española de derecho constitutional, Nru 30/1990, p. 149. Skont dan l-awtur, il-fatt li l-obbligu li jittieħed ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola ma jikkundizzjonax il-kisba tal-mandat parlamentari huwa “ħaġa normalment ammessa u ma timmeritax iktar kummenti”.


26      Dwar l-obbligu tal-ġurament mill-membri tal-Parlament Spanjol, ara, b’mod partikolari, Alvarez Conde, E., Tur Ausina, R., op. cit., p. 571 sa 572.


27      Ara Santaolalla López, F., Derecho parlamentario español, op. cit., p. 113. Skont dan l-awtur, tali interpretazzjoni tista’ tkun f’kunflitt mal-Kostituzzjoni Spanjola, li tipprovdi li l-immunità tapplika għall-perijodu tal-mandat, jiġifieri sa mill-elezzjoni.


28      Loġikament, sospensjoni minħabba akkuża kriminali, bħal dik prevista fl-Artikolu 384a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, tista’ tirrigwarda deputat Ewropew elett fi Stat Membru differenti minn dak li fih issir il-prosekuzzjoni.


29      Huwa minnu li, meta titkellem dwar “immunitajiet”, din id-dispożizzjoni donnha tirreferi litteralment għall-forom kollha ta’ immunità parlamentari, inkluż l-irresponsabbiltà (immunità sostantiva). Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni ma tagħmilx sens. Fil-fatt, l-ewwel nett, fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, l-irresponsabbiltà hija normlament limitata għall-atti mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari. Madankollu, il-kwalità ta’ deputat tal-Parlament hija inkompatibbli ma’ dik ta’ membru ta’ parlament nazzjonali skont l-Artikolu 7(2) tal-Att tal-1976. Għalhekk, l-irresponsabbiltà li tirriżulta mid-dritt nazzjonali, fi kwalunkwe każ, ma tistax tapplika għad-deputati tal-Parlament. Għal dak li jirrigwardahom, din l-istess garanzija hija żgurata mill-Artikolu 8 tal-Protokoll. It-tieni nett, ma jagħmilx sens li jiġi limitat it-tul tal-irresponsabbiltà għall-perijodu ta’ sessjoni tal-Parlament u li jiġu permessi prosekuzzjonijiet għall-opinjonijiet mogħtija fl-eżerċizzju tal-funzjoni parlamentari wara l-egħluq ta’ dawn is-sessjonijiet. Sabiex tkun effettiva, l-irresponsabbiltà għandha tkun limitata ratione temporis. Fit-tielet u l-aħħar nett, jekk l-irresponsabbiltà tikkostitwixxi immunità assoluta, din tkun f’kontradizzjoni mal-fakultà tal-Parlament li jirrinunzja għall-immunità, prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll għandu jiġi interpretat bħala li jirrigwarda biss l-invjolabbiltà (immunità proċedurali).


30      Ara b’mod partikolari, Corbett, R., Jacobs, F., Neville, D., The European Parliament, John Harper Publishing, Londra, 2016, p. 76 sa 77; Hardt, S., op. cit., p. 45; Lis-Starowicz, D., Galster, J., “Immunitet posła do Parlamentu Europejskiego”, Przegląd sejmowy, 2006/6, p. 9, u Schulz-Bleis, Ch., Die parlamentarische Immunität der Mitglieder des Europäischen Parlaments, Duncker&Humblot, Berlin, 1995, p. 29 et seq.


31      Ara b’mod partikolari, ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta’ Settembru 1983 dwar l-Istatus tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 1983, C 277, p. 135) u l-Abbozz ta’ Reviżjoni tal-Protokoll (Nru 7) [COM(84) 666], kif ukoll ir-rapporti Donnez (A2-0121/86) u Rothley (A5-0193/03) tal-Parlament.


32      Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Wybot (149/85, EU:C:1986:310, punti 11 sa 13).


33      L-ewwel sessjoni tal-Parlament tad-disa’ leġiżlatura bdiet fit-2 ta’ Lulju 2019.


34      Ara l-Artikolu 153(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament tad-disa’ leġiżlatura.


35      Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Wybot (149/85, EU:C:1986:310, id-dispożittiv).


36      L-unika eċċezzjoni evidenti hija l-każ ta’ persuni li jkunu ssostitwixxew deputat li l-mandat tiegħu skada b’mod antiċipat.


37      Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Wybot (149/85, EU:C:1986:310, punt 25).


38      Bħala eżempju, insemmi l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni Pollakka, li jipprojbixxi l-prosekuzzjonijiet kriminali kontra l-Parlamentari sa mill-proklamazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet, kif ukoll l-Artikoli 751 u 752 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iċċitati fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Skont nota informattiva ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-Consejo General del Poder Judicial (il-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura, Spanja), it-telf tad-drittijiet ċivili jwassal għaċ-ċaħda definittiva tal-unuri, impjiegi u karigi pubbliċi kollha, inklużi elettivi, kif ukoll għall-impossibbiltà li jinkisbu tali unuri, impjiegi jew karigi pubbliċi jew li wieħed jiġi elett għal kariga pubblika (ara l-Artikolu 41 tal-código penal (il-Kodiċi Kriminali)). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(2) u (4) tal-Kodiċi Elettorali, il-kundanna għal piena li ċċaħħad il-libertà twassal għall-ineliġibbiltà kif ukoll għall-inkompatibbiltà.


40      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir-Renju Unit (C-145/04, EU:C:2006:543, punt 78).


41      Fl-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-effetti eżatti tas-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2019.


42      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C-650/13, EU:C:2015:648, punt 44).