Language of document : ECLI:EU:F:2012:115

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

3 ta’ Awwissu 2012

Kawża F‑57/12 R

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Urġenza — Assenza — Spejjeż ġudizzjarji — Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett: Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA kif ukoll tal-Artikolu 279 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio essenzjalment jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tiegħu tad-19 ta’ Ottubru 2011 intiża sabiex jingħata kumpens ta’ somma ta’ EUR 1 661 li huwa jqis li inġustament tneħħiet mill-allowances ta’ invalidità tiegħu, it-tieni nett, id-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tiċħad l-ilment li jinsab fl-ittra tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2011, it-tielet nett, kull deċiżjoni li abbażi tagħha l-Kummissjoni naqset is-somma ta’ EUR 1 661 mill-allowances ta’ invalidità tiegħu għax-xhur ta’ Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2011.

Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. Dan tal-aħħar huwa kkundannat iħallas lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku s-somma ta’ EUR 1 000. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Deċiżjoni kkontestata li parzjalment tilfet l-effetti tagħha fid-data tal-preżentata tat-talba għal miżuri provviżorji — Talba inammissibbli

(Artikolu 278 TFUE)

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Rikors — Rekwiżiti proċedurali — Indikazzjoni preċiża tas-suġġett tat-talba

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 35(1)(d) u 102(3))

3.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż ġudizzjarji — Spejjeż imposti fuq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku minħabba rikors abbużiv ta’ uffiċjal — Kundanna tal-uffiċjal għar-rimbors tal-imsemmija spejjeż — Applikabbiltà fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 94)

1.      Meta parti minn deċiżjoni kkontestata tkun tilfet l-effetti tagħha fid-data tal-preżentata tat-talba għal miżuri provviżorji, it-talbiet marbuta magħha huma inammissibbli.

(ara l-punt 23)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Frar 2012, BK vs Il‑Kummissjoni, F‑140/11 R, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Talba għal miżuri provviżorji li, fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet iktar profondi dwar is-suġġett tagħha, għandha natura vaga u impreċiża ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 35(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jirreferi għalih l-Artikolu 102(3) tal-istess Regoli u hija, għalhekk, inammissibbli.

(ara l-punt 24)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 2 ta’ Lulju 2004, Enviro Tech Europe u Enviro Tech International vs Il-Kummissjoni, T‑422/03 R II, punt 59

3.      Abbażi tal-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jekk it-Tribunal jkun sostna spejjeż li setgħu jiġu evitati, b’mod partikolari jekk ir-rikors ikollu natura manifestament abbużiva, huwa jista’ jikkundanna lill-parti li ħoloq dan kollu għar-rimbors sħiħ jew parzjali, u l-ammont ta’ dan ir-rimbors ma jistax jeċċedi s-somma ta’ EUR 2 000. Peress li din id-dispożizzjoni ma għandhiex natura limitattiva dwar iċ-ċirkustanzi li fiha t-Tribunal jista’, minħabba l-aġir ta’ parti, jkollu jsostni spejjeż li setgħu jiġu evitati, din tista’ tapplika għall-eżami ta’ talba għal miżuri provviżorji.

(ara l-punt 30)