Language of document : ECLI:EU:F:2010:13

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

25 ta’ Frar 2010

Kawża F-91/08

Johanna Gerdina Pleijte

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ ċertifikazzjoni — Proċedura 2007 — Esklużjoni tar-rikorrenti mil-lista ta’ uffiċjali preselezzjonati — Teħid inkunsiderazzjoni tat-tul ta’ leave għal raġunijiet personali abbażi tal-esperjenza professjonali — Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal — DĠE tal-Artikolu 45a”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu J. G. Pleijte titlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tas-7 ta’ Awwissu 2008, li tiċħad l-ilment tagħha intiż kontra d-deċiżjoni li ma tiġix inkluża fil-lista ta’ uffiċjali preselezzjonati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni, kif prevista fl-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha u għal dawk tal-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni li teskludi uffiċjali mil-lista provviżorja ta’ kandidati preselezzjonati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni — Att preparatorju li ma jikkawżax preġudizzju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Suġġett — Ordni indirizzata lill-amministrazzjoni — Inammissibbiltà

(Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

3.      Uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament — Differenza fit-trattament bejn uffiċjali li jkunu ħadu leave għal raġunijiet personali li jittieħed għal raġunijiet parentali u uffiċjali li jkunu bbenefikaw minn leave parentali wara li dan ikun ġie stabbilit

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 40(3) u 42a)

4.      Uffiċjali — Proċedura ta’ ċertifikazzjoni — Preselezzjoni tal-kandidati — Kriterji — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45a)

1.      Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li teskludi l-isem ta’ uffiċjal mil-lista provviżorja ta’ uffiċjali preselezzjonati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni hija att preparatorju li ma jikkawżax preġudizzju u li għalhekk jista’ biss jiġi kkontestat b’mod inċidentali, meta jiġi ppreżentat rikors kontra att li jista’ jiġi annullat. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li teskludi uffiċjal mil-lista definittiva ta’ uffiċjali preselezzjonati għal proċedura ta’ ċertifikazzjoni hija att li jikkawża preġudizzju u mhux att preparatorju.

(ara l-punti 27 u 28)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ April 2003, Gómez-Reino vs Il‑Kummissjoni, C‑471/02 P(R), Ġabra p. I‑3207, punt 62

2.      Ma hijiex il-qorti Komunitarja li għandha tindirizza ordnijiet lill-istituzzjoni, indipendentement mill-obbligu ġenerali, stabbilit fl-Artikolu 266 TFUE, għall-istituzzjoni li minnha jirriżulta l-att annullat, li tieħu l-miżuri neċessarji li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tiddeċiedi favur l-annullament. Għaldaqstant, talbiet intiżi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jżid l-isem ta’ uffiċjal ma’ lista ta’ kandidati li jistgħu jipparteċipaw fi programm ta’ taħriġ, jew li jemenda metodoloġija inkluża f’informazzjoni amministrattiva, huma inammissibbli.

(ara l-punt 29)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Ġunju 1991, Valverde Mordt vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑156/89, Ġabra p. II‑407, punt 150; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Settembru 2008, Bui Van vs Il‑Kummissjoni, F‑51/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑289 u II‑A‑1‑1533, punt 17, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑491/08 P

3.      It-trattament differenti bejn uffiċjali li jkunu talbu leave għal raġunijiet personali skont ir-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, u dawk li, wara l-1 ta’ Mejju 2004, talbu l-benefiċċju ta’ leave parentali jirriżulta preċiżament mill-introduzzjoni, fir-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 42a dwar il-leave parentali u ma jistax jikkostitwixxi diskriminazzjoni peress li d-differenza fit-trattament hija ġġustifikata oġġettivament bin-nuqqas ta’ retroattività mogħtija lil dan l-artikolu mil-leġiżlatur.

Barra minn hekk, huwa l-leġiżlatur li għandu jiddeċiedi dwar il-portata tad-drittijiet soċjali li jibbenefikaw minnhom l-uffiċjali Ewropej. Il-fatt li jinħolqu drittijiet ġodda li fil-futur ser ikunu iktar favorevoli għall-uffiċjali ma jistax jimplika l-għoti retroattiv ta’ dawn id-drittijiet lill-uffiċjali li, fil-passat, setgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti li issa huma meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mill-imsemmija drittijiet. Meta l-Kunsill introduċa l-leave parentali, huwa ma kellux l-intenzjoni li jassimila retroattivament il-leave parentali mal-leave għal raġunijiet personali li jittieħed għall-finijiet parentali. In-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fir-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdu l-assimilazzjoni ta’ leave għal raġunijiet personali mogħti għal raġunijiet parentali qabel l-1 ta’ Mejju 2004 ma’ leave parentali għalhekk ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Fl-aħħar nett, peress li l-interpretazzjoni ta’ regola għandha tkun limitata għal kontenut tagħha, partikolarment meta din ma hijiex ekwivoka, ma hemmx lok li l-Artikolu 40(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jiġi interpretat fis-sens li jimponi li l-uffiċjali li jkunu ħadu leave għal raġunijiet personali li jittieħed għal raġunijiet parentali jkunu ttrattati b’mod identiku għal dawk li jkunu bbenefikaw minn leave parentali.

(ara l-punti 37, 40 u 42)

4.      Differenzi fit-trattament, iġġustifikatt abbażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli, proporzjonati mal-għan imfittex mid-differenzazzjoni inkwistjoni, ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fost il-kriterji oġġettivi u raġonevoli li jistgħu jiġġustifikaw differenza fit-trattament bejn uffiċjali hemm l-interess tas-servizz. Sabiex tiddeċiedi dwar il-miżuri li għandha tieħu fl-interess tas-servizz, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa b’mod li l-qorti Komunitarja, fl-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandha tillimita ruħha li tivverifika jekk l-istituzzjoni kkonċernata għamlitx differenzazzjoni arbitrarja jew li tmur manifestament kontra l-interess tas-servizz.

F’dan ir-rigward, ma huwiex sproporzjonat għall-amministrazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni biss l-esperjenza professjonali miksuba matul l-għaxar snin li jippreċedu proċedura ta’ ċertifikazzjoni sabiex tevalwa, fid-dawl tal-interessi tas-servizz, ir-rilevanza tal-esperjenzi professjonali miksuba mill-kandidati, peress li din ir-rilevanza tonqos mal-evoluzzjoni tat-tekniki u tas-snajja. Fin-nuqqas ta’ element li jippermetti li jiġi stabbilit li tali limitu ratione temporis huwa fil-verità differenzazzjoni arbitrarja jew imur manifestament kontra l-interess tas-servizz, dan ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni.

Barra minn hekk, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar il-modalitajiet ta’ selezzjoni tal-kandidati. Billi tiddeċiedi li tillimita l-esperjenza professjonali li tittieħet inkunsiderazzjoni għall-aħħar għaxar snin, l-amministrazzjoni ma hijiex prekluża milli tagħżel l-aħjar kandidati, peress li dan il-perijodu jista’ jikkostitwixxi element ta’ paragun rilevanti.

(ara l-punti 57 sa 59 u 61)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T‑11/03, ĠabraSP p. I‑A‑65 u II‑267, punt 65; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, F‑59/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑109 u II‑A‑1‑409, punt 76; 23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il-Kummissjoni, F‑43/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑27 u II‑A‑1‑139, punt 91; 19 ta’ Ġunju 2007, Davis et vs Il‑Kunsill, F‑54/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑165 u II‑A‑1‑911, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata; 8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il‑Kunsill, F‑6/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑151 u II‑A‑1‑819, punt 87