Appell ippreżentat fil-21 ta’ Awwissu 2019 minn Alfamicro - Sistemas de computadores, Sociedade Unipessoal, Lda. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-28 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-64/18, Alfamicro vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-623/19 P)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Appellanti: Alfamicro - Sistemas de computadores, Sociedade Unipessoal, Lda. (rappreżentanti: G. Gentil Anastácio u D. Pirra Xarepe, advogados, u M. Stock da Cunha, advogada estagiária)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fil-Kawża T-64/18 1 ,
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 8839 final tat-13 ta’ Diċembru 2017,
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li l-fatt li jagħti lok għal dejn kuntrattwali huwa l-kuntratt innifsu. Konsegwentement, jekk il-Kummissjoni tista’ tinferixxi l-pretensjonijiet tagħha fl-azzjoni dikjaratorja, u ma tkunx għamlet dan, hija ma tistax, wara li tingħata s-sentenza, toħroġ titoli eżekuttivi fuq l-amonti dovuti mhux koperti.
Il-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter.
Fis-sentenza dikjaratorja (T-831/14) 2 , il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar id-dejn dovut lill-Kummissjoni riżultanti mill-ftehim ta’ għajnuna, u mhux, kif tiddeċiedi issa b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali, fuq l-ispejjeż ineliġibbli relatati mal-perijodu kopert mill-verifika.
Id-dispożittiv tas-sentenza mogħtija fl-azzjoni dikjaratorja (T-831/14) ma jikkonstata ebda limitazzjoni, la fir-rigward tad-dejn, la fir-rigward tal-perijodu u lanqas fir-rigward tal-ispejjeż.
Fil-konfront ta’ obbligu uniku, id-dejn fit-termini tal-ftehim ta’ għajnuna, hemm korrispettiv ta’ titolu eżekuttiv uniku.
Ma jagħmel ebda sens li l-Qorti Ġenerali tiffissa dejn b’mod definittiv biex sussegwentement il-kreditur isostni li, finalment, ma kinux ġew ikkalkolati l-ammonti kollha.
L-appellenti ssostni li mill-mument li tinbeda azzjoni dikjaratorja għall-iffissar ta’ dejn kuntrattwali tal-Unjoni, ma huwiex permess li l-Kummissjoni toħroġ titoli eżekuttivi mingħajr ma żżomm is-sentenza tal-Qorti Ġenerali bħala punt ta’ riferiment.
Jekk l-azzjoni dikjaratorja jkollha bħala għan id-dejn kuntrattwali li tagħha hija detentriċi l-Kummissjoni fil-konfront tad-debitur, il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tiffissa d-dejn teskludi s-setgħa tal-Kummissjoni li toħroġ titoli jmorru lil hinn mis-sentenza.
____________
1 EU:T:2019:453.
2 Ara l-Kawża C-14/18 P.