Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ April 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-169/20)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. França u C. Perrin, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi ma llikwidatx il-komponent ambjentali fil-kalkolu tal-valur applikabbli għall-vetturi użati introdotti fit-territorju tar-Repubblika Portugiża u akkwistati fi Stati Membri oħra fl-ambitu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 110 TFUEwropea;

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-leġiżlazzjoni Portugiża inkwistjoni tistabbilixxi diskriminazzjoni bejn it-tassazzjoni fuq vettura importata u dik fuq vettura nazzjonali simili. Il-modalitajiet u l-forma ta’ kalkolu fis-seħħ iwasslu sabiex it-tassazzjoni tal-vettura importata tkun kważi dejjem ogħla.

Din is-sitwazzjoni hija wisq iktar ta’ tħassib meta tkun kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: il-leġiżlazzjoni Portugiża dwar il-kalkolu tat-taxxa applikabbli għall-vetturi użati akkwistati fi Stati Membri oħra diġà kienet suġġetta għal proċeduri ta’ ksur preċedenti u ta’ numru ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-leġiżlazzjoni Portugiża ma tiggarantixxix li l-vetturi użati importati minn Stati Membri oħra jiġu ntaxxati għal ammont li ma jeċċedix it-taxxa riflessa fil-vetturi użati domestiċi simili. Dan jista’ jiġi spjegat bil-fatt li, b’konsegwenza tal-bidla fil-leġiżlazzjoni fl-2016, il-komponent ambjentali użat għall-kalkolu tal-valur tal-vettura użat ma jiġix illikwidat.

Minn dan jirriżulta li t-tabella ta’ likwidazzjoni adottata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma twassalx għal approssimazzjoni raġonevoli tal-valur reali tal-vettura użata importata. Konsegwentement, l-ammont imħallas sabiex tiġi rreġistrata vettura użata importata jeċċedi l-ammont relatat għal vettura użata simili diġà rreġistrata fil-Portugall, liema fatt jagħti lok għal ksur tal-Artikolu 110 TFUE u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

____________