Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Mejju 2020 – JV vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-215/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Wiesbaden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: JV

Konvenuta: Bundesrepublik Deutschland

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2016/681 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva PNR”), li bis-saħħa tagħha t-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu data komprensiva dwar il-passiġġieri kollha, mingħajr ebda eċċezzjoni, lill-unitajiet ċentrali responsabbli għad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (iktar ’il quddiem il-“PIU”) innominati mill-Istati Membri u dan f’sitwazzjoni fejn id-data tintuża mingħajr ġustifikazzjoni għal paragun awtomatizzat ma’ databases u mudelli, u mbagħad tinżamm għal perijodu ta’ ħames snin, ikkunsidrata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq u fid-dawl tar-rekwiżit ta’ preċiżjoni u ta’ proporzjonalità, hija kompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari mal-Artikoli 7, 8 u 52 tagħha?

B’mod partikolari:

Fid-dawl tar-rekwiżit ta’ preċiżjoni suffiċjenti u ta’ proporzjonalità, il-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR ikkunsidrat flimkien mal-Anness II tagħha, sa fejn jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kriminalità serja” fis-sens tad-Direttiva PNR bħala r-reati elenkati fl-Anness II li huma punibbli b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu ta’ minn tal-inqas tliet snin taħt il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru, huwa kompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

Id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (iktar ’il quddiem id-“data PNR”) li għandha tiġi ttrasferita, sa fejn tinkludi l-ismijiet (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1), ikkunsidrata flimkien mal-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva PNR), informazzjoni dwar dawk li jivvjaġġaw ta’ spiss (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1), ikkunsidrata flimkien mal-punt 8 tal-Anness I tad-Direttiva PNR) u l-kummenti ġenerali li jiddaħħlu f’kaxxa maħsuba għal dan l-iskop (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1), ikkunsidrata flimkien mal-punt 12 tal-Anness I tad-Direttiva PNR), hija ddefinita b’mod suffiċjenti b’tali mod li jkun iġġustifikat indħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

Huwa kompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll mal-għan tad-Direttiva PNR li, minbarra d-data dwar il-passiġġieri, tinġabar ukoll data dwar terzi, bħalma huma l-aġenzija tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar (il-punt 9 tal-Anness I tad-Direttiva PNR), il-persuni li jkunu qegħdin jakkumpanjaw minuri (il-punt 12 tal-Anness I tad-Direttiva 12) u l-vjaġġaturi l-oħra (il-punt 17 tal-Anness I tad-Direttiva PNR)?

Sa fejn tippermetti t-trasferiment, l-ipproċessar u l-ħażna ta’ data PNR ta’ passiġġieri minuri, id-Direttiva PNR hija kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva PNR, ikkunsidrat flimkien mal-punt 18 tal-Anness I tagħha, sa fejn jippermetti t-trasferiment ta’ informazzjoni antiċipata dwar il-passiġġieri (id-data API), anki meta din tkun identika għad-data PNR, mit-trasportaturi bl-ajru lill-PIU tal-Istati Membri, huwa kompatibbli, fid-dawl tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, mal-Artikoli 8 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR, bħala l-bażi legali għad-determinazzjoni tal-kriterji għall-paragun tar-reġistri tad-data (l-hekk imsejħa mudelli), huwa bażi leġittima stabbilita mil-liġi suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll tal-Artikolu 16(2) TFUE?

Sa fejn id-data ttrasferita lill-PIU tal-Istati Membri tinżamm għal perijodu ta’ ħames snin, l-Artikolu 12 tad-Direttiva PNR jista’ jitqies li jillimita għal dak li huwa assolutament neċessarju l-indħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

Meta d-depersonalizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva PNR ma tkun xejn iktar minn proċess ta’ psewdonimizzazzjoni li jkun jista’ jinqaleb lura f’kull mument, din id-depersonalizzazzjoni twassal sabiex id-data personali titnaqqas għall-minimu meħtieġ, kif jirrikedju l-Artikoli 8 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

L-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li l-passiġġieri li d-data tagħhom tkun is-suġġett ta’ tneħħija ta’ depersonalizzazzjoni fil-kuntest ta’ pproċessar ta’ data dwar il-passiġġieri (Artikolu 12(3) tad-Direttiva PNR) għandhom jiġu informati dwar dan u għandhom jingħataw il-possibbiltà li jitolbu stħarriġ ġudizzjarju?

L-Artikolu 11 tad-Direttiva PNR, sa fejn jippermetti t-trasferiment ta’ data PNR lejn pajjiżi terzi li ma jiżgurawx livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data, huwa kompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

Ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR tipprovdi protezzjoni adegwata kontra l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali fis-sens tar-Regolament 2016/679 2 (iktar ’il quddiem il-“GDPR”) u fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 3 f’sitwazzjoni fejn, fil-kuntest tal-kaxxa maħsuba għall-“kummenti ġenerali” (il-punt 12 tal-Anness I tad-Direttiva PNR), tista’ tiġi ttrasferita informazzjoni bħall-għażla tal-ikel li minnha jkunu jistgħu jinstiltu konklużjonijiet dwar dawn il-kategoriji speċjali ta’ data personali?

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 13 tal-GDPR li t-trasportaturi bl-ajru, fuq is-sit internet tagħhom, sempliċement jirreferu lill-passiġġieri għal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni (f’dan il-każ il-Gesetz über die Verarbeitung von Fluggastdaten zur Umsetzung der Richtlinie 2016/681 (il-Liġi dwar l-Ipproċessar tad-Data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri li Tittrasponi d-Direttiva 2016/681) tas-6 ta’ Ġunju 2017, BGBl, p. 1484)?

____________

1     Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU 2016, L 119, p. 132).

2     Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

3     Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).