Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Mejju 2007 - R vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-49/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: R (rappreżentant: O. Martins, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

safejn huwa neċessarju, tiddikjara l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2007 li permezz tagħha hija ċaħdet l-ilment u t-talba għall-ħlas ta' kumpens għal dannu tar-rikorrenti tat-8 ta' Novembru 2006 u tad-deċiżjoni tad-19 ta' Diċembru 2005;

safejn huwa neċessarju, tiddikjara l-ineżistenza tal-perijodu kollu ta' prova ta' l-uffiċjal kif ukoll l-atti kollha prodotti f'dawn iċ-ċirkustanzi, u/jew tiddikjara l-annullament ta' l-atti preparatorji u sekondarji kollha jew li għandhom l-għan li jestendu l-effetti tar-rapport ta' tmiem il-perijodu ta' prova ta' l-uffiċjal ta' l-10 ta' Jannar 2005, u b'mod partikolari, ir-rapport magħruf bħala intermedjarju tal-11 ta' Awwissu 2004, in-nota tas-Sinjura X tat-13 ta' April 2005 u l-att ta' riassenjazzjoni ta' l-Awtorità tal-Ħatra tat-3 ta' Marzu 2005;

safejn huwa neċessarju, tiddikjara l-annullament parzjali tar-rapport ta' tmiem il-perijodu ta' prova ta' aġent temporanju "riċerka" kif iffinalizzat fit-18 ta' Mejju 2004, dwar il-kummenti inklużi mill-persuna li kkontrofirmat ir-rapport;

safejn huwa neċessarju, tiddikjara l-annullament tan-nota tad-direttur ġenerali tad-DĠ ADMIN ta' l-20 ta' Lulju 2005 li tiċħad it-talba għal għajnuna tar-rikorrenti tal-11 ta' Novembru 2004 fuq il-bażi ta' l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal;

tistabbilixxi r-responsabbilità tal-Komunità Ewropea għad-deċiżjonijiet u l-atti kollha kkontestati u għall-imġieba illegali tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti;

tagħti lir-rikorrenti, jekk meħtieġ, kumpens għad-dannu subit, fl-ammont EUR 2,500,000;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;

safejn huwa neċessarju, tistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa fi proċedura għal soluzzjoni bi ftehim skond l-Artikolu 7(4) ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni bi żbalji, ommissjonijiet u nuqqasijiet fit-tmexxija tal-persunal, li jikkostitwixxu imġieba illegali fir-rigward tagħha u li għalihom din l-istituzzjoni għandha tinżamm responsabbli. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni abbużat mill-poter tagħha u kisret bosta forom proċedurali sostanzjali, id-drittijiet tad-difiża u l-obbligu ta' motivazzjoni. Barra minn hekk, l-atti kkontestati kienu vvizzjati bi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u kienu jiksru l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll ir-Regolament Nru 45/2001 1, l-obbligu ta' premura, id-dover ta' assistenza previst fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-prinċipji ta' prospetti raġonevoli tal-karriera u ta' amministrazzjoni tajba. Minbarra dan, ir-rikorrenti kienet il-vittma ta' fastidju morali.

____________

1 - Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU 2001, L 8, p. 1).