Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-787/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Jokubauskaitė u M. Wasmeier, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi eskludiet mill-iskema tal-VAT applikabbli għall-aġenziji tal-ivvjaġġar is-servizzi ta’ vvjaġġar ipprovduti lil persuni taxxabbli li jużawhom għall-impriża tagħhom, u billi ppermettiet lill-aġenziji tal-ivvjaġġar li jaqgħu taħt din l-iskema speċjali jiddeterminaw il-valur taxxabbli b’mod globali għal gruppi ta’ servizzi u għas-servizzi kollha pprovduti matul perijodu ta’ tassazzjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 73 kif ukoll taħt l-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva 2006/112/KE tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 ;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ssostni li r-regoli għall-kalkolu tal-VAT previsti fl-Awstrija f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ vvjaġġar ma humiex konformi mad-Direttiva 2006/112. Din id-direttiva tipprevedi, fl-Artikoli 306 sa 310 tagħha, skema speċjali li taħtha s-servizzi ta’ vvjaġġar ipprovduti minn aġenzija ta’ vvjaġġar lil klijent għandhom jitqiesu bħala provvista ta’ servizzi unika. Id-dritt Awstrijak jitbiegħed minn dan b’mod illegali.

Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li persuni taxxabbli li jużaw servizzi ta’ vvjaġġar għall-impriża tagħhom ma jistgħux jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta’ din l-iskema speċjali. Diġà fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-189/11, EU:C:2013:587), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija skema speċjali kienet tapplika mhux biss għas-servizzi pprovduti lil konsumaturi finali privati, iżda wkoll għal dawk ipprovduti lil impriżi taxxabbli. L-Istati Membri ma humiex liberi li jillimitawha għas-servizzi msemmija l-ewwel. Il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet kkonfermat dan fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-380/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:76).

Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li l-metodu għall-kalkolu previst mid-dritt Awstrijak dwar il-VAT ma huwiex konformi mad-Direttiva 2006/112. Skont l-Artikolu 73 kif ukoll skont l-Artikoli 306 sa 310 tal-imsemmija direttiva, il-valur taxxabbli għandu jiġi stabbilit għal kull vjaġġ separatament. Issa, id-dritt Awstrijak jippermetti li l-marġni ta’ profitt jiġi stabbilit b’mod globali għal “gruppi ta’ servizzi” jew għall-vjaġġi kollha matul perijodu speċifiku. Fis-sentenzi ċċitati hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dan it-tip ta’ trattament globali ma huwiex konformi mas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1; rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.