Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social nº 1 de Barcelona (Spanja) fil-11 ta’ Ġunju 2020 – HV vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

(Kawża C-258/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Social nº 1 de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: HV

Konvenut: Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

Domandi preliminari

Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali 1 , għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (Artikolu 60(4) tat-texto refundido de la Ley General de la Seguridad Social (it-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali) approvat mir-Real Decreto Legislativo 8/2015, de 30 de octubre (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 8/2015, tat-30 ta’ Ottubru 2015)), li tistabbilixxi d-dritt għal suppliment għall-pensjoni għan-nisa li kellhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati u li jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar kontributorja filwaqt li nisa oħra, li jinsabu f’sitwazzjoni identika u li jiffaċċaw l-istess diffikultajiet sabiex jibqgħu fis-suq tax-xogħol minħabba l-fatt li huma nisa, ma għandhomx dritt għal tali suppliment għall-pensjoni għar-raġuni li jkunu rtiraw volontarjament b’mod antiċipat, liema rtirar huwa suġġett legalment għal rekwiżiti ta’ kontribuzzjoni ogħla minn dawk previsti għal irtirar ordinarju u għal kundizzjonijiet ta’ età identiċi jew simili għal dawk ta’ rtirar ordinarju?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.