Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja) fit-22 ta’ Novembru 2019 – Vodafone GmbH vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-854/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Vodafone GmbH

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

a) F’każ fejn tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli, li tista’ tintuża minn klijenti barra mill-pajjiż u li tipprevedi, għat-traffiku ta’ data mobbli, volum kull xahar ta’ data inkluż fit-tariffa li wara l-konsum tiegħu jseħħ tnaqqis tal-veloċità ta’ trasferiment, tista’ tkun akkumpanjata minn għażla ta’ tariffa bla ħlas li tippermetti li jintużaw, fit-territorju nazzjonali, ċerti servizzi ta’ impriżi msieħba tal-impriża ta’ telekomunikazzjoni mingħajr ma l-volum ta’ data kkonsmat bl-użu ta’ dawn is-servizzi jiġi paċut mal-volum kull xahar ta’ data inkluż fit-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli inkwistjoni, filwaqt li għal barra mill-pajjiż dan il-volum ta’ data huwa paċut mal-imsemmi volum kull xahar ta’ data inkluż fit-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli, il-kunċett ta’ servizzi rregolati ta’ roaming tad-data fis-sens tal-Artikolu 6a flimkien mal-Artikolu 2(2)(m) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni 1 għandu jinftiehem fis-sens li t-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli u l-għażla ta’ tariffa għandhom jiġu kklassifikati flimkien bħala servizz irregolat ta’ roaming tad-data unitarju, bil-konsegwenza li l-assenza ta’ tpaċija tal-volum ta’ data kkonsmat bl-użu tas-servizzi tal-impriżi msieħba mal-volum kull xahar ta’ data inkluż fit-tariffa, unikament fit-territorju nazzjonali, hija inammissibbli?

b) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda: L-Artikolu 6a tar-Regolament Nru 531/2012 għandu jiġi interpretat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens li t-tpaċija, barra mill-pajjiż, tal-volum ta’ data kkonsmat bl-użu ta’ servizzi ta’ impriżi msieħba mal-volum kull xahar ta’ data inkluż tat-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli għandha tiġi kklassifikata bħala kalkolu ta’ ħlas addizzjonali?

c) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda: Dan japplika wkoll jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jintalab ħlas għal għażla ta’ tariffa?

2.    a) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda: L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6a(1) tar-Regolament Nru 531/2012 għandu jiġi interpretat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens li politika ta’ użu ġust (“Fair Use Policy”) fil-qasam ta’ konsum ta’ servizzi rregolati ta’ roaming bl-imnut tista’ tiġi prevista wkoll għall-għażla ta’ tariffa bħala tali?

b) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda u ta’ risposta negattiva għall-punt (a) tat-tieni domanda: L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6a(1) tar-Regolament Nru 531/2012 għandu jiġi interpretat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens li politika komuni ta’ użu ġust (“Fair Use Policy”) fil-qasam ta’ konsum ta’ servizzi rregolati ta’ roaming bl-imnut tista’ tiġi prevista kemm għat-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli kif ukoll għat-tariffa ta’ għażla, bil-konsegwenza li l-prezz bl-imnut domestiku ġenerali tat-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli kif ukoll is-somma tal-prezz bl-imnut domestiku ġenerali tat-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli kif ukoll l-għażla ta’ tariffa għandu jifforma l-bażi tal-kalkolu ta’ volum ta’ data li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni fil-qafas ta’ politika komuni ta’ użu ġust?

c) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda u ta’ risposti fin-negattiv għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda: L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 531/2012 flimkien mal-ewwel subparagafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal-15 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni 2 huwa applikabbli b’analoġija, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li politika ta’ użu ġust tista’ tiġi prevista għall-għażla ta’ tariffa bħala tali?

3.    a) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punti (a) u (c) tat-tieni domanda: Il-kunċett ta’ pakkett ta’ data miftuħ fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6a(1) tar-Regolament Nru 531/2012, flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u mal-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/2286 għandu jiġi interpretat fis-sens li tariffa ta’ għażla bi ħlas għandha tkun, fiha nnifisha, ikklassifikata bħala pakkett ta’ data miftuħ?

b) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tat-tielet domanda: L-istess japplika, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta l-għażla ta’ tariffa hija mingħajr ħlas?

4)     Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punti (a) jew (c) tat-tieni domanda u ta’ risposta fin-negattiv għall-punti (a) jew (b) tat-tielet domanda: F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6a(1) tar-Regolament Nru 531/2012, flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/2286 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz bl-imnut domestiku ġenerali tat-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli għandu jintuża wkoll għall-kalkolu tal-volum li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijent tar-roaming fil-kuntest ta’ politika ta’ użu ġust (“Fair Use Policy”) li tirrigwarda unikament l-għażla ta’ tariffa?

____________

1     ĠU 2012, L 172, p. 10.

2     ĠU 2016, L 344, p. 46.