Language of document : ECLI:EU:F:2007:216

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-60/07

Joaquin Martin Bermejo

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Komunitajiet – Trasferiment lejn is-sistema Komunitarja – Kalkolu tas-snin ta’ kontribuzzjonijiet – Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Revoka tad-dispożizzjonijiet dwar il-konverżjoni monetarja ta’ l-ammont ittrasferit”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu Martin Bermeja jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Settembru 2006, li tiffissa l-bonus tas-snin pensjonabbli fis-servizz Komunitarju li jirriżulta mit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni li huwa kiseb qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Komunitajiet.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u bħala parzjalment manifestament infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikors – Evalwazzjoni fir-rigward tar-regoli fis-seħħ meta jiġi ppreżentat ir-rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Uffiċjali – Rikors – Kontestazzjoni amministrattiva preliminari – Suġġett u bażi ġuridika identiċi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Komunitajiet – Trasferiment lejn is-sistema Komunitarja

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1103/97, Artikolu 3)

1.      Minkejja li r-regola stabbilita fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tipprovdi li t-Tribunal jista’, permezz ta’ digriet, jiċħad rikors li jidher li huwa manifestament inammissibbli, hija regola tal-proċedura li b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha tapplika, bħala tali, għall-kawżi kollha quddiem it-Tribunal, dan ma jgħoddx fir-rigward ta’ regoli li abbażi tagħhom it-Tribunal jista’, skont dan l-Artikolu, jiċħad rikors bħala manifestament inammissibbli u dawk applikabbli b’effett mid-data tal-preżentazzjoni tar-rikors.

(ara l-punt 25)

2.      Taħt piena ta’ inammissibbiltà, it-talbiet tar-rikors għandhom jinkludu kontestazzjonijiet ibbażati fuq l-istess kawża bħal dawk invokati fl-ilment, u motiv imqajjem quddiem il-qorti Komunitarja għandu jkun diġà tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża.

Madankollu, ir-regola li l-ilment u r-rikors għandhom ikunu l-istess m’għandiex tiġi applikata b’mod restrittiv, imma b’mod wiesa’. B’mod partikolari, il-kontenut ta’ l-ilment m’għandux bħala għan li jorbot, b’mod rigoruż u definittiv, il-fażi kontenzjuża, sakemm la l-bażi legali u lanqas is-suġġett tal-kawża ma jinbidlu fir-rikors, u li l-kontestazzjonijiet invokati fl-ilment ikunu jistgħu jiġu żviluppati permezz ta’ motivi u argumenti li mhumiex neċessarjament inklużi fl-ilment, imma li jkunu strettament konnessi miegħu.

(ara l-punti 35 sa 37 u 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ April 2002, Campogrande vs Il-Kummissjoni, C‑62/01 P, Ġabra p. I‑3793, punt 35

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Marzu 1993, Vardakas vs Il-Kummissjoni, T‑4/92, Ġabra p. II‑357, punt 16 ; 8 ta’ Ġunju 1995, Allo vs Il-Kummissjoni, T‑496/93, ĠabraFP p. I‑A‑127 u II‑405, punt 27; 9 ta’ Lulju 1997, S vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑4/96, Ġabra p. II‑1125, punt 99; 1 ta’ April 2004, Gussetti vs Il-Kummissjoni, T‑312/02, ĠabraFP p. I‑A‑125 u II‑547, punti 47 u 48; 4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il-Kummissjoni, T‑144/03, ĠabraFP p. I‑A‑101 u II‑465, punt 90

3.      Il-karatteristika ta’ regola ġdida hija li tistabbilixxi distinzjoni bejn il-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola preċedenti u l-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola l-ġdida b’effett mid-dħul fis-seħħ tagħha. Distinzjoni bħal din ma tiksirx, fiha nnfisha, il-prinċipju ta’ non-diskriminzzjoni, taħt piena li tirrendi impossibbli kwalunkwe emenda tal-leġiżlazzjoni. Safejn kien possibbli għall-Kummissjoni, mingħajr ma kien ta’ ostaklu r-regolament dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro, li temenda d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolament tal-Persunal, b’mod partikolari sabiex tippreċiża l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, id-differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali li kienu bbenefikaw mill-mekkaniżmu tal-konverżjoni monetarja, irrevokat mill-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni, u dawk li, minħabba din ir-revoka, ma bbenefikawx mill-imsemmi mekkaniżmu ma tistax, bħala tali u fin-nuqqas ta’ kull kritika dettaljata ta’ l-effetti ġuridiċi, matul is-snin, tar-regoli inkwistjoni jew dwar is-sitwazzjoni ta’ l-uffiċjali li huma suġġetti għalihom, tagħti lok għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

(ara l-punti 55 u 56)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Jannar 2007, Vjenna et vs Il-Parlament, F‑115/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 59