Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2019 minn Deutsche Lufthansa AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fit-12 ta’ April 2019 fil-Kawża T-492/15, Deutsche Lufthansa AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-453/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Deutsche Lufthansa AG (rappreżentant: A. Martin-Ehlers, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Land Rheinland-Pfalz, Ryanair DAC

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-rikors kien ammissibbli u fondat, sa fejn l-appellanti kkontestat il-miżura Nru 12 (ħlas fir-riżerva ta’ kapital tal-FFHG 1 ), minħabba li b’din il-miżura kienet iffinanzjat għajnuna operatorja favur il-FFHG;

minbarra dan, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ April 2019 fil-Kawża T-492/15;

tilqa’ t-talba tal-ewwel istanza u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża tal-Kummissjoni SA.21121 tal-1 ta’ Ottubru 2014 2 (bl-eċċezzjoni tal-miżura Nru 12, sa fejn intużat għall-ħlas ta’ għajnuna operatorja għall-funzjonament favur il-FFHG);

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka essenzjalment l-aggravji li ġejjin:

Għajnuna individwali li hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ investigazzjoni:

L-appellanti ssostni li hija kienet diġà individwalment ikkonċernata abbażi tas-sentenza COFAZ 3 u għalhekk għandha locus standi. Dan huwa bbażat fuq il-fatt li punti ta’ fatt essenzjali u vantaġġi supplimentari ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, minkejja li kienet ġet informata b’dawn il-miżuri mill-appellanti. Skont l-appellanti, il-Kummissjoni kienet għalhekk kisret id-drittijiet proċedurali tagħha.

Jekk l-hekk imsejħa ġurisprudenza Mory 4 hija intiża li tapplika, għalhekk sussidjarjament kellha tapplika l-ewwel alternattiva. L-appellanti tqis, fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, li ma jistax jitqies li l-Kummissjoni implimentat proċedura ta’ investigazzjoni regolari. F’dan il-każ ukoll, l-appellanti kienet individwalment ikkonċernata u għalhekk għandha locus standi.

Sussidjarjament l-appellanti ssostni li r-rikors għandu jitqies bħala ammissibbli f’każ ta’ applikazzjoni tat-tieni alternattiva tal-hekk imsejħa ġurisprudenza Mory, li tipprovdi li din l-appellanti għandha tipproduċi l-prova li l-pożizzjoni tagħha fis-suq hija affettwata b’mod sinjifikattiv. Fil-fehma tagħha, f’dan il-każ hemm inverżjoni tal-oneru tal-prova, u tal-inqas tnaqqis tal-oneru tal-prova favur l-appellanti, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod arbitrarju, il-punti fattwali kunsiderevoli li kienet taf dwarhom. B’mod unikament sussidjarju, għandu jiġi kkonstatat, skont l-appellanti, li din effettivament uriet li l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet ġiet affettwata b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni ġuridika differenti tal-Qorti Ġenerali ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u hija bbażata fuq analiżi legalment żbaljata tas-suq rilevanti. F’dan ir-rigward, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali żnaturat u rreduċiet il-fatti tal-appellanti u tal-Kummissjoni, emendat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u kisret ir-regoli tal-oneru tal-prova.

Skemi ta’ għajnuna:

Fil-kuntest ukoll tal-iskemi ta’ għajnuna, l-appellanti tqis li r-rikors kellu jitqies bħala ammissibbli abbażi tas-sentenza Montessori 5 .

Għajnuna individwali li ma kinitx is-suġġett ta’ investigazzjoni:

Fir-rigward tal-għajnuna individwali li ma kinitx is-suġġett ta’ investigazzjoni, l-appellanti tqis li r-rikors kellu fi kwalunkwe każ jitqies bħala ammissibbli skont l-ewwel alternattiva tal-ġurisprudenza Mory, minħabba li l-Kummissjoni ma fetħitx f’dan ir-rigward proċedura ta’ investigazzjoni approfondita.

____________

1 Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH (iktar ’il quddiem il-FFHG).

2 Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/789 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21121 (C29/08) (l-eks NN 54/07) implimentata mill-Ġermanja dwar il-finanzjament tal-ajruport ta' Frankfurt Hahn u r-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-ajruport u Ryanair (ĠU 2016, L 134, p. 46).

3 Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Société CdF Chimie azote et fertilisants SA u Société chimique de la Grande Paroisse (SCGP) SA vs Il-Kummissjoni (C-164/84, ECLI:EU:C:1990:301).

4 Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory SA et vs Il-Kummissjoni Ewropea (C-33/14 P, ECLI:EU:C:2015:609).

5 Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Mntessori Srl et (C-622/16 P sa C-624/16 P, ECLI:EU:C:2018:873).