Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (Il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-12 ta’ Ġunju 2019 – TQ vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-441/19)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: TQ

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/115/KE 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ritorn”), moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-premessa 22 u l-Artikolu 5(a), tad-Direttiva dwar ir-ritorn, kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95/UE 2 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kwalifika”), għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru, qabel ma jimponi obbligu ta’ ritorn fuq minuri mhux akkumpanjat, għandu jiżgura ruħu – u jwettaq investigazzjoni għal dan il-għan – li f’kull każ, il-pajjiż ta’ oriġini joffri fil-prinċipju faċilità ta’ akkoljenza adegwata u li hija disponibbli?

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar ir-ritorn, moqri flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma huwiex awtorizzat jagħmel distinzjoni abbażi tal-età, sabiex jawtorizza r-residenza legali fit-territorju tiegħu, meta jkun stabbilit li minuri mhux akkumpanjat ma jikkwalifikax għall-istatus ta’ refuġjat jew għal protezzjoni sussidjarja?

L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar ir-ritorn għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta minuri mhux akkumpanjat ma jikkonformax mal-obbligu ta’ ritorn, u l-Istat Membru ma jiħux, u ma huwa ser jieħu, l-ebda miżura konkreta ta’ tneħħija, l-obbligu ta’ ritorn għandu jiġi sospiż u, għaldaqstant, għandha tiġi awtorizzata r-residenza legali? L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar ir-ritorn għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies li huwa kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u l-prinċipju ta’ lealtà Komunitarja li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn kontra minuri mhux akkumpanjat, mingħajr mbagħad ma jittieħdu miżuri ta’ tneħħija sakemm il-minuri mhux akkumpanjat jilħaq l-età ta’ tmintax-il sena?

____________

1     Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2     Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).