Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Satversmes tiesa (il-Latvja) fil-11 ta’ Ġunju 2019 – B vs Latvijas Republikas Saeima

(Kawża C-439/19)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Satversmes tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: B

Korp awtur tal-att, li l-konstituzzjonalità tiegħu hija inkwistjoni: Latvijas Republikas Saeima

Domandi preliminari

Il-kunċett ta’ “ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati jew relatata ma’ miżuri ta’ sigurtà” użat fl-Artikolu 10 tar-Regolament 2016/679 1 għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku lis-sewwieqa previst fid-dispożizzjoni inkwistjoni?

Irrispettivament mir-risposta għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2016/679, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ “integrità u kunfidenzjalità” stabbilit fl-Artikolu 5(1)(f), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jistabbilixxu li l-informazzjoni ġenerali dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku lis-sewwieqa tkun aċċessibbli lill-pubbliku u milli jippermettu l-ipproċessar tad-data korrispondenti permezz tal-komunikazzjoni tagħha?

Il-premessi 50 u 154, l-Artikoli 5(1)(b) u 10 tar-Regolament Nru 2016/679, kif ukoll l-Artikolu 1(2)(cc) tad-Direttiva 2003/98/KE 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku lis-sewwieqa sabiex tintuża mill-ġdid?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għal waħda mid-domandi preċedenti, il-prinċipji ta’ supremazija u ta’ ċertezza legali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretat fis-sens li jippermettu l-applikazzjoni tar-regola inkwistjoni u li jinżammu l-effetti ġuridiċi tagħha sakemm tingħata d-deċiżjoni finali tal-Qorti Kostituzzjonali?

____________

1 Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

2 Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 701).