Language of document : ECLI:EU:C:2010:426

Kawża C-271/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża tal-impjegati tas-servizz pubbliku komunali — Għoti dirett ta’ kuntratti, mingħajr sejħa għal offerti fuq il-livell tal-Unjoni, lil korpi ta’ assigurazzjoni msemmija fi ftehim kollettiv konkluż bejn imsieħba soċjali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Drittijiet fundamentali — Dritt ta’ negozjar kollettiv — Konċiljazzjoni mar-rekwiżiti dwar il-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 28; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; Direttiva tal-Kunsill 92/50)

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttivi 92/50 u 2004/18 — Kamp ta’ applikazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18; Direttiva tal-Kunsill 92/50)

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttivi 92/50 u 2004/18 — Kamp ta’ applikazzjoni — Valur tal-kuntratt

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 9(8); Direttiva tal-Kunsill 92/50, Artikolu 7(4) u (5))

1.        In-natura fundamentali tad-dritt ta’ negozjar kollettiv u l-għan soċjali ta’ ftehim kollettiv dwar il-konverżjoni, għall-impjegati tas-servizz pubbliku komunali, ta’ parti mir-remunerazzjoni f’kontribuzzjoni għall-pensjoni, meħuda fit-totalità tagħhom, ma jistgħux, fihom infushom, jimplikaw l-esklużjoni awtomatika tal-entitajiet komunali li jħaddmu mill-osservanza tar-rekwiżiti li joħorġu mid-Direttivi 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] u 2004/18 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], li japplikaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu provduti servizzi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

Fil-fatt il-klawżoli ta’ ftehim kollettivi ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-persuni.

Barra minn hekk, l-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali bħad-dritt ta’ negozjar kollettiv jista’ jkun suġġett għal ċerti restrizzjonijiet. B’mod partikolari għalkemm id-dritt ta’ negozjar kollettiv, fi Stat Membru, għandu protezzjoni kostituzzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat inkonformità mad-dritt tal-Unjoni.

Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa inerenti fl-eżerċizzju stess tal-libertà tal-imsieħba soċjali u tad-dritt ta’ negozjar kollettiv li jiġu ppreġudikati d-direttivi li japplikaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

Fl-aħħar nett, b’differenza mill-għan, miftiehem bejn l-imsieħba soċjali, li jittejjeb il-livell tal-pensjonijiet tal-impjegati tas-servizz pubbliku komunali, l-indikazzjoni ta’ korpi u ta’ impriżi fi ftehim kollettiv li għalihom huwa maħsub li jingħataw kuntratti ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija ta’ impriża ma taffettwax l-essenza tad-dritt ta’ negozjar kollettiv.

(ara l-punti 41-43, 47, 49)

2.        Stat Membru jonqos mill-obbligi tiegħu, sal-31 ta’ Jannar 2006, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8 u tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva 92/50 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] u, mill-1 ta’ Frar 2006, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 20 u 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], minħabba l-għoti dirett, mingħajr sejħa għal offerti, fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija ta’ impriża lil korpi jew lil impriżi pprovduti minn dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv, magħmul minn amministrazzjonijiet jew minn impriżi komunali li jkunu laħqu d-daqs kritiku, fin-numru ta’ impjegati, li minnhom il-valur tal-imsemmija kuntratti huwa daqs jew jaqbeż il-limitu rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttivi.

Fil-fatt, l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ta’ negozjar kollettiv għandu jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżiti li jirriżultaw mil-libertajiet protetti mit-Trattat FUE u jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, bilanċ ġust fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi rispettivi involuti, jiġifieri t-titjib tal-livell tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-ħaddiema kkonċernati, minn naħa, u l-implementazzjoni tal-libertajiet ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-ftuħ għall-kompetizzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, ma huwiex osservat minn dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li tħalli barra kompletament, u għal perijodu indefinit, l-applikazzjoni tar-regoli taħt id-Direttivi 92/50 u 2004/18 fil-qasam tat-tfaddil għall-irtirar tal-impjegati komunali, minkejja li l-osservanza tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi ma tirriżultax li hija inkonsistenti mat-twettiq tal-għan soċjali segwit mill-firmatarji tal-ftehim kollettiv.

Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li dawn l-imsemmija dispożizzjonijiet jissuġġettaw għall-kwalifika ta’ “kuntratti pubbliċi” huma sodisfatti meta, minn naħa, l-impjegati komunali, anki jekk jimplementaw, fil-qasam tal-assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża, għażla definita minn qabel permezz ta’ ftehim kollettiv, madankollu huma awtoritajiet kontraenti, u, min-naħa l-oħra, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni bħala grupp għandhom interess ekonomiku dirett għall-entitajiet li jħaddmu li jikkonkluduhom, b’tali mod li dawn jirrigwardaw kuntratti onerużi. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-benefiċjarji finali ta’ benefiċċji ta’ pensjoni huma l-ħaddiema li ssieħbu fl-imsemmija miżura ma huwiex tali li joħloq dubji dwar in-natura oneruża tal-imsemmija kuntratti.

(ara l-punti 44, 52, 53, 66, 75, 80, 89, 105 u d-dispożittiv)

3.        Fir-rigward ta’ kuntratti dwar servizzi ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija ta’ impriża ta’ impjegati tas-servizz pubbliku komunali permezz tal-konverżjoni ta’ parti mir-remunerazzjoni ta’ tfaddil għall-irtirar, il-“valur stmat tal-kuntratt” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 92/50 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] kif ukoll l-Artikolu 9(8)(a)(i) tad-Direttiva 2004/18 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], jikkorrispondi mal-valur stmat tal-primjums, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet imnaqqsa, bħala konverżjoni tas-salarju, mir-remunerazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati fl-amministrazzjoni jew fl-impriża komunali kkonċernata, u ddedikati għall-finanzjament tas-servizzi finali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża. Fil-fatt, l-imsemmija primjums jikkostitwixxu l-korrispettiv prinċipali tas-servizzi pprovduti mill-korp jew mill-impriża li tipprovdi servizzi lill-entità komunali li tħaddem fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ dawn is-servizzi. F’kuntest fejn indikazzjoni preċiża, fil-mument tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, tal-valur totali ta’ dawn il-primjums hija magħmula impossibbli minħabba l-għażla mogħtija lil kull impjegat, li jaderixxxi, jew le, għall-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju, u fid-dawl tat-tul ta’ tali kuntratt, li huwa twil, jew saħansitra indefinit, kemm it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 92/50 kif ukoll l-Artikolu 9(8)(b)(ii) tad-Direttiva 2004/18 jimponu li għandu jittieħed bħala l-bażi għall-kalkolu tal-valur stmat ta’ dan il-kuntratt “il-ħlas fix-xahar immultiplikat bi 48”. Għaldaqstant, qabel kollox, il-kalkolu għandu jkun ibbażat fuq stima tal-ammont medju ta’ kull xahar ta’ konverżjoni tar-rimunerazzjoni għal kull impjegat, immultiplikat bi 48, u, sussegwentement, għandu jkun iddeterminat, fid-dawl tar-riżultat ta’ din il-multiplikazzjoni, in-numru ta’ adeżjonijiet individwali ta’ impjegati għall-konverżjoni tas-salarju, neċessarju sabiex jintlaħaq il-limitu rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, u, fl-aħħar nett, abbażi ta’ stima tal-perċentwali ta’ parteċipazzjoni ta’ impjegati tas-servizz pubbliku komunali għall-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju, għandu jkun iddefinit l-ammont kritiku, f’numru ta’ impjegati, li abbażi tiegħu l-entitajiet komunali li jħaddmu taw kuntratti li jilħqu jew jaqbżu l-imsemmi limitu.

(ara l-punti 86-89)