Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (l-Awstrija) fil-25 ta’ Settembru 2018 – Adler Real Estate AG et

(Kawża C-605/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Adler Real Estate AG, Petrus Advisers LLP, TZ

Awtorità konvenuta: Finanzmarktaufsichtsbehörde

Domandi preliminari

Il-punt (iii) tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE 1 , emendata l-aħħar bid-Direttiva 2013/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ “rekwiżiti aktar strinġenti” għal “detentur ta’ ishma, jew persuna fiżika jew entità ġuridika”, il-fatt li l-“liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi” li jipprovdu rekwiżiti iktar stretti għan-notifika ta’ holdings, ikunu “superviżati” minn awtorità maħtura mill-Istat Membru skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE 2 [...] fuq offerti ta’ xiri u li tali superviżjoni tkun tkopri wkoll l-osservanza ta’ rekwiżiti iktar stretti fil-qasam ta’ notifika ta’ holdings fis-sens tad-Direttiva 2004/109/KE?

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludi prassi nazzjonali fejn deċiżjoni li għandha saħħa ta’ res judicata tal-awtorità superviżorja prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE, li tkun ikkonstatat ksur minn persuna tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-finijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/25/KE, tiġi attribwita natura vinkolanti wkoll fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra l-istess persuna, għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-finijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/109/KE (Direttiva tat-Trasparenza) li jirreferu għall-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/25/KE, bil-konsegwenza li l-persuna tkun prekluża milli tikkontesta legalment u fattwalment il-ksur diġà kkonstatat b’saħħa ta’ res judicata?

____________

1 ĠU 2004, L 390, p. 38

2 Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 20)