Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de grande instance de Paris (Franza) fit-22 ta’ Ottubru 2019 – FA vs BNP Paribas Personal Finance SA, Procureur de la République

(Kawża C-782/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de grande instance de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: FA

Konvenuta: BNP Paribas Personal Finance SA, Procureur de la République

Domandi preliminari

Id-Direttiva Nru 93/13 1 , interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, tipprekludi, f’proċess bħal dak fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni, fil-każijiet li ġejjin: (a) id-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, (b) il-ħlasijiet lura eventwali (ċ) meta l-konsumatur huwa l-applikant u (d) meta l-konsumatur huwa l-konvenut, inkluża kontrotalba?

F’każ ta’ risposta totalment jew parzjalment negattiva għall-ewwel domanda, id-Direttiva Nru 93/13, interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, tipprekludi, f’proċess bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni fid-data li fiha l-offerta ta’ self ġiet aċċettata, pjuttost mid-data li fiha seħħew diffikultajiet finanzjarji gravi?

Klawżoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu b’mod partikolari li l-frank Svizzeru hija l-munita tal-kont u l-euro l-munita ta’ ħlas, li għandhom bħala effett li jqiegħdu r-riskju tal-munita fuq min jissellef, jaqgħu taħt l-għan prinċipali tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fl-assenza ta’ kontestazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż tal-munita u fil-preżenza ta’ klawżoli li jipprevedu, fid-dati stabbiliti, il-possibbiltà għal min jissellef li jeżerċita għażla ta’ konverżjoni f’euro skont formula predeterminata?

Id-Direttiva Nru 93/13, interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività tad-Dritt [tal-Unjoni], tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tqis li klawżola jew sett klawżoli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma “ċari u komprensibbli” fis-sens tad-Direttiva, minħabba li:

l-offerta qabel is-self tagħti fid-detall it-tranżazzjonijiet tal-kambju mwettqa matul il-ħajja tal-kreditu u tippreċiża li r-rata tal-kambju euros kontra franki Svizzeri ser tkun dik applikabbli żewġ ġranet tax-xogħol qabel id-data tal-avveniment li tiddetermina t-tranżazzjoni u li hija ppubblikata fis-sit tal-Bank Ċentrali Ewropew;

issemma’ fl-offerta li min jissellef jaċċetta t-tranżazzjonijiet ta’ kambju ta’ franki Svizzeri f’euros u ta’ euros f’franki Svizzeri neċessarji għall-funzjonament u għall-ħlas lura tal-kreditu, u li min isellef ser jaħdem il-konverżjoni fi franki Svizzeri tal-bilanċ tal-pagamenti fix-xahar f’euros wara l-ħlas tal-piżijiet miżjuda tal-kreditu;

l-offerta tindika li, għalkemm jirriżulta mit-tranżazzjoni tal-munita somma inqas fi tmiem f’franki Svizzeri pagabbli, l-ammortizzament tal-kapital huwa inqas rapidu u l-eventwali parti tal-kapital mhux ammortizzat fit-tmiem ser ikun mniżżel għall-bilanċ tad-debitur tal-kont fi franki Svizzeri, u li huwa ppreċiżat li l-ammortizzament tal-kapital tas-self ser jiżviluppa skont il-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju applikat għall-pagamenti fix-xahar, ’il fuq jew ’l isfel, li dan l-iżvilupp jista’ jtawwal jew inaqqas it-tul tal-amortizzament tas-self u, skont il-każ, jemenda l-piż totali tal-ħlas lura;

l-artikoli “kont intern f’euros” u “kont intern fi franki Svizzeri” juru fid-dettal it-tranżazzjonijiet imwettqa għal kull pagament tat-tmiem għall-kreditu u għad-debitu ta’ kull kont, u li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tal-munita barranija; u minkejja li ma jidhirx fl-offerta, b’mod partikolari, la jissemma’ b’mod espress fir-“riskju tal-kambju” li jaqa’ fuq min isellef fid-dawl tal-assenza tal-perċezzjoni tad-dħul fil-moneta tal-kont, u lanqas ma jissemma’ b’mod espliċitu fir- “riskju tar-rata tal-interessi”?

Fl-eventwalità ta’ risposta pożittiva għar-raba’ domanda, id-Direttiva Nru 93/13 interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt [tal-Unjoni], tipprekludi ġurisprudenza li tqis li klawżola jew sett ta’ klawżoli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma “ċari u komprensibbli” fis-sens tad-direttiva, peress li jiżdiedu waħedhom mal-elementi li jaqgħu taħt ir-raba’ domanda, simulazzjoni ta’ waqgħa ta’ 5.37 % tal-munita ta’ regolazzjoni meta mqabbla mal-munita tal-kont, f’kuntratt ta’ tul inizzjali ta’ 25 sena, u mingħajr riferiment ieħor għat-termini bħal “riskju” jew “diffikultà”?

L-oneru tal-prova tan-natura “ċara u komprensibbli” ta’ klawżola fis-sens tad-Direttiva 93/13 jaqa’, inklużi dwar iċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni tal-kuntratt, fuq il-professjonist jew fuq il-konsumatur?

Għalkemm l-oneru tal-prova tan-natura ċara u komprensibbli tal-klawżola jaqa’ fuq il-professjonist, id-Direttiva 93/13 tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tqis, fil-preżenza ta’ dokumenti dwar tekniki ta’ bejgħ, li jaqa’ fuq min isellef li jipprova, minn naħa, li ġew iddestinati b’informazzjoni li jinsabu f’dawn id-dokumenti u, min-naħa l-oħra, li hija l-bank li indirizzathom, jew, bil-kontra, jeħtieġ li dawn l-elementi jikkostitwixxu preżunzjoni li l-informazzjoni li ntstabet f’dawn id-dokumenti ġiet trażmessa, inkluż verbalment, lil min isellef, preżunzjoni sempliċi li taqa’ fuq il-professjonist, li għandu jirrispondi b’informazzjoni kkomunikata mill-intermedjarji li għażel, li jirrifjutaw?

L-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv tista’ tkun ikkaratterizzata f’kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fih iż-żewġ partijiet jissubixxu riskju ta’ kambju, peress li, minn naħa, il-professjonist għandu mezzi superjuri għall-konsumatur biex jantiċipa ir-risju tal-kambju u li, minn naħa l-oħra, ir-riskju sostnut mill-professjonist huwa b’kappa filwaqt li dak sostnut mill-konsumatur ma huwiex?

____________

1  Direttiva tal-kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).