Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2019 mill-Parlament Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-20 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-47/18, UZ vs Il-Parlament

(Kawża C-894/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: V. Montebello-Demogeot, I. Lázaro Betancor, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: UZ

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

konsegwentement, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza;

tiddeċiedi li kull wieħed mill-partijiet għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati ma’ din l-istanza;

tikkundanna lil UZ għall-ispejjeż relatati mal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell, ibbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żnaturament tal-fatti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Parlament jargumenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-investigazzjonijiet imwettqa kienu vvizzjati b’nuqqas ta’ imparzjalità oġġettivi. L-għarfien limitat u minn qabel tal-fatti min-naħa ta’ wieħed mill-investigaturi ma kienx ta’ natura li jiġġustifika dubju leġittimu dwar l-imparzjalità oġġettiva tiegħu għaliex dan id-dubju seta’ jiġi nnewtralizzat bl-intervent ta’ diversi investigaturi għall-istess investigazzjoni. Dan il-punt essenzjali lanqas ttieħed inkunsiderazzjoni mill-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali la eżaminat u lanqas immotivat b’liema mod l-allegat nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva, f’dan il-kuntest, seta’ jwassal għal riżultat differenti, bħalma teżiġi l-ġurisprudenza.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żnaturament tal-fatti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fil-konklużjoni li tistabbilixxi ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet matul il-ħidma tal-Bord ta’ Dixxiplina. Il-Parlament jargumenta li l-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu naqsu milli jirrikonoxxu l-punti ta’ fatt meta ddeċidew b’mod żbaljat li l-Awtorità tal-Ħatra kienet irrappreżentata minn żewġ persuni meta l-appellant kien jibbenefika minn drittijiet ekwivalenti u kien akkumpanjat mill-avukat tiegħu. Il-Parlament iqis li l-Qorti Ġenerali indebitament warrbet il-ġurisprudenza tagħha dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-qasam amministrattiv u naqset milli teżamina jekk, fl-assenza ta’ din l-allegata rregolarità, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti.

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, ibbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żnaturament tal-fatti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fil-konklużjoni li tirrikonoxxi ksur tad-dritt għal smigħ tal-appellant, il-Parlament jargumenta li r-rikorrenti f’dik il-kawża instemgħet debitament, minn naħa, oralment, abbażi ta’ delega tal-Awtorità tal-Ħatra u, min-naħa l-oħra, permezz tat-trażmissjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha wara s-seduta. Peress li d-delega hija prevista mil-leġiżlazzjoni interna u sseħħ biss meta l-Awtorità tal-Ħatra li tiddelega ma tkunx tista’ taġixxi hija stess minħabba raġunijiet ta’ servizz, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Artikolu 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx ġie osservat. Barra minn hekk, il-Parlament jinvoka żball fil-klassifikazzjoni ta’ tnaqqis fil-grad minn AD 13 għal AD 12 bħala sanzjoni serja għaliex din tinvolvi t-telf ta’ pożizzjoni ta’ tmexxija. Fl-aħħar nett, il-Parlament jallega li l-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu ma eżaminawx jekk, fil-każ li r-rikorrenti f’dik il-kawża kienet instemgħet direttament mill-Awtorità tal-Ħatra, hija kienet tkun tista’ tippreżenta punti differenti minn dawk fil-proċess u sa liema punt id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra setgħet effettivament tkun differenti.

____________