Language of document : ECLI:EU:F:2013:153

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

17 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑60/09 RENV

Gerhard Birkhoff

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Kawża mibgħuta lura lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara annullament — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għal wild dipendenti — Wild milqut minn marda gravi jew minn diżabbiltà li timpedih milli jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu — Talba għall-estensjoni tal-ħlas tal-allowance”

Suġġett:      Kawża F‑60/09 mibgħuta lura lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, inizjalment imressqa abbażi tal-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Novembru 2011, Birkhoff vs Il‑Kummissjoni (T‑10/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza li tibgħat lura l-kawża”), li tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-27 ta’ Ottubru 2010, Birkhoff vs Il‑Kummissjoni (F‑60/09 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2010”), li kienet iddeċidiet fuq ir-rikors, li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-24 ta’ Ġunju 2009, li permezz tiegħu G. Birkhoff essenzjalment talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-14 ta’ Novembru 2008, li tirrifjuta li testendilu, lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2008, il-ħlas tal-allowance għal wild dipendenti (iktar ’il quddiem l-“allowance inkwistjoni”), li kien ilu jirċievi mill-1978, abbażi tal-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), peress li bintu ssofri minn diżabbiltà.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn G. Birkhoff fil-Kawża F‑60/09 u fil-Kawża T‑10/11 P. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha sostnuti fil-Kawża F‑60/09 RENV.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Sostituzzjoni tal-motivi tal-att ikkontestat matul il-proċedura — Inammissibbiltà — Eċċezzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għal wild dipendenti — Dritt għall-estensjoni mingħajr limitu ta’ età fil-każ tal-impossibbiltà għall-wild li jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu — Obbligi tal-amministrazzjoni — Kompetenza limitata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 2(5))

1.      L-amministrazzjoni tista’ tissostitwixxi jew iżżid motiv għal deċiżjoni matul il-proċedura biss jekk jirriżulta li hija tkun f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata, b’tali mod li l-annullament possibbli tad-deċiżjoni kontenzjuża jista’ jkollu biss l-effett li jobbliga lill-amministrazzjoni tieħu deċiżjoni ġdida, identika fil-mertu, għad-deċiżjoni annullata.

(ara l-punt 39)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ Ġunju 2008, De Fays vs Il‑Kummissjoni, F‑97/07, punt 70; 14 ta’ April 2011, Šimonis vs Il‑Kummissjoni, F‑113/07, punt 93, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-estensjoni tal-ħlas tal-allowance prevista fl-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tinkiseb mingħajr limitu tal-età fil-każ li l-wild ikun isofri minn marda gravi jew minn diżabbiltà li timpedih milli jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu, u għat-tul sħiħ ta’ din il-marda jew diżabbiltà. Din id-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda setgħa diskrezzjonali lill-awtorità kompetenti sabiex tagħti jew le l-benefiċċju tal-allowance inkwistjoni, iżda tagħtiha kompetenza limitata, fis-sens li mill-formulazzjoni imperattiva tagħha jirriżulta li l-awtorità hija obbligata tagħti l-allowance għal wild dipendenti meta hija tikkonstata li l-kundizzjonijiet imsemmija fiha jkunu ġew issodisfatti u tirrifjutaha fil-każ kuntrarju.

(ara l-punt 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Ottubru 2003, Šimonis vs Il‑Kummissjoni, T‑302/01, punt 38