Language of document : ECLI:EU:T:2018:616

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

27 ta’ Settembru 2018 (*)

“Protezzjoni tal-konsumaturi – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1056 – Regolament ta’ Implimentazzjoni li jestendi l-perijodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva ‘glifosat’ – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Talba għal reviżjoni interna – Artikolu 2(1)(g) u Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 – Miżura ta’ portata individwali – Konvenzjoni ta’ Aarhus”

Fil-Kawża T‑12/17,

Mellifera eV, Vereinigung für wesensgemäße Bienenhaltung, stabbilita f’Rosenfeld (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Willand, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u C. Hermes, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares (2016) 6306335, tas-8 ta’ Novembru 2016, li tiċħad talba għal reviżjoni interna, ibbażata fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1056 tad-29 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat (ĠU 2016, L 173, p. 52),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, A. Dittrich u P. G. Xuereb (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Mellifera eV, Vereinigung für wesensgemäße Bienenhaltung, hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, irreġistrata fil-Ġermanja, li taħdem favur il-konservazzjoni u l-promozzjoni tan-naħal.

 Dwar l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ‘glifosat’ u l-estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni

2        Permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/99/KE tal-20 ta’ Novembru 2001 li temenda l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-glifosat u t-tifensulfuron-metil bħala sustanzi attivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 182), is-sustanza attiva ‘glifosat’ ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332) u kienet għalhekk approvata skont din l-aħħar direttiva, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2002.

3        Id-Direttiva 91/414 tħassret, b’effett mill-14 ta’ Ġunju 2011 u bla ħsara għal ċerti miżuri tranżitorji, mir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).

4        L-Artikolu 78(3) tar-Regolament Nru 1107/2009 kien jipprevedi l-adozzjoni ta’ regolament li fih il-lista tas-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, peress li dawn is-sustanzi huma meqjusa approvati bis-saħħa tar-Regolament Nru 1107/2009.

5        Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU 2011, L 153, p. 1), adotta l-lista prevista mill-Artikolu 78(3) tar-Regolament Nru 1107/2009.

6        Il-glifosat kien inkluż f’din il-lista, b’data ta’ skadenza tal-perijodu ta’ approvazzjoni tal-31 ta’ Diċembru 2015.

7        Applikazzjoni għat-tiġdid ta’ din l-approvazzjoni ġiet ippreżentata fit-termini stabbiliti.

8        L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni għat-tul ta’ żmien tal-proċedura”, jipprovdi, dan li ġej, fl-ewwel paragrafu:

“Fejn għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant jidher li l-approvazzjoni x’aktarx tiskadi qabel ma’ tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid, għandha tiġi adottata deċiżjoni skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3), li tipposponi l-iskadenza tal-perijodu għall-approvazzjoni għal dak l-applikant għal perijodu suffiċjenti biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni.”

9        Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1885 tal-20 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi li ġejjin: […] glifosat […] (ĠU 2015, L 276, p. 48), li ġie adottat fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009, il-Kummissjoni Ewropea estendiet il-perijodu ta’ approvazzjoni tal-glifosat sat-30 ta’ Ġunju 2016, minħabba li l-evalwazzjoni tas-sostanza kienet ġiet imdewma minħabba raġunijiet indipendenti mir-rieda tal-applikant.

10      Matul id-diskussjonijiet li saru fit-18 u fid-19 ta’ Mejju 2016 fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, għadd ta’ Stati Membri qiesu li kien xieraq li tintalab l-opinjoni tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) dwar il-klassifikazzjoni armonizzata tal-glifosat fir-rigward tal-karċinoġeniċità tagħha qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tagħha, minħabba li tali opinjoni setgħet tkun rilevanti fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament Nru 1107/2009. Il-Kummissjoni tat segwitu għal dan is-suġġeriment.

11      Fid-dawl taż-żmien meħtieġ għall-eżami tal-fajl dwar il-klassifikazzjoni armonizzata mill-ECHA, il-Kummissjoni qieset li l-approvazzjoni fis-seħħ tal-glifosat kienet ser tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għaldaqstant, hija qieset li kien neċessarju li testendi l-approvazzjoni tal-glifosat.

12      Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1056 tad-29 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva ‘glifosat’ (ĠU 2016, L 173, p. 52), il-Kummissjoni estendiet, għat-tieni darba, il-perijodu ta’ approvazzjoni tal-‘glifosat’ abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009, li jindika d-data ta’ skadenza ġdida tagħha, jiġifieri “[sitt] xhur mid-data meta l-Kummissjoni tirċievi l-opinjoni tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), jew il-31 ta’ Diċembru 2017 skont liema minnhom jiġi l-ewwel”.

 Fuq it-talba għal reviżjoni interna

13      Fil-11 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għal reviżjoni interna tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1056, abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).

14      Permezz tad-Deċiżjoni Ares (2016) 6306335, tat-8 ta’ Novembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba għal reviżjoni interna bħala inammissibbli għar-raġuni li l-att imsemmi minn din it-talba ma kienx jikkostitwixxi att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g), tar-Regolament Nru 1367/2006, jiġifieri miżura ta’ portata individwali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1056 kienu japplikaw għall-operaturi kollha li jimmanifatturaw jew li jqiegħdu fis-suq prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glifosat.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti pprżentat dan ir-rikors.

16      Ir-risposta ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Marzu 2017.

17      Ir-replika u l-kontroreplika ġew iddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Mejju u fis-26 ta’ Ġunju 2017 rispettivament.

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida fuq il-mertu dwar it-talba tagħha għal reviżjoni interna tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1056;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat, f’dak li jikkonċerna t-talba għal annullament, u bħala manifestament inammissibbli, fir-rigward tal-applikazzjoni għal ordni ta’ inibizzjoni;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      Fid-29 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni ressqet talba għal trattament prijoritarju b’applikazzjoni tal-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. B’deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2017, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal trattament prijoritarju.

21      Permezz ta’ ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Diċembru 2017, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom fuq il-konsegwenzi ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat għal perijodu ta’ ħames snin, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2324 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2017, L 333, p. 10) fuq dan ir-rikors u b’mod partikolari dwar l-interess ġuridiku tar-rikorrenti.

22      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw ir-risposti tagħhom għal din id-domanda fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Jannar 2018.

 Id-dritt

23      Skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fl-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fi żmien tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ u tiddeċiedi dwar ir-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti tal-proċess, iddeċidiet, fl-assenza ta’ tali talba, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq l-interess ġuridiku

24      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, EU:T:2010:511, punt 41; id-digrieti tad-9 ta’ Novembru 2011, ClientEarth et vs Il‑Kummissjoni, T‑120/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:646, punt 46, u tat-30 ta’ April 2015, EEB vs Il‑Kummissjoni, T‑250/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:274, punt 14).

25      L-interess ġuridiku tar-rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun jeżisti fil-mument tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà u jippersisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni, u dan jippreżupponi li r-rikors jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, EU:T:2010:511, punti 42 u 43; id-digrieti tad-9 ta’ Novembru 2011, ClientEarth et vs Il‑Kummissjoni, T‑120/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:646, punti 47 u 49, u tat-30 ta’ April 2015, EEB vs Il‑Kummissjoni, T‑250/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:274, punti 15 u 17).

26      Il-Kummissjoni ssostni, fir-risposta tagħha għad-domanda tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt, li d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/2324 ċaħħad lir-rikorrenti minn interess ġuridiku f’dik li kienet tikkonċerna t-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li t-talba għal ordni ta’ inibizzjoni tagħha hija qabelxejn manifestament inammissibbli. Skont il-Kummissjoni, tali annullament ma jkunx jista’ jipprovdi benefiċċju lir-rikorrenti. Ċertament, kieku l-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi mill-ġdid dwar talba għal reviżjoni interna tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1056 imressqa mir-rikorrenti skont l-evalwazzjoni ġuridika tal-Qorti Ġenerali. Issa, ir-reviżjoni interna tal-kontenut tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1056 ma tkunx tista’ tipprovdi benefiċċju iżjed lir-rikorrenti, peress li dan ir-regolament kellu bħala uniku għan li jestendi suffiċjentement il-perijodu ta’ approvazzjoni tal-glifosat biex jeżamina l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/2324 sadanittant kien ġedded l-approvazzjoni tal-glifosat għall-perijodu inkluż bejn is-16 ta’ Diċembru 2017 u l-15 ta’ Diċembru 2022, ir-reviżjoni interna tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1056 ikun sar mingħajr għan.

27      Fl-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għad-domanda tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ssostni li l-interess ġuridiku tagħha ma għebietx. F’dan ir-rigward, hija ssostni li r-reviżjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1056 hija dejjem possibbli. Hija ssostni barra minn hekk li l-fatt li l-att inkwistjoni jibqa’ jeżisti u jipproduċi effett legali ma jkunx prerekwiżit għal reviżjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006. Finalment, ir-rikorrenti tinvoka r-riskju li l-illegalità allegata f’dan ir-rikors milli terġa’ sseħħ fil-futur.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rikorrenti għandha interess sabiex titlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi evitat li l-illegalità allegata tiegħu ma terġax isseħħ fil-futur. Tali interess ġuridiku jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jipprovdi li l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie ddikjarat null għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu tali interess ġuridiku jista’ jeżisti biss jekk l-illegalità allegata tkun tista’ sseħħ mill-ġdid fil-futur, indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għar-rikors ippreżentat mir-rikorrent (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 50 sa 52, u tat-22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 32).

29      Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li l-illegalità allegata tar-rikorrenti hija bbażata fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-imsemmi regolament, li l-Kummissjoni probabbilment tirrepeti fil-każ ta’ talba ġdida għal reviżjoni interna ta’ att amministrattiv taħt il-liġi ambjentali.

30      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti indikat li, skont l-iskop statutorju tagħha u l-għanijiet tagħha, hija kienet ser tressaq fil-futur talbiet għal reviżjoni interna jekk il-Kummissjoni kienet ser tieħu deċiżjonijiet dubjużi dwar l-approvazzjoni tal-glifosat jew sustanzi attivi oħra. B’hekk, ir-rikorrenti ddikjarat, fir-risposta tagħha għad-domanda tal-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/2324, li hija kienet ser titlob reviżjoni interna ta’ dan ir-regolament sa mhux iktar tard mis-26 ta’ Jannar 2018.

31      Min-naħa l-oħra, mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriżulta li din tal-aħħar tikkunsidra li regolament li jirrigwarda l-estensjoni tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009, l-istess bħal Regolament dwar l-approvazzjoni inizjali ta’ tali sustanza skont l-Artikolu 13(2) ta’ dak ir-regolament li jġedded l-approvazzjoni skont l-Artikolu 20 tal-istess regolament, jitfa’ effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt u jikkostitwixxi għalhekk miżura ta’ portata ġenerali, u mhux att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-imsemmi regolament. Minn dan isegwi li huwa probabbli li l-Kummissjoni tirrepeti din l-interpretazzjoni fl-okkażjoni ta’ talba għal reviżjoni interna ta’ regolament li jipprevedi l-approvazzjoni inizjali ta’ sustanza attiva jew regolament li jġedded l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2017/2324.

32      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti żammet l-interess ġuridiku tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ammissibbiltà

33      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talba tagħha għal reviżjoni interna. Permezz ta’ dan il-kap ta’ talbiet, ir-rikorrenti titlob għalhekk, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali biex tindirizza ordni ta’ inibizzjoni lill-Kummissjoni. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni hija limitata għall-istħarriġ tal-legalità tal-att ikkontestat u l-Qorti Ġenerali ma tistax, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, tindirizza ordni ta’ inibizzjoni lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa l-obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li tieħu, skont l-Artikolu 266 TFUE, il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ sentenza ta’ annullament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Marzu 2014, PAN Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑192/12, mhux ippubblikat, EU:T:2014:152, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Minn dan isegwi li t-tieni kap ta’ talbiet huwa inammissibbli.

35      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti li r-rikorrenti ressqet fir-replika, filwaqt li tirrikonoxxi li, skont il-ġurisprudenza eżistenti tal-qrati tal-Unjoni, it-tieni kap ta’ talbiet tagħha ma huwiex ammissibbli, hija madankollu ssostni li dan ikollu l-konsegwenza li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tagħha għal reviżjoni interna u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jista’ jiġi ttardjat b’mod inaċċettabbli u, fl-aħħar mill-aħħar, magħmul impossibbli. Skont ir-rikorrenti, huwa għalhekk indikat, fl-interess ta’ applikazzjoni effettiva tar-Regolament Nru 1367/2006 u sabiex tissalvagwarda d-drittijiet tagħha, li l-eżaminazzjoni tal-mertu tal-ilmenti tagħha kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1056 ssir l-iskop ta’ din il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, dan l-argument jista’ biss jiġi miċħud. Fil-fatt, meta jagħti lill-applikant id-dritt li jressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1367/2006 jirreferi biss għad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni b’risposta għat-talba għal reviżjoni interna. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Testbiotech et vs Il‑Kummissjoni (T‑177/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:736), invokata minnha f’dan ir-rigward, tikkonferma li, minkejja li huwa inerenti f’talba għal reviżjoni interna ta’ att amministrattiv li l-applikant jikkontesta l-legalità jew il-fondatezza tal-att imsemmi, dan ma jfissirx li r-rikorrent jista’ jqajjem, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra r-rifjut ta’ reviżjoni, argumenti li jikkontestaw direttament il-legalità jew il-fondatezza tal-att imsemmi (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Testbiotech et vs Il‑Kummissjoni, T‑177/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:736, punt 56).

36      Fir-replika, ir-rikorrenti rrilevat li kellha l-intenzjoni li titlob lill-Qorti Ġenerali biex tordna miżuri provviżorji, li jikkorrispondu għat-tieni kap tat-talbiet tagħha, abbażi tal-Artikolu 279 TFUE. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ebda talba f’dan is-sens ma tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq it-talba ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

37      Fir-replika, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda skont l-Artikolu 89(2)(b) u l-Artikolu 89(3)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-mertu dwar it-talba għal reviżjoni interna jew, għall-inqas, li tiddeċiedi fuq dan il-punt.

38      It-talba tagħha tista’ biss tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

39      Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni rrilevat ġustament, ir-rikorrenti ma tistax, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tikseb madwar il-prinċipju tad-dritt li jipprovdi li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jindirizzaw ordni għall-inibizzjoni lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

 Fuq il-mertu

40      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament, u tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

41      Il-motiv uniku tar-rikors jinkludi, essenzjalment, żewġ partijiet, fejn l-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament, u t-tieni fuq il-ksur tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament

42      Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1056 jikkostitwixxi miżura ta’ portata individwali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, li għalhekk jista’ jkun is-suġġett ta’ talba għal reviżjoni interna skont l-Artikolu 10(1) ta’ dak ir-regolament.

43      Ir-rikorrenti tfakkar, f’dan ir-rigward, li huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-miżuri ta’ portata individwali minn dawk ta’ portata ġenerali, peress li dawn tal-aħħar huma miżuri li japplikaw għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li għandhom effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

44      Ir-rikorrenti ssostni li l-estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009 tidħol fil-kuntest ta’ proċedura ta’ approvazzjoni, li matulha għandha tittieħed deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza inkwistjoni. Din l-estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni tipproduċi effett legali fir-rigward tal-applikant, li huwa b’hekk awtorizzat li jfittex il-kummerċjalizzazzjoni tas-sustanza inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, il-fatt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1056 ġie adottat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ approvazzjoni li tipprevedi talba individwali jinvoka, fid-dawl tal-ġurisprudenza, favur il-konklużjoni li tgħid li l-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni għandu n-natura ta’ miżura ta’ portata individwali.

45      Skont ir-rikorrenti, dawn il-karatteristiċi jiddistingwu l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1107/2009 ta’ regolament li jistabbilixxi l-limiti massimi applikabbli għar-residwi ta’ ċerti prodotti fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414 (ĠU 2005, L 70, p. 1). L-iffissar ta’ tali livelli massimi huwa indirizzat lil kwalunkwe persuna li tqiegħed dawn il-prodotti fis-suq jew li jbiddilhom. Min-naħa l-oħra, l-estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009 hija indirizzata biss lill-applikant u lid-detentur attwali tal-approvazzjoni.

46      Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva għandha wkoll effetti favorevoli għall-produtturi potenzjali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernati u għal operaturi oħra. Fil-fehma tagħha, madankollu, din hija sitwazzjoni tipika ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott li ngħata lil impriża, iżda li jibbenefika indirettament lil utenti oħra tal-prodott, li jistgħu jużawh għall-finijiet li għalihom huwa awtorizzat. Il-fatt li l-approvazzjoni ta’ prodott, li hija indirizzata lil detentur tal-approvazzjoni ddeterminata, jibbenefika sussegwentement minn numru kbir ta’ operaturi ekonomiċi madankollu ma jbiddel xejn mill-fatt li l-approvazzjoni nnifisha tikkostitwixxi miżura ta’ portata individwali.

47      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li effetti oħrajn favorevoli tal-approvazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva, ma jirriżultawx mill-approvazzjoni tas-sustanza attiva, iżda mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-qasam, b’mod partikolari tar-Regolament Nru 1107/2009.

48      Skont ir-rikorrenti, l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva bis-saħħa tar-Regolament Nru 1107/2009 hija mqabbla mal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ organi ġenetikament modifikati bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432), emendat fl-aħħar lok mir-Regolament (KE) Nru 298/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008, L 97, p. 64), li jikkostitwixxi miżura ta’ portata individwali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006.

49      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1056 huwa biss deċiżjoni interim maħruġ waqt il-proċedura ta’ tiġdid, li għandu l-għan li jissalvagwardja d-drittijiet individwali tal-applikant għat-tiġdid. Skont il-kliem stess tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009, din kienet deċiżjoni meħuda f’każ individwali, li hija intiża li tipproduċi effett fir-rigward tal-applikant u tirrigwarda l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għat-tiġdid.

50      Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva ma tikkostitwixxix regolament astratt u ġenerali, peress li hija ma tistabbilixxix rekwiżiti li s-sustanza inkwistjoni għandha tissodisfa, iżda tippermetti lil din is-sustanza. Għall-kuntrarju, hija att ta’ implimentazzjoni tipika, jiġifieri każ tal-applikazzjoni f’każ konkret għar-rekwiżiti tal-Artikoli 4 et seq. tar-Regolament Nru 1107/2009.

51      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-approvazzjoni tas-sustanza attiva hija pass preliminari u parti mill-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Ma hemm, barra minn hekk, ebda raġuni li jiġi kkunsidrat li, filwaqt li l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti huwa att amministrattiv, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva li tinsab f’din l-awtorizzazzjoni tikkostitwixxi, min-naħa tagħha, miżura ta’ portata ġenerali. Dan huwa biss minħabba t-tqassim tal-kompetenzi, dovut għal kunsiderazzjonijiet ta’ mertu bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien qasam, fir-Regolament Nru 1107/2009, il-proċedura għal permess f’diversi stadji.

52      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

53      Preliminarjament, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) (g) tal-imsemmi regolament, li kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istess regolament għandha d-dritt li tressaq talba għal reviżjoni interna lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni li adottat att amministrattiv taħt id-dritt dwar l-ambjent. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li r-rikorrenti hija organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1367/2006. Hija ma tikkontestax lanqas li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1056, li kien imsemmi fit-talba ta’ reviżjoni interna tar-rikorrenti, tikkostitwixxi att adottat taħt id-dritt ambjentali.

54      Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1056 għandu jiġi kkunsidrat bħala att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006. Skont din id-dispożizzjoni, att amministrattiv hija miżura ta’ portata individwali. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1056 għandu portata individwali jew jekk din hijiex miżura ta’ portata ġenerali.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ att, il-Qorti tal-Unjoni ma tistax tikkuntenta ruħha mill-isem uffiċjali tal-att, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, l-għan u l-kontenut tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits et vs Il‑Kunsill, 16/62 u 17/62, EU:C:1962:47, p. 901, 918). Miżura titqies ta’ ambitu ġenerali meta tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u tinvolvi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (sentenzi tat-21 ta’ Novembru 1989, Usines coopératives de déshydratation du Vexin et vs Il‑Kummissjoni, C‑244/88, EU:C:1989:588, punt 13, u tal-15 ta’ Jannar 2002, Libéros vs Il‑Kummissjoni, C‑171/00 P, EU:C:2002:17, punt 28).

56      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1056 ġie adottat abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-miżura li tipprevedi tittieħed fil-kuntest ta’ proċedura għat-tiġdid ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva. Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-applikazzjoni għat-tiġdid għandha tiġi ppreżentata mill-produttur tas-sustanza attiva inkwistjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009, miżura li tipposponi l-iskadenza tal-approvazzjoni “għal dan l-applikant”, tittieħed jekk, għal raġunijiet lil hinn “mir-rieda tal-applikant”, jidher li l-approvazzjoni se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni għat-tiġdid. Għaldaqstant, jirriżulta mit-test innifsu tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009 li l-miżura prevista f’din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipproteġi l-interessi tal-applikant għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva, kif, wara kollox, irrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-kontroreplika. Il-fatt li tali miżura tittieħed mingħajr ma jkun meħtieġ li l-applikant għat-tiġdid iressaq talba f’dan is-sens ma jaffettwax din il-konklużjoni.

57      Madankollu, għandu jiġi ċċarat li l-għan u l-kontenut tal-miżura prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009 ma humiex limitati li jagħtu lill-applikant għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva protezzjoni kontra r-riskju li l-proċedura ta’ tiġdid inkwistjoni tkun ittardjata għal raġunijiet lil hinn mir-rieda tal-imsemmi applikant.

58      Fil-fatt, Regolament ta’ Implimentazzjoni adottat abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009 jestendi l-approvazzjoni tas-sustanza attiva inkwistjoni għal ċertu perijodu. Din il-miżura għandha għalhekk l-istess konsegwenzi bħal Regolament ta’ Implimentazzjoni li jirrigwarda l-approvazzjoni inizjali ta’ tali sustanza skont l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament jew regolament fir-rigward ta’ tiġdid tal-approvazzjoni skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1107/2009 jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-proċeduri għall-approvazzjoni u t-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, li huma s-suġġett tad-disposizzjonijiet li jidhru fil-Kapitolu II (Artikoli 4 sa 27) u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanza attiva, li hija rregolata mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu III tiegħu(Artikoli 28 sa 57). Skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jistax jitqiegħed fis-suq jew jintuża ħlief jekk ikun ġie awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat skont ir-Regolament Nru 1107/2009. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 29(1)(a) tar-Regolament Nru 1107/2009 li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jiġi awtorizzat biss jekk is-sustanza attiva li tkun fih ġiet approvata.

60      Konsegwentement, l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva abbażi tar-Regolament Nru 1107/2009 ma jiġġenerax biss effetti legali fil-konfront ta’ persuna li tkun talbet tali approvazzjoni, iżda wkoll fir-rigward ta’ kull operatur li l-attivitajiet tagħha jeħtieġu approvazzjoni, b’mod partikolari produtturi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom dik is-sustanza attiva u ta’ kwalunkwe awtorità pubblika kompetenti, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, li għandhom ir-responsabbiltà tal-awtorizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti, liema fatt barra minn hekk ir-rikorrenti rrikonoxxiet fir-replika.

61      Għalhekk, minn naħa, fir-rigward ta’ produtturi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, dawn jistgħu jitolbu, wara l-approvazzjoni tas-sustanza attiva, mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, awtorizzazzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih din is-sustanza attiva, mingħajr ma jkun neċessarju li kienu ħadu sehem fil-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ din is-sustanza attiva.

62      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva għandha l-effett legali li tagħtihom il-possibbiltà, bla ħsara għal serje ta’ kundizzjonijiet addizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1107/2009, li jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva, jekk talba f’dan is-sens tkun tressqet (digriet tat-28 ta’ Settembru 2016, PAN Europe etvs Il‑Kummissjoni, T‑600/15, EU:T:2016:601, punt 25).

63      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1056 għandu portata ġenerali, sa fejn japplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni maħsuba b’mod ġenerali u astratt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, T‑262/10, EU:T:2011:623, punt 23).

64      Ċertament, Regolament ta’ Implimentazzjoni li jirrigwarda approvazzjoni, l-estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni jew għat-tiġdid ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva abbażi tar-Regolament Nru 1107/2009 ma jistabbilixxix rekwiżiti li l-użu ta’ din is-sustanza għandha tissoddisfa u hija differenti għalhekk minn regolament li jistabbilixxi l-limiti massimi applikabbli għar-residwi ta’ ċerti prodotti, abbażi tar-Regolament Nru 396/2005, kif ir-rikorrenti osservat ġustament. Madankollu, din id-differenza ma għandhiex effett fuq in-natura ta’ portata ġenerali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1056.

65      Minn dan isegwi li Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009, bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1056 inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jitqies bħala miżura ta’ portata ġenerali u li, konsegwentement, ma jikkostitwixxix att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) u tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

66      Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

67      L-ewwel nett, kif din ġiet imfakkra fil-punt 55 iktar ’il fuq, sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ att, mhuwiex biżżejjed li sempliċement wieħed jikkuntenta bl-isem uffiċjali tiegħu, iżda għandha, bħala prijorità, tieħu inkunsiderazzjoni l-għan u l-kontenut tiegħu. Konsegwentement, il-fatt li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009 jirreferi għal “deċiżjoni” li tipposponi l-iskadenza tal-perijodu ta’ approvazzjoni ma jippermetti bl-ebda mod li tiġi ddubitata mill-fatt li l-att ikkonċernat huwa, fid-dawl tal-għan u l-kontenut tiegħu, att ta’ portata ġenerali u mhux att ta’ portata individwali.

68      Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009 u mill-kuntest tiegħu li t-terminu “deċiżjoni” jintuża f’sens wiesa’ ta’ att li jipproduċi effetti legali, inkluż atti bħal dawk tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1056.

69      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-azzjoni meħuda biex jiġi estiż il-perijodu ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009, ma huwiex indirizzat biss lill-applikant u d-detentur attwali tal-approvazzjoni. Fil-fatt, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1056 ma jindika l-ebda destinatarju, iżda jillimita ruħu li jipprevedi, fl-Artikolu 2 tiegħu, li huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, liema fatt ir-rikorrenti rrikonoxxiet fir-replika. L-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva ma għandhiex bżonn ta’ destinatarju, għaliex l-ebda awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ma hi meħtieġa fir-rigward ta’ sustanzi attivi, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-fatt li tali approvazzjoni ma hijiex indirizzata lil destinatarju wieħed jew iktar msemmija individwalment, iżda għal kategoriji ta’ destinatarji previsti b’mod ġenerali u astratt, b’mod partikolari l-produtturi ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

70      It-tielet nett, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 1107/2009 jiddistingwi ċarament, minn naħa, il-proċeduri ta’ approvazzjoni, ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni u ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva u, min-naħa l-oħra, il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom tali sustanza attiva (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ma tistax, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, titqies bħala parti mill-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

71      Ir-raba’ nett, għalkemm id-distinzjoni, mir-Regolament Nru 1107/2009, bejn il-proċeduri msemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq kienet biss, kif tallega r-rikorrenti, l-eżitu tat-tqassim tal-kompetenzi, minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ mertu bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li l-miżuri dwar l-approvazzjoni, l-estensjoni tal-approvazzjoni jew it-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi, adottati abbażi tar-Regolament Nru 1107/2009, għandhom portata ġenerali.

72      Il-ħames nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dan il-każ ma jirrigwardax sitwazzjoni tipika ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott mogħti lil impriża, li tibbenefika indirettament lil utenti oħra tal-prodott, li jistgħu jużaw dan għall-finijiet li għalihom ikun ġie awtorizzat. Fil-fatt, kif diġà ġie spjegat fil-punt 59 hawn fuq, l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva ma tfissirx li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih din is-sustanza jista’, minħabba dan il-fatt biss, jitqiegħed fis-suq.

73      Is-sitt nett, l-effetti tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva abbażi tar-Regolament Nru 1107/2009 ma humiex paragunabbli ma’ dawk ta’ awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ organi ġenetikament modifikati bis-saħħa tar-Regolament Nru 1829/2003. Fil-fatt, tali awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1829/2003, li l-prodott inkwistjoni jitqiegħed fis-suq, filwaqt li l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva abbażi tar-Regolament Nru 1107/2009 ma għandhiex tagħti awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza, liema awtorizzazzjoni hija soġġetta għal proċedura separata.

74      Fis-seba’ lok, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-effetti tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva fir-rigward ta’ persuni oħra għajr il-persuna li tkun qed tistenna tali approvazzjoni inkwistjoni jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1107/2009, u mhux tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva bħala tali, li hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kontenut ta’ din l-approvazzjoni. Fil-fatt, hija l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, jew l-estensjoni tal-approvazzjoni jew it-tiġdid ta’ din l-approvazzjoni, li titfa’ l-effetti tagħha, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ produtturi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-Istati Membri. Il-fatt li dawn l-effetti huma previsti mir-Regolament Nru 1107/2009, ma jaffettwax din il-konklużjoni.

75      It-tmien nett, is-sempliċi fatt li miżura adottata abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009 tifforma parti mill-proċediment ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, li hija kkaratterizzata minn parteċipazzjoni tal-applikant għat-tiġdid, ma jfissirx li din għandha titqies bħala miżura ta’ portata individwali.

76      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva tista’, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1107/2009, tkun suġġetta għal kundizzjonijiet u għal restrizzjonijiet ma jurix li din hija miżura ta’ portata individwali, fir-rigward tal-effetti legali użati minn din l-approvazzjoni fir-rigward ta’ persuni oħra għajr l-applikant. L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1107/2009, li r-rikorrenti tinvoka wkoll f’dan il-kuntest, jillimita ruħu li jipprevedi li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu u li sustanza attiva għandha tissodisfa sabiex tiġi approvata għandhom jitqiesu li ġew sodisfatti meta dan ġie stabbilit fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-użi rappreżentattivi ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih dik is-sustanza. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk miżura li tirrigwarda l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva hija ta’ portata ġenerali jew individwali.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

78      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-aċċettazzjoni wiesgħa ta’ atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid bis-saħħa tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tapplika wkoll fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku. Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li torbot lill-Unjoni direttament, ma tipprevedix li huma biss id-deċiżjonijiet ta’ portata individwali li huma kkonċernati. Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li mingħajr preġudizzju għall-proċeduri għat-tressiq ta’ kawża msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, kull parti kontraenti għandha tiżgura li, meta jkunu sodisfatti l-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali, il-membri tal-pubbliku jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet ta’ individwi privati jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru xi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent”. Issa, ir-Regolament Nru 1367/2006 għandu preċiżament l-għan li jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid interna għandu, għalhekk, japplika għall-miżuri kollha fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. L-approċċ diverġenti tal-qrati tal-Unjoni ma jistax jinżamm fid-dawl tal-abbozz ta’ konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ eżaminazzjoni tal-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward tal-konformità tagħha mill-Unjoni, adottat fit-53 laqgħa ta’ dan il-kumitat bejn il-21–24 ta’ Ġunju 2016 (minn hawn’ il quddiem “ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ eżaminazzjoni tal-konformità tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

79      Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, l-assenza ta’ effett dirett tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jibdilx il-fatt li l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 għandhom jingħataw interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għalhekk, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma jistax jiġi interpretat b’mod daqstant strett, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “miżura ta’ portata individwali”, li din tipprekludi li jistgħu jiġu kkontestati atti li jaqgħu taħt id-dritt tal-ambjent, bħalma huma l-miżuri dwar l-estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva, adottati abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009.

80      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

81      Mill-argumenti tar-rikorrenti jirriżulta, essenzjalment, li din tal-aħħar tixtieq tinvoka li talba għal eżami mill-ġdid intern fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 għandu jkun possibbli wkoll, fid-dawl tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fejn l-att inkwistjoni ma jikkostitwixxix miżura ta’ portata individwali, iżda att ta’ portata ġenerali.

82      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kull parti kontraenti għandha tiżgura li, meta l-membri tal-pubbliku jissodisfaw il-kriterji eventwali stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet ta’ individwi privati jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru xi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

83      Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1367/2006, dan tal-aħħar ġie adottat għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għall-istituzzjonijiet u għall-korpi tal-Unjoni. B’mod partikolari, jirriżulta mill-premessi 18 u 19 tal-istess regolament li l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern għandu l-għan li jippermetti l-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Barra minn hekk, kif diġà ġie osservat, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jistgħu jressqu talba għal eżami mill-ġdid bħal din biss f’dak li jirrigwarda l-atti ta’ portata individwali.

84      Issa, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jispeċifikax li jipprovdi għall-possibbiltà li proċedimenti amministrattivi ikopru biss il-każijiet fejn l-atti inkwistjoni huma ta’ portata individwali.

85      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma huwiex direttament applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u lanqas ma tista’ tiġi invokata bħala kriterju tal-legalità tal-atti tal-Unjoni. Barra minn hekk, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li jirriżulta mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li l-partijiet kontraenti tagħha għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-“proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji” imsemmija minn din id-dispożizzjoni (sentenza tas-13 ta’ Jannar 2015, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe, C‑404/12 P u C‑405/12 P, EU:C:2015:5, punti 47 sa 53).

86      L-argument tar-rikorrenti li jgħid li din il-ġurisprudenza ma tistax tinżamm fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ eżaminazzjoni tal-konformità tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jista’ biss jiġi miċħud. Fi kwalunkwe każ, jekk wieħed jippreżupponi li dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma vinkolanti fir-rigward tal-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jirrigwarda hemmhekk, kif il-Kummissjoni osservat ġustament, sempliċi abbozz li, kif ir-rikorrenti rrikonoxxiet fir-replika, ġie adottat mill-imsemmi kumitat biss fis-17 ta’ Marzu 2017, jiġifieri wara d-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk, kif issostni l-Kummissjoni, billi għamlet riferiment għall-Gwida ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ eżaminazzjoni tal-osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandhom jiġu adottati mil-laqgħa tal-partijiet, prevista fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jew jekk dan ma kienx meħtieġ, kif issostni r-rikorrenti.

87      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li huwa neċessarju li ssir interpretazzjoni konformi mad-dritt internazzjonali tal-Artikolu 10(1) u tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, li għandu jkollha bħala konsegwenza li atti bħal miżuri li jirrigwardaw l-estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva, adottati abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li interpretazzjoni konformi mad-dritt internazzjonali ta’ dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni hija possibbli biss jekk l-imsemmija dispożizzjoni tippermetti interpretazzjoni bħal din u ma tistax isservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni. Issa, fid-dawl tal-fatt li, bis-saħħa tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, huma biss l-“att[i] amministrattiv[i]” li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan l-istess regolament bħala li huma “miżur[i] ta’ portata individwali”, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid interna, ma huwiex possibbli li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li l-atti amministrattivi msemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu l-atti ta’ portata ġenerali, fid-dawl tal-fatt li tali interpretazzjoni hija contra legem (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Lulju 2015, EEB vs Il‑Kummissjoni, T‑565/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:559, punti 31 sa 33).

88      Fid-dawl dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti tal-motiv uniku u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Mellifera eV, Vereinigung für wesensgemäße Bienenhaltung hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Gratsias

Dittrich

Xuereb

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.