Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (ir-Repubblika Slovakka) fit-30 ta’ Lulju 2018 – YX

(Kawża C-495/18)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Najvyšší súd Slovenskej republiky

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: YX

Domandi preliminari

L-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 1 [2008/909/JAI] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kriterji stabbiliti fih jiġu ssodisfatti biss jekk il-persuna kkundannata jkollha, fl-Istat Membru li tiegħu hija tkun ċittadin, rabtiet tal-familja, soċjali, professjonali jew oħrajn li jippermettu li raġonevolment jiġi preżunt li l-eżekuzzjoni tal-kundanna f’dak l-Istat Membru tista’ tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tagħha [u] li dan l-artikolu għaldaqstant jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 4(1)(a) tal-liġi 549/2011 li tippermetti f’tali każijiet li tiġi rrikonoxxuta u eżegwita sentenza unikament abbażi ta’ residenza abitwali formali, irreġistrata fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-persuna kkundannata għandhiex rabtiet konkreti ma’ dan l-aħħar Stat li jippermettulha li ssaħħaħ il-probabbiltajiet tagħha ta’ integrazzjoni mill-ġdid soċjali?

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li, anki fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti għandha, qabel it-trażmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat, taċċerta ruħha li l-eżekuzzjoni tal-kundanna mill-Istat ta’ eżekuzzjoni sejra tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fil-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuna kkundannata u li hija għandha wkoll tindika, fil-parti d), punt 4, ta’ dan iċ-ċertifikat, l-informazzjoni miġbura f’dan ir-rigward, b’mod partikolari meta l-persuna kkundannata tiddikjara, fl-osservazzjonijiet tagħha previsti fl-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li għandha rabtiet tal-familja, soċjali jew professjonali konkreti fl-Istat emittenti?

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 9(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżisti motiv għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza wkoll meta, fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas, ma tkunx murija, minkejja l-konsultazzjoni mwettqa skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu u l-għoti eventwali ta’ informazzjoni neċessarja oħra, l-eżistenza ta’ rabtiet tal-familja, soċjali, professjonali jew oħrajn, li jippermettu raġonevolment li jiġi preżunt li l-eżekuzzjoni tal-kundanna fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuna kkundannata?

____________

1     Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27).