SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
6 ta’ Ġunju 2019 (*)
“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta l-vettura VW Caddy – Disinn Komunitarju preċedenti – Raġuni għal invalidità – Karattru individwali – Utent avżat – Impressjoni globali differenti – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Oneru tal-prova fuq min jitlob l-invalidità – Rekwiżiti marbuta mar-riproduzzjoni tad-disinn preċedenti”
Fil-Kawża T‑192/18,
Rietze GmbH & Co. KG, stabbilita f’Altdorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Krogmann, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Volkswagen AG, stabbilita f’Wolfsburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Klawitter, avukat,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-11 ta’ Jannar 2018 (Każ R 1244/2016-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Rietze u Volkswagen,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),
komposta minn A. M. Collins (Relatur), President tal-Awla, M. Kancheva u G. De Baere, Imħallfin,
Reġistratur: R. Ūkelytė, amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Marzu 2018,
wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Mejju 2018,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Mejju 2018,
wara s-seduta tal-24 ta’ Jannar 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 L-intervenjenti, Volkswagen AG, hija l-proprjetarja tar-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea tad-disinn ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2010 u rreġistrat fl-istess jum bir-referenza DM/073118–3 mal-Uffiċċju Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (il-WIPO) u ppubblikat fil-Bullettin tal-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO fil-31 ta’ Ottubru 2010 (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat”).
2 Il-prodotti li għalihom huwa intiż li jiġi applikat id-disinn ikkontestat huma fil-klassi 12–08 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, tat-8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Vetturi bil-mutur”. Id-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat kif ġej:
|
|
|
Perspettiva 1 | Perspettiva 2 | Perspettiva 3 |
|
|
|
Perspettiva 4 | Perspettiva 5 | Perspettiva 6 |
|
|
|
Perspettiva 7 | Perspettiva 8 | Perspettiva 9 |
|
Perspettiva 10 |
3 Fil-5 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti, Rietze GmbH & Co. KG, li tikkummerċjalizza minjaturi ta’ karozzi, ippreżentat, quddiem l-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għall-Proprjetà Intellettwali (EUIPO), applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-effetti tad-disinn ikkontestat fl-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq l-Artikolu 106f tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), moqri flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, għar-raġuni li d-disinn ikkontestat kien nieqes min-novità, b’mod konformi mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, u minn karattru individwali, b’mod konformi mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.
4 Insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-rikorrenti argumentat li d-disinn ikkontestat kien disinn li jindika l-vettura MPV VW Caddy imqiegħda fis-suq mill-intervenjenti fl-2011. Sabiex tipprova l-iżvelar ta’ disinn preċedenti, ir-rikorrenti għamlet riferiment għal mudell preċedenti ta’ din il-vettura, jiġifieri l-mudell VW Caddy (2K) Life, imqiegħed fis-suq mill-intervenjenti fl-2004. Ir-rikorrenti bbażat it-talba tagħha fuq, b’mod partikolari, id-disinn Komunitarju Nru 49895–0002, li r-reġistrazzjoni tiegħu, mitlub mill-intervenjenti fis-7 ta’ Lulju 2003, ġiet ippubblikata fid-9 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem id-“disinn preċedenti”).
5 B’deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ddikjarat l-invalidità tad-disinn ikkontestat minħabba l-assenza ta’ karattru individwali tiegħu, b’mod konformi mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.
6 Fis-7 ta’ Lulju 2016, l-intervenjenti ressqet appell, abbażi tal-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.
7 Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2018 (Każ R 1244/2016–3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ r-rikors, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat. Huwa ddeċieda li d-disinn ikkontestat kien ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002 u kellu karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.
It-talbiet tal-partijiet
8 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat;
– tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.
9 L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
10 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 6 tal-istess regolament. Essenzjalment, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell talli qies li d-disinn ikkontestat kellu karattru individwali peress li l-impressjoni globali li jipproduċi fuq l-utent avżat hija differenti mill-impressjoni globali li d-disinn preċedenti jipproduċi fuq l-utent.
11 Dan il-motiv uniku jinqasam f’erba’ partijiet. Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell b’mod żbaljat illimitat ruħha li sempliċement jelenka l-allegati differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti, mingħajr ma kkunsidrahom u mingħajr ma għamel distinzjoni bejn il-karatteristiċi estetiċi u l-karatteristiċi tekniċi. Fit-tieni lok, huwa għażel livell eċċessivament għoli ta’ attenzjoni min-naħa tal-utent avżat u, konsegwentement, huwa ta importanza kbira wisq lid-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti. Fit-tielet lok, huwa wettaq żbalji fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-libertà tad-disinjatur. Fir-raba’ u l-aħħar lok, huwa naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni ċerti provi.
12 L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.
13 Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 6/2002 u (KE) Nru 40/94 biex jagħti effett lill-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ l-Aja dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali (ĠU 2006, L 386, p. 14), introduċa, fir-Regolament Nru 6/2002, it-Titolu XIa, li jinkludi l-Artikoli 106a sa 106f.
14 Skont l-Artikolu 106a tar-Regolament Nru 6/2002, kull iskrizzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea fir-Reġistru Internazzjonali miżmum mill-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO għandu jkollha l-istess effetti bħal li kieku kienet saret fir-Reġistru tal-EUIPO, u kull pubblikazzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea fil-Bullettin tal-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO tipproduċi l-istess effetti bħal pubblikazzjoni fil-Bullettin tad-Disinnji Komunitarji.
15 L-Artikolu 106f tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fl-Unjoni jistgħu jkunu ddikjarati invalidi totalment jew parzjalment mill-EUIPO, b’mod konformi mal-proċedura msemmija fit-Titoli VI u VII tar-Regolament Nru 6/2002.
16 L-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li disinn Komunitarju għandu jiġi ddikjarat invalidu jekk dan ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4 sa 9 tal-istess regolament.
17 Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni ta’ disinn permezz ta’ disinn Komunitarju hija żgurata biss sa fejn dan ikun ġdid u jkollu karattru individwali.
18 Skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, il-karattru individwali għandu jiġi evalwat, fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, fid-dawl tal-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat, li għandha tkun differenti minn dik prodotta minn kull disinn żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, qabel id-data tal-prijorità. L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.
19 Għalhekk, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza jew ta’ assenza ta’ “déja vu”, mill-perspettiva tal-utent avżat, meta mqabbla ma’ kull preċedenza fi ħdan il-patrimonju tad-disinni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li, għalkemm huma iktar minn dettalji insinjifikattivi, xorta waħda jibqgħu ma jgħatux suffiċjentement fil-għajn sabiex joħolqu impressjonijiet globali differenti (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI – Puma (Félin bondissant), T-666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Waqt l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn meta mqabbel ma’ kull preċedenza fi ħdan il-patrimonju tad-disinni, għandha tiġi kkunsidrata n-natura tal-prodott li għalih japplika d-disinn jew li fih dan huwa inkorporat u, b’mod partikolari, tal-qasam industrijali li taħtu huwa jaqa’, tal-livell ta’ libertà tad-disinjatur fit-tfassil tad-disinn, ta’ eventwali saturazzjoni tal-eċċellenza, li tista’ tkun tali li tagħmel lill-utent avżat iktar sensittiv għad-differenzi bejn id-disinni mqabbla, kif ukoll tal-mod kif il-prodott inkwistjoni jintuża, b’mod partikolari fir-rigward tal-manipulazzjonijiet li huwa suġġett għalihom normalment f’din l-okkażjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Félin bondissant, T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 6/2002, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ ġurisprudenza nazzjonali, anki jekk ibbażata fuq dispożizzjonijiet analogi għal dawk ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2017, Murphy vs EUIPO – Nike Innovate (Ċinga ta’ arloġġ tal-polz elettroniku), T-90/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:464, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.
23 Huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, dwar il-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat, qabel ma tiġi analizzata l-ewwel parti, dwar l-evalwazzjoni, mill-perspettiva ta’ dan l-utent, tal-impressjoni globali mogħtija mid-disinni kunfliġġenti, biex imbagħad nipproċedu bl-eżami tal-motiv uniku, fit-tielet u fir-raba’ partijiet tiegħu.
Fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, dwar il-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat
24 Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell għażel livell eċċessivament għoli ta’ attenzjoni min-naħa tal-utent avżat u, konsegwentement, ta importanza kbira wisq lid-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti.
25 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-utent avżat ma huwiex f’pożizzjoni li, lil hinn mill-esperjenza li huwa kiseb minħabba l-użu tal-prodott li jinkludi d-disinn ikkontestat, jiddistingwi l-aspetti tad-dehra ddettati mill-funzjoni teknika minn dawk li huma arbitrarji. Id-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti msemmija mill-Bord tal-Appell jikkonċernaw dettalji tekniċi li ma jiġux ipperċepiti minn persuna li għandha ċertu livell ta’ għarfien fir-rigward tal-elementi li normalment ikollhom il-vetturi bil-mutur. Dan jgħodd, b’mod partikolari, għall-bampers, għall-indicators u għat-tailgates.
26 Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-utent avżat jagħti inqas importanza lid-differenzi bejn mudelli ta’ vetturi tal-istess manifattur li jsegwu lil xulxin direttament milli lid-differenzi bejn il-mudelli ta’ vetturi ta’ manifatturi differenti. Fir-rigward tal-mudelli ta’ vetturi mill-istess manifattur, l-utent avżat huwa inqas attent għad-disinn milli għan-novitajiet tekniċi u għall-iżviluppi fil-qasam tas-sigurtà, ta’ prestazzjoni u ta’ kumdità tas-sewqan. Barra minn hekk, minn naħa, xerrej ma jibbażax id-deċiżjoni tiegħu li jixtri VW Caddy fuq paragun ma’ mudelli preċedenti, iżda fuq paragun ma’ vetturi ta’ manifatturi oħra. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tirreferi għal deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2016 fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità rreġistrati bir-referenza ICD 9742. Min-naħa l-oħra, is-suċċess tal-VW Caddy ma huwiex ibbażat fuq l-apparenza, iżda fuq l-affidabbiltà tiegħu.
27 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq artiklu li deher fl-istampa Ġermaniża dwar il-karozzi li jenfasizza n-nuqqas ta’ differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti. Hija tikkritika lill-Bord tal-Appell talli injora l-kontenut tiegħu, billi rrileva li dan l-artikolu jinkludi indikazzjonijiet konkreti dwar il-perċezzjoni tal-utent avżat.
28 Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kwalità ta’ “utent” timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li fuqu jiġi inkorporat id-disinn b’konformità mal-għan li għalih dan il-prodott huwa intiż. Il-kwalifika “avżat” tissuġġerixxi barra minn hekk li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf bid-diversi disinni li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ konoxxenza fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni normalment jinkludu u, minħabba l-interess tiegħu fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, għandu livell ta’ attenzjoni relattivament għoli meta huwa jużahom (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Tagħmir ta’ komunikazzjoni), T‑153/08, EU:T:2010:248, punti 46 u 47).
29 Il-kunċett ta’ utent avżat għandu jinftiehem bħala kunċett intermedju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn dan ma jeħtieġ l-ebda għarfien speċifiku u li, ġeneralment, ma jagħmilx paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tax-xogħol, espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar. Għalhekk, il-kunċett ta’ “utent avżat” jista’ jinftiehem bħala li ma jindikax utent li għandu attenzjoni medja iżda utent li għandu viġilanza partikolari, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tas-settur inkwistjoni (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 53).
30 Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura stess tal-utent avżat timplika li, meta dan ikun possibbli, huwa jwettaq paragun dirett bejn id-disinn preċedenti u d-disinn ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Neuman u Galdeano del Sel vs Baena Grup, C‑101/11 P u C‑102/11 P, EU:C:2012:641, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell iddeskriva, fil-punti 18 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, l-utent avżat bħala persuna li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, għandu għarfien ta’ diversi disinni li jeżistu fis-settur tal-vetturi bil-mutur, għandu ċertu livell ta’ għarfien dwar il-karatteristiċi li dawn il-vetturi bil-mutur normalment jinkludu u, minħabba l-interess tiegħu fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, juri livell ta’ attenzjoni għoli meta jużahom. L-utent avżat ta’ vetturi bil-mutur huwa persuna li tiħu interess f’dawn il-vetturi, issuqhom u tużahom u, abbażi tal-qari tal-ġurnali rilevanti u ta’ frekwentazzjoni ta’ espożizzjonijiet u ta’ konċessjonarji ta’ karozzi, hija familjari mal-mudelli disponibbli fis-suq. Huwa konxju li l-manifatturi jaġġornaw regolarment il-mudelli stabbiliti sew fis-suq, kemm teknikament kif ukoll fl-apparenza tagħhom. Huwa jaf ukoll li din il-“manutenzjoni tal-mudelli” isservi biex jiġu implimentati ċerti tendenzi tal-moda, mingħajr madankollu ma jiġu abbandunati kompletament il-karatteristiċi tad-dehra tal-mudell tal-vettura kkonċernata. Skont il-Bord tal-Appell, ebda waħda mid-differenzi elenkati fil-punti 40 sa 42 iktar ’il quddiem ma taħrab lill-utent avżat kif deskritt.
32 Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jikkontestawx l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat esposta iktar ’il fuq.
33 Għandu jiġi miċħud, qabel kollox, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-utent avżat ma huwiex kapaċi jipperċepixxi d-differenzi identifikati mill-Bord tal-Appell dwar il-bampers, il-fanali, l-indicators u t-tailgates, għaliex jikkonċernaw dettalji tekniċi. Minn naħa, il-Bord tal-Appell ma indikax differenzi bejn l-indicators tad-disinni kunfliġġenti. Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-differenzi indikati mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-bampers, tal-fanali u tat-tailgates jikkonċernaw id-dehra tagħhom, u mhux id-dettalji tekniċi tagħhom. Għaldaqstant, l-utent avżat huwa kapaċi li jipperċepixxihom. Il-fatt li tibdil imwettaq f’uħud minn dawn il-partijiet tal-karozzi jista’ jkollu wkoll effett tekniku huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.
34 Sussegwentement, ma jistax jiġi milqugħ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-utent avżat jagħti inqas importanza lid-differenzi bejn il-mudelli ta’ vetturi tal-istess manifattur li jsegwu lil xulxin direttament milli lid-differenzi bejn il-mudelli ta’ vetturi ta’ manifatturi differenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tressaq ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn ta’ dan l-argument li jista’ jqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat fil-kuntest tal-paragun tad-disinni kunfliġġenti. Il-parti tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2016, iċċitata mir-rikorrenti insostenn ta’ dan l-argument, ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward peress li ma tikkonċernax il-livell ta’ attenzjoni li l-utent avżat jagħti lil mudelli suċċessivi tal-istess manifattur meta mqabbel ma’ dak mogħti lil mudelli ta’ manifatturi oħra. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-argument tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ xiri u l-fatt li, fil-fehma tagħha, is-suċċess ta’ VW Caddy ma jiddependix fuq l-apparenza tiegħu iżda fuq l-affidabbiltà tiegħu huma irrilevanti.
35 Fl-aħħar nett, l-argument li jgħid li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-fehmiet espressi fl-istampa Ġermaniża dwar il-karozzi għandu jiġi miċħud. Ma jistax jiġi eskluż li artikli tal-istampa jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda l-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat li jagħmel dan meta jqis, bħal f’dan il-każ, li l-fehmiet espressi ma humiex rilevanti peress li ma jirriflettux l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat.
36 Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.
Fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku, dwar l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat
37 Ir-rikorrenti tiddikjara li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-EUIPO għandu jwieżen il-karatteristiċi tad-disinni kunfliġġenti peress li d-diversi karatteristiċi jistgħu ftit jew wisq jinfluwenzaw id-dehra tad-disinni. Għalhekk, minn naħa, il-Bord tal-Appell kellu janalizza l-punti komuni bejn id-disinni kunfliġġenti. Tali analiżi kienet twasslu sabiex jiddeċiedi li d-disinni kunfliġġenti kienu kważi identiċi fil-forma bażika tal-karrozzerija, tas-siluwett, fil-forma u fil-pożizzjonament tat-twieqi, fil-windscreen u fil-bonet, fix-xibka tar-radjatur u fil-fanali tagħhom. Min-naħa l-oħra, huwa kellu jagħmel distinzjoni bejn il-karatteristiċi estetiċi u l-karatteristiċi tekniċi minħabba li, fid-dawl tal-funzjoni prinċipalment teknika tal-fanali kif ukoll tad-differenzi li jikkonċernaw biss il-kuluri tal-bampers u tax-xbieki tar-radjaturi, l-utent avżat jagħtihom biss importanza sekondarja fl-impressjoni globali tiegħu. Min-naħa l-oħra, sempliċi elenkar tal-allegati differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti, bħal dak imwettaq mill-Bord tal-Appell fil-punti 24 et seq. u 33 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, ma jippermettix li huwa jiddeċiedi jekk l-impressjoni globali tal-utent avżat hijiex ser tkun differenti.
38 Għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell evalwa, fil-punti 23 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat fil-konfront tad-disinn preċedenti. Huwa uża bħala bażi ta’ evalwazzjoni l-perspetivi li ġejjin tad-disinni kunfliġġenti:
Disinn ikkontestat | Disinn preċedenti |
| 2/5 1/5 3/5 5/5 4/5
|
39 Il-Bord tal-Appell iddeċieda, fil-punti 24 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinni kunfliġġenti kienu jippreżentaw differenzi ċari.
40 Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fuq il-bażi tal-perspettivi laterali, frontali u ta’ wara fl-intier tagħhom, li l-bonet tad-disinn ikkontestat kien iqsar u li l-impressjoni globali prodotta mill-vettura kienet li din hija iktar wiesgħa u massiva, filwaqt li l-vettura korrispondenti għad-disinn preċedenti kienet tidher idjaq u f’forma ta’ kaxxa.
41 Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fuq il-bażi tal-perspettivi frontali, li kien hemm differenzi fir-rigward tal-forma u tal-pożizzjonament tal-fanali u tal-bampers ta’ quddiem. Fid-disinn ikkontestat, ix-xibka dejqa u ta’ kulur skur tar-radjatur testendi ruħha b’mod armonjuż fil-fanali, li jagħtu għal fuq in-naħa ta’ barra, u li għalhekk jixbhu l-għajnejn ta’ qattus. Il-parti ta’ fuq tal-bamper ta’ quddiem għandha l-istess kulur tal-karozza, filwaqt li l-parti ta’ isfel hija ta’ kulur skur, b’żewġ lampi tondi żgħar addizzjonali, li ma jinsabux fid-disinn preċedenti. Il-fanali ta’ quddiem tad-disinn preċedenti għandhom forma kważi rettangolari u huma b’mod ċar separati mix-xibka tar-radjatur ta’ kulur skur, tal-istess għoli, li flimkien mal-bamper, ukoll ta’ kulur skur, tifforma unità kompatta li tikkuntrasta permezz tal-kuluri tagħha mal-bqija tal-karozzerija (perspettiva 1/5). Minħabba l-fanali daqsxejn inklinati, il-perspettiva frontali tad-disinn ikkontestat tfakkar f’wiċċ stilizzat ta’ felin, impressjoni li ma tingħatax mid-disinn preċedenti. Sussegwentement, fid-disinn ikkontestat, il-mirja tal-ġenb huma tal-istess kulur tal-vettura, li jistgħu jingħalqu u li globalment huma ta’ forma ttundjata, filwaqt li dawk tad-disinn preċedenti huma ċatti u skuri u għalhekk jikkuntrastaw mal-kulur tal-karozza.
42 Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fuq il-bażi tal-perspettivi ta’ wara, li d-disinn ikkontestat kien juri tailgate f’biċċa waħda u bamper tal-istess kulur bħall-karozz. Fid-disinn preċedenti, it-tailgate tinsab il-fuq mill-pjanċa ta’ reġistrazzjoni u l-bamper skur huwa differenti viżwalment mill-kulur tal-karozza. Minħabba li l-bamper huwa viżwalment integrata fil-body, il-perspettiva ta’ wara tad-disinn ikkontestat hija ġeneralment aktar “aggressiva” minn dik tad-disinn preċedenti. Il-perspettiva laterali tad-disinn ikkontestat (perspettivi 3.3 u 3.7) turi b’mod ċar il-kulur tal-bamper ta’ quddiem u ta’ wara kif ukoll il-fanali ta’ quddiem. Min-naħa l-oħra, fil-perspettiva laterali tad-disinn preċedenti, il-bampers skuri jispikkaw b’mod nett mill-kulur tal-karozza u l-fanali ta’ quddiem bilkemm huma viżibbli.
43 Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-ebda waħda mid-differenzi msemmija fil-punti 40 sa 42 iktar ’il fuq ma għandha taħrab l-għajn tal-utent avżat. Dawn jipproduċu impressjoni globali tal-vettura korrispondenti għad-disinn ikkontestat li hija differenti minn dik prodotta mill-vettura korrispondenti għad-disinn preċedenti. Huwa kkonstata, b’mod partikolari, li l-forma u l-pożizzjonament differenti tal-fanali ta’ quddiem jagħtu aspett ieħor lill-vettura, u dan jaffettwa l-impressjoni globali.
44 Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jikkontestawx l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fil-punti 24 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata u riprodotta fil-punti 40 sa 43 iktar ’il fuq.
45 L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma llimitatx ruħha li sempliċement jelenka d-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti. Minn naħa, mill-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li d-disinni kunfliġġenti kienu jaqblu fil-karrozzerija f’għamla ta’ kaxxa u fin-numru u l-pożizzjonament tat-twieqi, tal-bibien, tal-fanali, tad-dwal ta’ wara u tal-mirja tal-ġenb. Min-naħa l-oħra, mill-punti 25 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huwa evalwa l-impressjoni globali prodotta mid-disinni kunfliġġenti billi analiżahom mill-perspettivi frontali, laterali u ta’ wara, meħuda inkunsiderazzjoni flimkien u separatament.
46 Insostenn tal-argument tagħha li jgħid li l-Bord tal-Appell kellu janalizza l-punti komuni bejn id-disinni kunfliġġenti, ir-rikorrenti tirreferi għall-fatt li, fil-punt 73 tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Apparat għall-komunikazzjoni (T‑153/08, EU:T:2010:248), il-Qorti Ġenerali qieset li ornament stillizzat li jinstab fid-disinn ikkontestat fil-kawża inkwistjoni ma setgħax jikkontrobilanċja x-xebh ikkonstatat u ma kienx, konsegwentement, suffiċjenti sabiex jagħti karattru individwali lill-imsemmi disinn. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunsiderazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi konstatazzjoni fattwali speċifika għall-każ inkwistjoni u mhux rekwiżit legali dwar kif għandu jiġi evalwat il-karattru individwali ta’ disinn.
47 Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 19 u 20 iktar ’il fuq ma teżiġix tweżin tal-karatteristiċi sabiex jiġi deċiż jekk id-disinn ikkontestat jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali li tkun differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti. F’ċirkustanzi fejn, bħal f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tad-differenzi suffiċjentement evidenti bejn id-disinni kunfliġġenti tindika bi grad suffiċjenti ta’ ċarezza li d-disinn ikkontestat jagħti, lill-utent avżat, impressjoni globali differenti minn dik prodotta mid-disinn preċedenti, ma jistax jiġi meħtieġ li l-EUIPO jwieżen kull waħda mill-karatteristiċi tad-disinni kunfliġġenti.
48 Fl-aħħar nett, ma jistax jintlaqa’ l-argument li jgħid li l-Bord tal-Appell kellu jagħmel distinzjoni bejn il-karatteristiċi estetiċi u l-karatteristiċi tekniċi. Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tippreżenta ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li l-utent avżat jagħti biss importanza sekondarja, fl-impressjoni globali tiegħu, lill-fanali, minħabba l-funzjoni prinċipalment teknika tagħhom, u lid-differenżi fil-kulur tal-bampers u tax-xibka tar-radjatur, minħabba l-funzjoni prinċipalment teknika tagħhom. Min-naħa l-oħra, għalkemm dawn il-karatteristiċi għandhom funzjoni teknika, dawn ma humiex purament funzjonali u l-apparenza tagħhom tista’ tinbidel, b’tali mod li l-eventwali differenzi fil-forma u fil-pożizzjonament tagħhom jistgħu jinfluwenzaw l-impressjoni globali tal-prodott li fih ikunu ġew inkorporati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2017, Ċinga ta’ arloġġ elettroniku, T‑90/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:464, punt 61).
49 Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.
Fuq it-tielet parti tal-motiv uniku, dwar il-libertà tad-disinjatur
50 Il-Bord tal-Appell iddeskriva, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-libertà tad-disinjatur tal-vetturi privati. Huwa kkonstata li din il-libertà hija limitata mill-funzjoni teknika ta’ vettura bil-mutur, li sservi għat-trasport ta’ persuni u ta’ tagħbija. Barra minn hekk, jeżistu rekwiżiti legali, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq. Min-naħa l-oħra, il-libertà tad-disinjatur ma hija suġġetta għal ebda limitazzjoni f’dak li jirrigwarda d-disinn tal-karatteristiċi tekniċi u legali. L-aspettattivi potenzjali tas-suq jew xi tendenzi fil-qasam tad-disinn ma jirrappreżentawx limitazzjonijiet rilevanti għal-libertà tad-disinjatur.
51 Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel żewġ partijiet tal-motiv uniku japplikaw iktar u iktar meta d-disinjatur ikollu livell għoli ta’ libertà. Min-naħa l-oħra, hija tiddikjara li l-eżistenza ta’ eventwali limitazzjonijiet imposti fuq id-disinjatur mis-suq ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.
52 L-EUIPO jirribatti li r-rikorrenti ma tagħmel ebda lment u li huwa ma jista’, għaldaqstant, iressaq ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward.
53 Hemm lok li jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, u l-Artikolu 177(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors promotur għandu jindika, b’mod partikolari, sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors. L-istess japplika għal kull talba li għandha tkun akkumpanjata minn motivi u argumenti li jippermettu li kemm il-konvenut kif ukoll il-qorti jevalwaw il-fondatezza tagħhom. Għalhekk, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jiftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta lment jew argument jiġi invokat insostenn ta’ motiv (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2013, Biodes vs UASI – Manasul Internacional (FARMASUL), T‑553/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:126, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jgħidu li l-libertà tad-disinjatur hija limitata, minn naħa, minħabba l-funzjoni teknika ta’ vettura bil-mutur li sservi għat-trasport ta’ persuni u ta’ tagħbija, u, min-naħa l-oħra, minħabba l-eżistenza ta’ rekwiżiti legali, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq. Barra minn hekk, l-EUIPO u r-rikorrenti t-tnejn li huma jammettu li l-aspettattivi potenzjali tas-suq jew xi tendenzi fil-qasam tad-disinn ma jirrappreżentawx limiti rilevanti għal-libertà tad-disinjatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2014, Sachi Premium-Outdoor Furniture vs UASI – Gandia Blasco (Fauteuil), T‑357/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:55, punti 23 u 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tippreżenta ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn ta’ din il-parti tal-motiv uniku. Hija ma tispjegax fiex kien jikkonsisti l-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell fl-evalwazzjoni tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur.
56 Isegwi li t-tielet parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda għaliex inammissibbli.
Fuq ir-raba’ parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni ċerti provi
57 Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, illustrazzjoni intitolata “VW Caddy Life (2004–2010)”, ippreżentata f’artiklu fl-enċiklopedija onlajn Wikipedia u, min-naħa l-oħra, illustrazzjoni li tinsab f’offerta ta’ vettura użata, annessi mat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-illustrazzjonijiet huwa importanti għaliex il-vettura riprodotta fihom għandha bamper tal-istess kulur tal-bqija tal-vettura. Id-differenza fil-kulur fil-livell tal-bamper, enfasizzat diversi drabi fid-deċiżjoni kkontestata, hija għalhekk irrilevanti.
58 Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Bord tal-Appell talli ma ħax inkunsiderazzjoni artiklu onlajn għax ma kienx anness mal-atti. Hija ssostni li dan l-artikolu kien anness man-nota tal-13 ta’ Jannar 2017 mibgħuta lill-Bord tal-Appell.
59 Għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta eskluda mill-analiżi tiegħu l-illustrazzjoni ppreżentata f’artiklu tal-enċiklopedija onlajn Wikipedia. Għandu jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-probabbiltà u l-veraċità tal-informazzjoni inkluża fih. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tfassal u d-destinatarju tiegħu, kif ukoll jiġi mistoqsi jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx sensibbli u affidabbli (ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2012, Coverpla vs UASI– Heinz-Glas (Flacon), T‑450/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:117, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li Wikipedia hija enċiklopedija onlajn li, fi kwalunkwe ħin, tista’ tiġi emendata minn kull utent tal-Internet, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija illustrazzjoni għandha valur probatorju limitat ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2010, O2 (Germany) vs UASI (Homezone), T‑344/07, EU:T:2010:35, punt 46).
60 Fir-rigward tal-ilment li jgħid li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-illustrazzjoni li tinsab fl-offerta ta’ vettura użata, għandu jiġi rrilevat li huwa essenzjali li d-dipartimenti tal-EUIPO jkollhom immaġni tad-disinn preċedenti li tippermetti li ssir magħrufa d-dehra tal-prodott li fih ikun inkorporat id-disinn u li jiġi identifikat b’mod preċiż u ċert id-disinn preċedenti sabiex ikunu jistgħu jwettqu, skont l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 6/2002, l-evalwazzjoni tal-karattru ġdid u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat u l-paragun li din tinvolvi bejn id-disinni inkwistjoni. Fil-fatt, l-eżami ta’ jekk id-disinn ikkontestat huwiex effettivament nieqes minn novità jew minn karattru individwali jirrikjedi li jkun hemm disinn preċedenti preċiż u ddeterminat (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 64).
61 Hija l-parti li ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tipprovdi lill-EUIPO l-indikazzjonijiet neċessarji u, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni u r-riproduzzjoni preċiża u sħiħa tad-disinn li tkun allegat l-prijorità tiegħu, bil-għan li jintwera li d-disinn ikkontestat ma jistax jiġi rreġistrat b’mod validu (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 65).
62 Ma jistax jiġi meħtieġ li l-EUIPO, b’mod partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid tad-disinn ikkontestat, jgħaqqad flimkien id-diversi elementi tad-disinn preċedenti, peress li hija l-persuna li titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tipproduċi rappreżentazzjoni sħiħa ta’ dan id-disinn preċedenti. Barra minn hekk, kull tagħqid eventwali jkun jinkludi imperfezzjonijiet sa fejn dan ikun jimplika neċessarjament xi approssimazzjonijiet (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 69). L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. Fil-fatt, sabiex disinn ikun jista’ jitqies li għandu karattru individwali, l-impressjoni globali li dan id-disinn jipproduċi fuq l-utent avżat għandha tkun differenti minn dik li tiġi prodotta fuq dan l-utent, mhux minn tagħqid ta’ elementi iżolati, meħuda minn numru ta’ disinni preċedenti, iżda minn wieħed jew diversi disinni preċedenti, meħuda individwalment (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions, C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 35).
63 F’dan il-każ, ir-rikorrenti mhux biss talli tistenna li l-EUIPO jgħaqqad diversi rappreżentazzjonijiet tal-prodott li fih ġie inkorporat id-disinn preċedenti, iżda wkoll li huwa jibdel element li jidher fil-parti l-kbira tar-rappreżentazzjonijiet, jiġifieri bamper ta’ kulur differenti minn dak tal-vettura, b’element li jidher biss f’rappreżentazzjoni waħda, jiġifieri bamper tal-istess kulur tal-vettura. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma pprovdietx lill-EUIPO l-identifikazzjoni u r-riproduzzjoni preċiża u sħiħa tad-disinn li l-prijorità tiegħu hija allegata fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodott li fih ġie inkorporat id-disinn preċedenti, li jinsab f’offerta ta’ vettura użata, għandu bamper tal-istess kulur tal-vettura.
64 Dwar l-artiklu onlajn li l-Bord tal-Appell kien injora, għandu jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar ma kienx obbligat li jieħdu inkunsiderazzjoni peress li ma kienx rilevanti peress li, kif jirriżulta mill-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ma kienx jipprovdi informazzjoni fuq l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat. Barra minn hekk, l-osservazzjoni, li tinsab ukoll fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li l-artikolu inkwistjoni ma kienx verament anness mal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, ġiet ifformulata b’mod sussidjarju, b’tali mod li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell kellu jieħdu inkunsiderazzjoni peress li kien anness b’mod validu huwa ineffettiv.
65 Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-raba’ parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda u, għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat.
Fuq l-ispejjeż
66 Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Rietze GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Ġunju 2019.
Firem