Language of document : ECLI:EU:F:2009:13

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Frar 2009

Kawża F-38/08

Amerigo Liotti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2006 – Regoli ta’ evalwazzjoni applikabbli mill-evalwaturi”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu A. Liotti jitlob l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2006.

Deċiżjoni: Ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrent għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2006 huwa annullat. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Dispożizzjonijiet ġenerali ta' implementazzjoni li jistabbilixxu regoli dwar l-evalwazzjoni komuni għal kull direttorat ġenerali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

Il-ksur, fir-redazzjoni tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera ta’ uffiċjal, tad‑dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal‑Persunal adottati mill-istituzzjoni kkonċernata, li jippreskrivu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ regoli ta’ evalwazzjoni komuni għal kull direttorat ġenerali, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-paragun tal-merti tal-uffiċjali, l‑armonizzazzjoni tan-noti ta’ mertu proposti mill-evalwaturi u l-koerenza tal‑evalwazzjoni fi ħdan l-istess direttorat ġenerali, jikkostitwixxi ksur ta’ formalità proċedurali sostanzjali. In-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jew it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom b’mod insuffiċjenti jivvizzja għaldaqstant b’irregolarità sostanzjali l-evalwazzjoni tal-uffiċjal u jiġġustifika l‑annullament tagħha.

(ara l-punti 46 u 47)