Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawżi magħquda T-339/16, T-352/16 u T-391/16, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-179/19 P)

Lingwi tal-kawża: l-Ispanjol u l-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: J.-F. Brakeland, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ville de Paris, Ville de Bruxelles, Ayuntamiento de Madrid

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, innotifikata lill-Kummissjoni fl-istess jum, fil-Kawżi magħquda T-339/16, T-352/16 u T-391/16, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il-Kummissjoni Ewropea, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lill-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż;

jew, sussidjarjament,

tannulla s-sentenza u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid; tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa bbażat fuq aggravju wieħed. Il-Kummissjoni tqis li, fil-punti 121 sa 151 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li r-Regolament 2016/646 1 jemenda element essenzjali tar-Regolament Nru 715/2007 2 . Dan l-iżball joriġina, minn naħa, minn interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ emenda, kif juri l-użu mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “emenda de facto”, u, min-naħa l-oħra, minn interpretazzjoni żbaljata tal-portata tar-Regolament 2016/646. B’hekk, is-sentenza hija ta’ theddida għall-bilanċ interistituzzjonali tal-Unjoni.

____________

1 Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU 2016, L 109, p. 1).

2 Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).