Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2019 minn Teva UK Ltd, Teva Pharmaceuticals Europe BV, Teva Pharmaceutical Industries Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-679/14, Teva UK Ltd et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-198/14 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Teva UK Ltd, Teva Pharmaceuticals Europe BV, Teva Pharmaceutical Industries Ltd (rappreżentanti: D. Tayar, avocat, A. Richard, avocate)

Partijiet oħra fil-proċedura: European Generic medicines Association AISBL (EGA), Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell u tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-679/14;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tittieħed deċiżjoni ġdida, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li hija informata biżżejjed sabiex tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni COMP/AT.39612 1 “Perindopril (Servier)” tad-9 ta’ Lulju 2014 sa fejn hija tikkonstata li Teva UK limited, Teva Pharmaceuticals Europe B.V. u Teva Pharmaceutical Industries Limited kisru l-Artikolu 101 TFUE u tannulla l-multa imposta fuq Teva UK limited, Teva Pharmaceuticals Europe B.V. u Teva Pharmaceutical Industries Limited, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-kawża, inklużi dawk l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti quddiem din il-qorti u quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tat-talba tagħhom l-appellanti invokaw tliet aggravji:

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-istandard applikat sabiex tevalwa jekk Teva kinitx kompetitur potenzjali ta’ Servier.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-ftehim kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont l-għan taħt l-Artikolu 101(1) TFUE.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 101(3) TFUE.

____________

1     Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 relatat mal-proċedura skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Il-Każ AT.39612 — Perindopril (Servier)) (notifikat bid-dokument C(2014) 4955) (ĠU 2016, C 393, p. 7).