Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fis-26 ta’ Frar 2019 – Spenner GmbH & Co. KG vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-189/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Spenner GmbH & Co. KG

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

L-Artikolu 9(9) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2011/278/UE) 1 jippreżupponi li l-estensjoni sinjifikattiva tal-kapaċità ta’ installazzjoni eżistenti tkun seħħet matul il-perijodu ta’ referenza ddeterminat mill-Istat Membru skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-deċiżjoni?

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(9), moqri flimkien mal-Artikolu 9(1), tad-Deċiżjoni 2011/278/UE, għandu jiġi interpretat, fil-każ ta’ estensjonijiet sinjifikattivi tal-kapaċità, fis-sens li, fid-determinazzjoni tal-livelli storiċi ta’ attività għal-perijodu ta’ referenza mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-livell storiku ta’ attività tal-kapaċità miżjuda għandu jitnaqqas, (anki) jekk l-estensjoni sinjifikattiva tal-kapaċità seħħet matul il-perijodu ta’ referenza mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008?

(a)    Fil-każ li għandha tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha hija stess tiddetermina l-perijodu ta’ referenza mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008 jew mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010 jew l-Istat Membru jista’ jagħti lill-operatur tal-installazzjoni d-dritt li jagħżel il-perijodu ta’ referenza?

(b)    Fil-każ li l-Istat Membru jista’ jagħti lill-operatur tal-installazzjoni d-dritt li jagħżel il-perijodu ta’ referenza:

L-Istat Membru għandu jibbaża ruħu fuq il-perijodu ta’ referenza li jwassal għal-livell storiku ta’ attività iktar għoli anki meta, skont id-dritt tal-Istat Membru, l-operatur tal-installazzjoni jista’ liberament jagħżel bejn il-perijodi ta’ referenza u huwa jagħżel perijodu ta’ referenza b’livelli storiċi ta’ attività iktar baxxi?

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/126 tal-24 ta’ Jannar 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2013/448/UE fir-rigward tal-istabbiliment ta’ fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi f’konformità mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali għal allokazzjonijiet li saru qabel l-1 ta’ Marzu 2017 għandu jiġi applikat fil-forma tiegħu tal-verżjoni inizjali tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448/UE għas-snin 2013 sal-2020 u, fil-każ ta’ allokazzjonijiet addizzjonali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet wara t-28 ta’ Frar 2017 minħabba deċiżjoni ġudizzjarja, dan għandu jiġi applikat għall-kwantitajiet kollha ta’ allokazzjonijiet addizzjonali għas-snin 2013 sal-2020 jew biss għall-allokazzjonijiet addizzjonali għas-snin 2018 sal-2020?

____________

1 ĠU 2011 L 130, p. 1.

2 ĠU 2017 L 19, p. 93.