Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel București (ir-Rumanija) fit-28 ta’ Frar 2019 – PJ vs QK

(Kawża C-195/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel București

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: PJ

Konvenut: QK

Domandi preliminari

Il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika (MKV), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2006 1 , u r-rekwiżiti fformulati fir-rapporti stabbiliti fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu għandhom natura obbligatorja għar-Rumanija?

L-Artikolu 67(1) TFUE, kif ukoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 TUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taqsima tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni li hija esklużivament kompetenti sabiex tinvestiga dwar kull tip ta’ ksur imwettaq minn imħallfin jew minn prosekuturi?

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Ewropew, kif stabbilit bis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, EU:C:1964:66, u mill-ġurisprudenza sussegwenti stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil istituzzjoni politico-ġuridika, bħall-Curtea Constituțională a României (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Rumanija), li tikser il-prinċipju msemmi iktar ’il fuq permezz ta’ deċiżjonijiet li ma jista’ jkollhom ebda rimedju ġudizzjarju?

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU L 142M, p. 825).