Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2019 mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-537/17, De Loecker vs SEAE

(Kawża C-187/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (rappreżentanti: S. Marquardt, R. Spac, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Stéphane De Loecker

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata ;

tiċħad ir-rikors bħala infondat fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2016 li tiċħad l-ilment ta’ lment dwar fastidju psikoloġiku kontra iċ-Chief Operating Officer tas-SEAE dak iż-żmien;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa indirizzat kontra l-punti 57, 58 u 65 tas-sentenza appellata. Skont is-SEAE, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat fil-punt 65 tas-sentenza tagħha li s-SEAE ma eżegwixxix b’mod korrett is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, De Loecker vs SEAE (F 34/15) u li kiser id-dritt għal smigħ tar-rikorrent, billi naqas milli jisimgħu bħala parti mill-analiżi preliminari fil-bidu ta’ investigazzjoni amministrattiva.

F'dan il-kuntest, is-SEAE jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża, billi żnaturat il-proċedura segwita u billi injorat il-fatt li s-SEAE kien sema’ lir-rikorrent billi tah l-opportunità li jissottometti kwalunkwe prova addizzjonali mal-ilment oriġinali tiegħu, u dan qabel ma jissottometti l-fajl lill-Kummissjoni għal investigazzjoni preliminari.

Barra minn hekk, is-sentenza De Loecker vs SEAE (F-34/15) ġiet interpretata ħażin bħala li timponi obbligu fuq is-SEAE li jisma’ lir-rikorrent diġà fl-istadju tal-proċedura preliminari (punti 55 sa 57 tas-sentenza appellata).

Fl-aħħar nett, is-SEAE jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-proċedura billi ttrasponiet fil-kawża odjerna, il-konklużjonijiet tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 2017 Kerstens vs Il-Kummissjoni (T 270/16 P, iċċitata fil-punt 58 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kawża odjerna, kien hemm biss analiżi preliminari u mhux investigazzjoni amministrattiva.

____________