Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta' Ottubru 2007 - Menidiatis vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-128/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Andreas Menidiatis (Sint-Genesius-Rode, il-Belġju) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2006, li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent għall-post vakanti ta' Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni, u li tinnomina kandidat ieħor għal dan il-post;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka diversi motivi kontra d-deċiżjoni tar-rifjut tal-kandidatura tiegħu għall-post vakanti ta' Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni fil-Greċja: L-ewwel nett, huwa jqajjem l-illegalità u n-nuqqas ta' osservanza tal-proċedura ta' selezzjoni. Sussegwentement, huwa jinvoka l-illegalità u n-nuqqas ta' osservanza ta' l-avviż tal-post.

Motiv ieħor huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, ir-rikorrent iqajjem l-illegalità tat-tnaqqis fil-grad tal-post ta' Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f'Ateni u l-illegalità tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 dwar ir-regoli preċiżi għar-reklutaġġ tal-Kapijiet tar-Rappreżentanzi.

Barra minn hekk, huma invokati wkoll id-dewmien tal-pubblikazzjoni ta' l-avviż tal-post u wkoll n-nuqqas ta' motivazzjoni ta' rifjut għall-aċċess għad-dokumenti mitluba mir-rikorrent fl-ilment tiegħu. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jinvoka l-ksur tar-regoli dwar is-sistema ta' rotazzjoni tal-persunal li jokkupa postijiet 'sensittivi' u jqajjem numru ta' indizzji li jindikaw abbuż ta' poter.

____________