Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2020 – Ir-Repubblika tal-Litwanja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-541/20)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentanti: K. Dieninis, V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, R. Dzikovič, A. Kisieliauskaitė, G. Taluntytė u R. Petravičius, advokatas)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1(3) u (7) tad-Direttiva 2020/1057 1 , li jistabbilixxi r-rekwiżit li jiġu applikati r-regoli dwar il-kollokament ta’ ħaddiema għal operazzjonijiet internazzjonali (transkonfinali) ta’ trasport u ta’ kabotaġġ għall-finijiet tad-Direttiva 96/71/KE. Jekk ma huwiex possibbli li tannulla l-Artikolu 1(3) u (7) tad-Direttiva 2020/1057 mingħajr ma jinbidel is-sustanza ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika tal-Litwanja titlob li d-Direttiva 2020/1057 tiġi annullata kollha kemm hi;

tannulla l-Artikolu 1(6)(d) tar-Regolament 2020/1054 2 sa fejn l-obbligu stabbilit fih jeżiġi lill-impriżi tat-trasport jiżguraw li s-sewwieqa jirritornaw fil-post ta’ residenza tagħhom jew fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet tal-impriża kull erba’ ġimgħat. Jekk ma huwiex possibbli li tannulla din il-parti ta’ din id-dispożizzjoni, ir-Repubblika tal-Litwanja titlob li din id-dispożizzjoni tiġi annullata kollha kemm hi;

tannulla l-Artikolu 3 tar-Regolament 2020/1054 sa fejn dan jipprevedi li l-emendi magħmula għar-Regolament (KE) Nru 561/2006 għandhom jidħlu fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tar-Regolament 2020/1054 (l-20 ta’ Awwissu 2020). Jekk ma huwiex possibbli li tannulla l-Artikolu 3 tar-Regolament 2020/1054 mingħajr ma jiġu affettwati d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament, ir-Repubblika tal-Litwanja titlob li r-Regolament 2020/1054 jiġi annullat kollu kemm hu;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Litwanja tinvoka l-motivi li ġejjin:

1.    Sa fejn jipprevedi rekwiżit għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kollokament ta’ ħaddiema għal operazzjonijiet internazzjonali (transkonfinali) ta’ trasport u ta’ kabotaġġ, l-Artikolu 1(3) u (7) tad-Direttiva 2020/1057 imur kontra:

1.1    il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-allokazzjoni selettiva ta’ operazzjonijiet tat-trasport ma hijiex iġġustifikata u twassal għal standards doppji ta’ remunerazzjoni għal ħaddiema li jaħdmu għall-istess impriża, minkejja li n-natura tax-xogħol tagħhom hija l-istess. Konsegwentement, ir-regoli tal-kollokament kienu ġew stabbiliti fl-assenza ta’ kriterji oġġettivi, bi ksur tal-prinċipju ta’ “paga ugwali għal xogħol ugwali” u bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

1.2    il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (i) stabbilixxew arranġamenti ta’ remunerazzjoni differenti għal sewwieqa li jwettqu l-istess xogħol; (ii) naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-operazzjonijiet tat-trasport internazzjonali; (iii) naqsu milli jqisu l-livell eċċezzjonalment għoli ta’ mobbiltà ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tat-trasport internazzjonali; (iv) imponew, permezz tal-kriterji li stabbilixxew, oneru amministrattiv kbir b’mod mhux iġġustifikat fuq impriżi żgħar u ta’ daqs medju, u b’hekk wettqu żball manifest u adottaw miżura li hija sproporzjonata għall-għan imfittex;

il-prinċipji ta’ proċedura leġiżlattiva tajba, peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kellhom iwettqu evalwazzjoni tal-impatt tad-dispożizzjonijiet ikkontestati jew jipprovdu ġustifikazzjoni għalfejn tali evalwazzjoni ma kinitx meħtieġa.

2.    L-Artikolu 1(6)(d) tar-Regolament 2020/1054, li jimponi l-obbligu għall-impriżi tat-trasport li jiżguraw li s-sewwieqa tagħhom jirritornaw fil-post ta’ residenza tagħhom jew fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet tal-impriża kull erba’ ġimgħat, imur kontra:

2.1    l-Artikolu 45 TFUE, peress li l-obbligu impost fuq is-sewwieqa li jirritornaw fil-post ta’ residenza tagħhom jew fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet tal-impriża, mingħajr ebda possibbiltà għalihom li jagħżlu huma nnifishom fejn jixtiequ jqattgħu ż-żmien ta’ mistrieħ tagħhom, jikser il-libertà ta’ moviment tagħhom bħala ħaddiema;

2.2    l-Artikolu 26 TFUE u l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, peress li l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa ristrett u dawk li jaħdmu għal impriżi tat-trasport fi Stati Membri fil-periferiċi huma suġġetti għal diskriminazzjoni billi huma obbligati jirritornaw fil-post ta’ residenza tagħhom jew fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet tal-impriża sabiex jistrieħu, minħabba li dawn huma sfurzati jkopru distanzi konsiderevoli u jaħlu sinjifikattivament iktar ħin minn sewwieqa li jaħdmu għal impriżi tat-trasport fi Stat Membri li jinsabu fiċ-ċentru, u qrib taċ-ċentru, tal-Unjoni Ewropea; sabiex jimplimentaw id-dispożizzjoni dwar ir-ritorn tal-ħaddiema, l-impriżi tat-trasport fl-Istati Membri fil-periferiċi ser isibu rwieħhom f’sitwazzjoni sfavorevoli meta mqabbla ma’ dik ta’ impriżi oħra li joperaw fis-suq intern;

2.3    l-Artikolu 3(3) TUE, l-Artikoli 11 u 191 TFUE u l-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima, peress li r-rekwiżit li jiġi żgurat ir-ritorn obbligatorju tas-sewwieqa kull erba’ ġimgħat ser jikkawża żieda artifiċjali fit-traffiku fit-toroq tal-Unjoni Ewropea u fin-numru ta’ sewwieqa li jirritornaw b’karrijiet mhux imħatta, fin-numru ta’ operazzjonijiet tat-trasport oħra organizzati, fl-ammont ta’ karburanti kkonsmati u fl-emissjonijiet ta’ CO2 fl-ambjent;

2.4    il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li r-ritorn regolari obbligatorju tas-sewwieqa stabbilit permezz ta’ din id-dispożizzjoni huwa miżura li hija manifestament sproporzjonata u mhux xierqa fir-rigward tal-għan iddikjarat b’mod pubbliku li jiġu mtejba l-kundizzjonijiet ta’ mistrieħ tal-ħaddiema.

3.    L-Artikolu 3 tar-Regolament 2020/1054, li jiffissa d-data li fiha dan ir-regolament jidħol fis-seħħ (l-20 ta’ Awwissu 2020) mingħajr ma jipprevedi kwalunkwe perijodu tranżitorju, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li jeżisti obbligu immedjat ta’ applikazzjoni (i) tal-emendi magħmula lill-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 561/2006 li jipprojbixxu li l-perijodi ta’ mistrieħ jittieħdu fil-kabina tal-vettura, u (ii) tal-emendi magħmula lill-Artikolu 8(8a) tar-Regolament Nru 561/2006 dwar l-obbligu li jiġi żgurat li s-sewwieqa jirritornaw fil-post ta’ residenza tagħhom kull erba’ ġimgħat, imur kontra:

3.1    il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li, billi ffissaw it-terminu tad-dħul fis-seħħ għal 20 jum, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (i) naqsu milli jqisu l-fatt li, għal raġunijiet oġġettivi u fl-assenza ta’ perijodu tranżitorju, l-Istati Membri u t-trasportaturi ma jistgħux jadattaw irwieħhom għall-obbligi kif emendati, u (ii) ma ressqu l-ebda argument li jiġġustifika l-urġenza għad-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-obbligi l-ġodda;

3.2    l-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, peress li, meta eżaminaw il-proposta, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu jafu, bis-saħħa tal-analiżi tal-impatt u permezz ta’ sorsi oħra, li (i) l-projbizzjoni li jkun hemm ħin ta’ rqad fil-kabina matul il-perijodi kkonċernati fil-prattika ma tapplikax għall-maġġoranza tal-Istati Membri (minħabba d-disponibbiltà inadegwata ta’ akkomodazzjoni alternattiva) u għall-impriżi tat-trasport, (ii) l-obbligu li jiġi żgurat li s-sewwieqa jirritornaw fil-post ta’ residenza tagħhom jew fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet tal-impriża ser joħloq diffikultajiet prattiċi peress li r-regoli għall-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu ma humiex ċari, b’tali mod li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kellhom iressqu argumenti sabiex jiġġustifikaw l-assenza ta’ perijodu tranżitorju jew in-nuqqas ta’ posponiment tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni;

3.3    il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mhux biss kompletament naqsu milli jiġġustifikaw il-bżonn li jiġi żgurat id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni li wieħed iqatta’ l-lejl fil-kabina tal-vettura matul il-perijodi inkwistjoni u tal-obbligu li jiġi żgurat li s-sewwieqa jirritornaw fil-post ta’ residenza tagħhom iżda naqsu wkoll milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri u minn partijiet ikkonċernati dwar ostakoli oġġettivi u l-bżonn li jkun hemm perijodu tranżitorju li jippermetti adattament għar-regoli emendati.

____________

1     Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU 2020, L 249, p. 49).

2     Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi (ĠU 2020, L 249, p. 1).