Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Ottubru 2020 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-553/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-punt 6(d) tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2020/1054 tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi 1 ;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-dispożizzjoni kkontestata tar-Regolament 2020/1054 ma tistax tiġi sseparata mill-kumplament ta’ dan ir-regolament mingħajr ma tiġi emendata l-essenza tiegħu, ir-Repubblika tal-Polonja titlob li r-Regolament 2020/1054 jiġi annullat fl-intier tiegħu.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-konfront tad-dispożizzjoni kkontestata tar-Regolament 2020/1054, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka l-motivi segwenti:

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TUE), minħabba determinazzjoni arbitrarja tal-postijiet li fihom ix-xufiera huma obbligati jieħdu l-mistrieħ tagħhom.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 91(2) TFUE, minħabba adozzjoni ta’ miżuri mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-effett tagħhom fuq il-kwalità tal-ħajja u l-livell ta’ impjieg f’ċerti reġjuni, kif ukoll fuq il-funzjonament tal-infrustruttura tat-trasport;

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 94 TFUE minħabba adozzjoni ta’ miżuri mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-operaturi;

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba formulazzjoni mhux preċiża tad-dispożizzjoni u minħabba impossibbiltà li jiġu ddeterminati l-obbligi li jirriżultaw minnha;

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 TFUE u l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-eżiġenzi għall-ħarsien tal-ambjent.

Ir-Repubblika tal-Polonja b’mod partikolari ssostni li d-dispożizzjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fid-dawl tal-adozzjoni ta’ kriterji mhux xierqa li jiddeterminaw f’liema postijiet ix-xufiera għandhom jieħdu l-mistrieħ tagħhom, inkiser il-prinċipju li waqt il-perijodu ta’ mistrieħ ix-xufier jista’ jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu, liema prinċipju jirriżulta mir-Regolament Nru 561/2006. Fl-istess waqt, għat-trasportaturi bit-triq ġew imposti obbligi eċċessivi li ser ikollhom effett negattiv mhux biss fuq is-sitwazzjoni ta’ impriżi individwali, speċjalment ta’ daqs żgħir u medju, u fuq is-suq tas-servizzi tat-trasport, iżda wkoll fuq l-ambjent. L-effetti negattivi tad-dispożizzjoni kkontestata ser jinħassu b’mod partikolari minn impriżi li ġejjin minn pajjiżi li jinsabu ’l barra miċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt, is-soluzzjoni adottata ma hijiex iġġustifikata oġġettivament fid-dawl tas-sitwazzjoni tax-xufiera. Hija lanqas ma tirrifletti n-natura speċifika tas-servizzi rregolati.

____________

1 ĠU 2020, L 249, p. 1.