Language of document : ECLI:EU:T:2019:154

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

12 ta’ Marzu 2019 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Deċiżjoni 2004/258/KE – Dokument intitolat ‘Risposti għal domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE’ – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-pariri legali – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern – Interess pubbliku superjuri”

Fil-Kawża T-798/17,

Fabio De Masi, residenti f’Hamburg (il-Ġermanja),

Yanis Varoufakis, residenti f’Ateni (il-Greċja),

irrappreżentati minn A. Fischer-Lescano, professur,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn T. Filipova u F. von Lindeiner, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tas-16 ta’ Ottubru 2017 li tirrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokument tat-23 ta’ April 2015 intitolat “Risposti għal domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, F. Schalin u M. J. Costeira (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2017, ir-rikorrenti Fabio De Masi u Yanis Varoufakis, talbu lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), abbażi tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/3) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51), kif emendata bid-Deċiżjonijiet tal-BĊE 2011/342/UE tad-9 ta’ Mejju 2011 (BĊE/2011/6) (ĠU 2011, L 158, p. 37) u (UE) 2015/529 tal-BĊE tal-21 ta’ Jannar 2015 (BĊE/2015/1) (ĠU 2015, L 84, p. 64), l-aċċess għall-pariri legali esterni kollha li l-BĊE allegatament talab sabiex jeżamina d-deċiżjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Frar u tat-28 ta’ Ġunju 2015 dwar il-provvista ta’ likwidità b’urġenza mogħtija mill-Bank Ċentrali Grieg lil banek Griegi.

2        Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2017, il-BĊE informa lir-rikorrenti li huwa ma kienx talab pariri legali għall-imsemmija deċiżjonijiet. Barra minn hekk, huwa informa lir-rikorrenti bl-eżistenza ta’ parir legali estern tat-23 ta’ April 2015 intitolat “Risposti għal domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew” (iktar ’il quddiem id-“dokument inkwistjoni”).

3        Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti talbu lill-BĊE, abbażi tad-Deċiżjoni 2004/258, l-aċċess għad-dokument inkwistjoni.

4        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2017, il-BĊE irrifjuta l-aċċess għad-dokument inkwistjoni abbażi, minn naħa, tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2), tad-Deċiżjoni 2004/258 dwar il-protezzjoni tal-pariri legali, u, min-naħa l-oħra, tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess deċiżjoni, dwar il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern.

5        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw talba konfermattiva għal aċċess għad-dokument inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni 2004/258.

6        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2017, il-BĊE ikkonferma d-deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2017 li tirrifjuta l-aċċess għad-dokument inkwistjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Dan ir-rifjut ġie bbażat fuq l-istess eċċezzjonijiet bħal dawk indikati fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2017.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

8        Fit-22 ta’ Frar 2018, il-BĊE ppreżenta r-risposta tiegħu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

9        Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit-22 ta’ Marzu 2018 u fit-2 ta’ Mejju 2018.

10      Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Settembru 2018, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-BĊE, abbażi tal-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jipproduċi d-dokument inkwistjoni. Huwa rrispetta din it-talba fit-terminu stabbilit. Konformement mal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura, dan id-dokument ma ġiex ikkomunikat lir-rikorrenti.

11      Il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

12      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

13      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

14      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258 u, it-tieni, fuq il-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess deċiżjoni.

15      Preliminarjament, fir-rigward tal-kuntest ġuridiku applikabbli għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE, għandu jiġi rrilevat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE huwa ddedikat għall-prinċipju ta’ ftuħ ta’ proċess deċiżjonali tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 15(1) TFUE jippreċiża li, sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni bla ħsara għall-prinċipji u għall-kundizzjonijiet stabbiliti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE il-prinċipji ġenerali u l-limiti li, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti taċ-ċittadini, huma stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament u mill-Kunsill, li jaġixxu b’mod konformi mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, kull istituzzjoni, korp jew organu għandu jiżgura t-trasparenza tax-xogħol tiegħu u jelabora fir-regoli interni tiegħu dispożizzjonijiet partikolari dwar l-aċċess għad-dokumenti tagħhom, f’konformità mar-regoli msemmija fit-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu. Skont ir-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-BĊE u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandhom ikunu suġġetti għal dan il-paragrafu biss meta jeżerċitaw il-kompiti amministrattivi tagħhom.

16      Id-Deċiżjoni 2004/258 hija intiża, kif jindikaw il-premessi 2 u 3 tagħha, sabiex tawtorizza aċċess usa’ għad-dokumenti tal-BĊE minn dak li jeżisti taħt is-sistema tad-Deċiżjoni BĊE/1998/12 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u għall-arkivji tal-BĊE (ĠU 1999, L 110, p. 30), filwaqt li tiġi protetta l-indipendenza tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali kif ukoll il-kunfidenzjalità ta’ ċerti kwistjonijiet relatati mat-twettiq ta’ missjonijiet tal-BĊE. L-Artikolu 2(1) tad-2004/258 jagħti b’dan il-mod lil kull ċittadin tal-Unjoni u lil kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew bl-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE, bla ħsara għall-kundizzjonijiet u għal-limiti ddefiniti permezz ta’ din id-deċiżjoni.

17      Dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u f’konformità mal-premessa 4 tagħha, id-Deċiżjoni 2004/258 tipprevedi, fl-Artikolu 4 tagħha, sistema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-BĊE jirrifjuta l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar jippreġudika wieħed mill-interessi protetti mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jew fil-każ fejn dan id-dokument ikun intiż għal użu intern fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew l-awtoritajiet maħtura nazzjonali, jew li jesprimu skambju ta’ opinjonijiet bejn il-BĊE u awtoritajiet oħra u korpi kkonċernati. Peress li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess msemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258 jidderogaw għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2012, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, T-590/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:635, punt 41).

18      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-motivi invokati mir-rikorrenti insostenn tar-rikors. Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tibda dan l-eżami mit-tieni motiv.

19      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE interpreta b’mod żbaljat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258. Konsegwentement, il-BĊE kiser ukoll id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tagħhom li jirriżulta mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE flimkien tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2004/258.

20      Dan il-motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern. It-tieni parti hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern

21      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern ma hijiex applikabbli f’dan il-każ. Mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 jirriżulta li dan l-artikolu japplika unikament għad-dokumenti intiżi għal użu intern differenti mill-pariri legali. Dawn tal-aħħar huma s-suġġett ta’ eċċezzjoni oħra, dik dwar il-protezzjoni tal-pariri legali, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258. Għalhekk, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-pariri legali hija dispożizzjoni speċjali meta mqabbla mal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni ta’ dokumenti intiżi għal użu intern.

22      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni ta’ dokumenti intiżi għal użu intern ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. Minn naħa, id-dokument inkwistjoni ma huwiex ta’ natura interna. Min-naħa l-oħra, id-dokument inkwistjoni ma huwiex marbut ma’ proċedura amministrattiva, ġuridika jew leġiżlattiva li fil-kuntest tagħha huwa intiż għal użu intern bħala dokument preparatorju għad-deċiżjoni finali.

23      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix motivazzjoni suffiċjenti sabiex tiġġustifika li jeżisti preġudizzju għall-interess protett mill-eċċezzjoni dwar id-dokumenti intiżi għal użu intern. Minn naħa, l-argument ipotetiku li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax kif l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni jista’ jnaqqas l-ispazju ta’ riflessjoni tal-BĊE. Min-naħa l-oħra, l-argumenti dwar l-importanza futura tad-dokument inkwistjoni huma ineffettivi, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE”) ma nbidlitx.

24      Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

25      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, l-aċċess għal dokument redatt jew irċevut mill-BĊE intiż għal użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE, jew intiżi għal skambji ta’ opinjoni bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew l-awtoritajiet maħtura nazzjonali, huwa rrifjutat anki wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, sakemm interess pubbliku superjuri ma jkunx jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument imsemmi iktar ’il fuq.

26      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 fiha differenzi importanti meta mqabbla ma’ dik tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

27      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tippreżupponi li jintwera li l-aċċess għal dokument intiż għal użu intern jista’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni u li dan il-preġudizzju jkun gravi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C-506/08 P, EU:C:2011:496, punti 80 u 81, u tat-13 ta’ Jannar 2017, Deza vs AESK, T-189/14, EU:T:2017:4, punti 172 u 173 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħmel distinzjoni ċara abbażi tal-fatt jekk proċedura tkunx magħluqa jew le. Għalhekk, skont l-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għal protezzjoni tal-proċess deċiżjonali kull dokument stabbilit minn istituzzjoni għall-użu intern tagħha jew irċevut minn istituzzjoni u li jikkonċerna kwistjoni li dwarha din tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni. It-tieni inċiż ta’ din l-istess dispożizzjoni jipprevedi li, wara li tittieħed id-deċiżjoni, l-eċċezzjoni inkwistjoni tkopri biss id-dokumenti li jinkludu pariri intiżi għal użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C-506/08 P, EU:C:2011:496, punt 78).

29      Issa, fil-kuntest tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, il-prova ta’ preġudizzju gravi għall-proċess deċiżjonali ma hijiex meħtieġa. Bl-istess mod, dan l-artikolu ma jipprevedi ebda distinzjoni bejn id-dokumenti intiżi għal użu intern li jikkonċernaw proċedura għaddejja u dawk li jikkonċernaw proċedura magħluqa.

30      Għalhekk, ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 jippreżupponi biss li jintwera, minn naħa, li dan id-dokument huwa intiż għal użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE jew ta’ skambji ta’ opinjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati u, min-naħa l-oħra, li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument.

31      L-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 hija intiża għalhekk sabiex tipproteġi, minn naħa, spazju ta’ riflessjoni intern għall-BĊE li jippermetti skambju ta’ opinjonijiet kunfidenzjali fi ħdan il-korpi deċiżjonali tal-istituzzjoni fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari u, min-naħa l-oħra, spazju ta’ skambju kunfidenzjali bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati.

32      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dokument inkwistjoni ġie mitlub mill-BĊE mingħand konsulent legali estern u li dan id-dokument huwa intitolat “Risposti għal domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”.

33      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li fid-dokument inkwistjoni huma eżaminati s-setgħat li għandu l-Kunsill Governattiv abbażi tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, b’mod partikolari l-projbizzjonijiet, restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet li dan il-Kunsill jista’ jimponi għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet barra mis-SEBĊ minn banek ċentrali nazzjonali sa fejn dawn il-funzjonijiet jirriskjaw li jinterferixxu mal-għanijiet u l-missjonijiet tas-SEBĊ.

34      L-elementi msemmija iktar ’il fuq ma humiex kontradetti mill-kontenut tad-dokument ikkomunikat lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżura istruttorja msemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq.

35      Huwa wkoll paċifiku li, kif ġie kkonstatat fil-punti 4 u 6 iktar ’il fuq, il-BĊE irrifjuta l-aċċess għad-dokument inkwistjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, abbażi, minn naħa, tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar il-protezzjoni tal-pariri legali, u, min-naħa l-oħra, tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess deċiżjoni, dwar il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern.

36      Fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern, il-BĊE ġġustifika, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rifjut ta’ aċċess għall-motivi segwenti:

“Il-Bord Eżekuttiv jippreċiża li t-talba magħmula f’dan il-każ tirrigwarda parir legali mitlub sabiex il-korpi deċiżjonali tal-BĊE jingħataw informazzjoni legali aħjar fid-dawl tad-diskussjonijiet u riflessjonijiet interni tagħhom u li bħala tali, dan il-parir huwa wkoll protett mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni [2004/258] […]

Peress li l-parir legali kien intiż sabiex jipprovdi perizja legali li tippermetti li jiġi ppreċiżat il-kuntest ġuridiku, li jarrikkixxi r-riflessjonijiet interni tal-korpi deċiżjonali u jissostanzja d-deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet dwar il-[provvista ta’ likwidità b’urġenza], mhux biss fl-2015 iżda wkoll f’okkażjonijiet futuri. Bħala tali, il-parir legali huwa utli għal kull eżami attwali jew futur ta’ sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 14.4 [tal-protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE] […]

Il-Bord jissottoskrivi l-perspettiva tad-direttur tas-segretarju ġenerali, skont liema l-iżvelar tad-dokument jimmina l-possibbiltà ta’ diskussjoni effettiva, informali u kunfidenzjali bejn il-membri tal-korpi deċiżjonali u, konsegwentement, jillimita l-‘ispazju ta’ riflessjoni’ tal-BĊE. Barra mill-kuntest tiegħu jew ikkunsidrat b’mod iżolat, dan il-parir legali jista’ potenzjalment jippreġudika l-indipendenza tal-membri tal-Kunsill Governattiv, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 130 TFUE; dan japplika b’mod partikolari f’kuntest ta’ [banek ċentrali nazzjonali] li joffru jew ikollhom intenzjoni li joffru [provvista ta’ likwidità b’urġenza] jew li jiżguraw funzjonijiet nazzjonali oħra.”

37      Minn dan jirriżulta li d-dokument inkwistjoni kien jinkludi r-risposta ta’ konsulent estern għal parir legali li kien intalab mingħandu mill-BĊE u li l-BĊE qies li dan id-dokument kien intiż sabiex jipprovdi lill-korpi deċiżjonali tiegħu “informazzjonali legali aħjar” u “appoġġ” fid-dawl tad-diskussjonijiet tagħhom u riflessjonijiet interni u preliminari dwar id-deċiżjonijiet li l-Kunsill Governattiv għandu jieħu, skont l-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, matul is-sena 2015 u sussegwentement.

38      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE jipprovdi:

“Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jwettqu funzjonijiet oħra li ma jkunux dawk indikati f’dan [il-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE] kemm-il darba l-Kunsill Regolatorju ma jiddeċidiex, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti, li dawn ikunu qed ifixklu l-għanijiet u l-kompiti tas-SEBĊ. Dawn il-funzjonijiet jinvolvu responsabbiltà u l-obbligi tal-banek ċentrali nazzjonali u m’għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet tas-SEBĊ.”

39      Għalhekk, minn dan l-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE jirriżulta li l-Kunsill Governattiv tal-BĊE huwa l-organu kompetenti b’mod partikolari sabiex jillimita l-provvista ta’ likwidità b’urġenza minn bank ċentrali nazzjonali, sa fejn huwa kkunsidrat li din il-provvista tinterferixxi mal-għanijiet u l-missjonijiet tas-SEBĊ.

40      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 10.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, il-laqgħat tal-Kunsill Governattiv huma kunfidenzjali u huwa biss dan il-Kunsill li jista’ jiddeċiedi li jrendi pubbliku r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu.

41      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE seta’ ġustament jikkunsidra li d-dokument inkwistjoni kien dokument intiż għal użu intern fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, sa fejn hija kkunsidrat li dan id-dokument kien intiż li jagħti informazzjoni u appoġġ għad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE.

42      L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

43      Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud mill-ewwel l-argument tar-rikorrenti li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma hijiex applikabbli għad-dokument inkwistjoni, peress li dan kien parir legali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-pariri legali, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-deċiżjoni. Din l-affermazzjoni ma hija sostnuta la mill-formulazzjoni u lanqas mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

44      Minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-BĊE, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ta’ talba ta’ aċċess għal dokumenti li hija għandha, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni diversi motivi għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C-404/10 P, EU:C:2012:393, punt 113, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Il-Kunsill vs in’t Veld, C-350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Għalhekk, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-eċċezzjonijiet li mmotivaw ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokument inkwistjoni, jiġifieri l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-pariri legali u l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern, jikkostitwixxu kull waħda minnhom motivi ta’ rifjut awtonomi, peress li l-ewwel waħda ma hijiex lex specialis meta mqabbla mat-tieni waħda.

46      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 jirriżulta li l-eċċezzjoni prevista tirreferi għad-dokumenti redatti jew irċevuti mill-BĊE intiżi għal użu intern jew intiżi għal skambji ta’ opinjonijiet bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali, indipendentement mill-fatt jekk jinkludux jew le pariri legali.

47      Għaldaqstant, huwa indifferenti, għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, li d-dokument inkwistjoni jista’ wkoll jiġi kkwalifikat bħala parir legali. Għandu jiġi nnotat ukoll li, dwar dan il-punt, ir-rikorrenti jikkontraduċu ruħhom, peress li jsostnu huma stess, fir-rikors, li d-dokument inkwistjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala parir legali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258.

48      Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-kundizzjonijiet previsti mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma humiex issodisfatti, peress li d-dokument inkwistjoni, minn naħa, ma huwiex ta’ natura interna u, min-naħa l-oħra, ma huwiex marbut ma’ proċedura konkreta.

49      Kif isostni l-BĊE, ma huwiex sostnut fid-deċiżjoni kkontestata li d-dokument inkwistjoni huwa dokument intern, iżda li dan id-dokument huwa intiż għal użu intern. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li d-dokument inkwistjoni ntalab mingħand konsulent estern sabiex jipprovdi perizja legali intiża sabiex tarrikkixxi r-riflessjonijiet interni tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE u tagħti appoġġ għad-deliberazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet tiegħu (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

50      Barra minn hekk, id-dokument inkwistjoni ma huwiex, ċertament, marbut ma’ proċedura konkreta u, konsegwentement, ma jikkostitwixxix dokument li abbażi tiegħu l-BĊE ħa pożizzjoni f’każ konkret b’mod definittiv. Madankollu, kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni kkontestata, dan id-dokument huwa intiż sabiex jagħti, b’mod ġenerali, appoġġ għad-deliberazzjonijiet li l-Kunsill Governattiv huwa mitlub jieħu abbażi tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, matul is-sena 2015 u sussegwentement. Għaldaqstant, dan id-dokument huwa dokument preparatorju, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ eventwali deċiżjonijiet tal-korpi tal-BĊE.

51      Barra minn hekk, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punti 25 sa 31 iktar ’il fuq, li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma jeħtieġx li l-BĊE juri li l-iżvelar tad-dokument iwassal għal preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali tiegħu. Għalhekk, il-fatt li d-dokument inkwistjoni ma huwiex marbut ma’ proċedura konkreta ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-dokument inkwistjoni ma kienx intiż għal użu intern fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet u tal-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258.

53      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, EU:C:2001:178, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Marzu 2017, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T-210/15, EU:T:2017:224, punt 87).

54      Barra minn hekk, għandu jiġi rikonoxxut li l-BĊE għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-interess pubbliku dwar il-protezzjoni ta’ dokumenti intiżi għal użu intern setax jiġi mminat mill-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab fid-dokument inkwistjoni. Għalhekk, l-istħarriġ ta’ legalità mill-qorti tal-Unjoni f’dan ir-rigward għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-Regoli tal-Proċedura u tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein vs BĊE, T‑376/13, EU:T:2015:361, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, minħabba l-istħarriġ limitat tal-qorti tal-Unjoni, l-osservanza tal-obbligu tal-BĊE li jimmotiva suffiċjentement id-deċiżjonijiet tiegħu hija ta’ importanza jerġa’ iktar fundamentali. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein vs BĊE, T-376/13, EU:T:2015:361, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li d-dokument inkwistjoni kien dokument intiż għal użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari tal-Kunsill Governattiv. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-dokument inkwistjoni kien intalab mingħand konsulent estern għall-arrikkiment tar-riflessjonijiet u sabiex jagħti appoġġ għad-deliberazzjonijiet li l-Kunsill Governattiv kellu jieħu abbażi tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE matul is-sena 2015 u sussegwentement. Skont il-BĊE, l-iżvelar tad-dokument, “jimmina l-possibbiltà ta’ diskussjoni effettiva, informali u kunfidenzjali bejn il-membri tal-korpi deċiżjonali u, konsegwentement, jillimita l-‘ispazju ta’ riflessjoni’ tal-BĊE”. Barra minn hekk, l-iżvelar tal-dokument inkwistjoni, sa fejn dan huwa iżolat mill-kuntest tiegħu, jirriskja li jimmina l-indipendenza tal-membri tal-Kunsill Governattiv, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 130 TFUE (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

56      Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex nieqsa minn elementi konkreti, li jindikaw b’mod partikolari n-natura tad-dokument inkwistjoni, il-funzjoni tiegħu u l-għan tiegħu fi ħdan il-BĊE kif ukoll ir-riskji li jippreżenta l-iżvelar tiegħu.

57      Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ motivazzjoni bl-ebda mod ma jopponi lill-BĊE milli jibbaża ruħu fuq kunsiderazzjonijiet li jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ipotetiċi li l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni jista’ jkollu fuq l-ispazju ta’ riflessjoni tal-BĊE. Fil-fatt, minn naħa, ir-raġunament imsemmi iktar ’il quddiem huwa suffiċjentement konkret sabiex jippermetti lir-rikorrenti jikkontestaw il-fondatezza tiegħu u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Min-naħa l-oħra, kif jinvoka l-BĊE, l-assenza ta’ motivazzjoni iktar iddettaljata hija ġġustifikata mill-ħsieb li ma tiġix żvelata informazzjoni li l-protezzjoni tagħha hija msemmija fl-eċċezzjoni invokata (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein vs BĊE, T-376/13, EU:T:2015:361, punt 55).

58      Għalhekk, il-BĊE issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, sa fejn dan l-ilment jirreferi għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu rekwiżit proċedurali essenzjali, huwa għandu jiġi miċħud.

59      Barra minn hekk, sa fejn l-argument tar-rikorrenti huwa intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 41 iktar ’il fuq, il-motivi indikati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kien dokument intiż għal użu intern fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma kinux jidhru li huma vvizzjati bi żball.

60      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-BĊE seta’ ġustament jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti ipotetiċi li l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni seta’ joħloq fuq l-ispazju ta’ riflessjoni tal-BĊE matul is-sena 2015 u wkoll fil-perijodu sussegwenti għall-2015, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE ma kinitx inbidlet, b’mod li d-dokument inkwistjoni iżomm l-utilità tiegħu.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi mwarrba l-ewwel parti tat-tieni motiv.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni

62      Ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk il-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 kienu ssodisfatti, xorta jibqa’ l-fatt li kien jeżisti interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-dokument inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, l-ewwel nett, dan l-interess pubbliku superjuri jirriżulta b’mod ġenerali, mill-fatt li ċ-ċittadini għandhom bi prinċipju interess li jivverifikaw il-legalità tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2004/258, trasparenza ikbar tippermetti parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali u ssaħħaħ il-leġittimità, l-effettività u r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni. It-tieni nett, dan l-interess pubbliku superjuri jirriżulta, b’mod partikolari, mill-interess li jkun magħruf sa fejn il-BĊE ibbilanċja diversi għanijiet meta wasal għall-ftehim dwar il-provvista ta’ likwidità b’urġenza tas-17 ta’ Mejju 2017 u kif l-esperti legali tiegħu interpretaw il-kuntest ġuridiku relatat miegħu. It-tielet nett, il-BĊE wettaq żball ta’ liġi meta bbilanċja l-interessi kkonċernati, peress li bbaża ruħu fuq il-premessa żbaljata tas-supremazija tal-interess għall-kunfidenzjalità. B’mod partikolari mill-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni vs Breyer (C‑213/15 P, EU:C:2017:563), jirriżulta li bbilanċjar tal-interess huwa neċessarju, indipendentement mill-fatt li d-dokument li ntalab l-aċċess għalih jikkonċerna l-attivitajiet amministrattivi tal-istituzzjoni jew il-qasam prinċipali ta’ attività.

63      Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

64      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-ipoteżi msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, huwa l-BĊE li għandu jipprovdi spjegazzjonijiet dwar il-kwistjoni ta’ jekk jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika madankollu l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C-39/05 P u C-52/05 P, EU:C:2008:374, punt 49, u tat-12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il-Kunsill, T-331/11, mhux ippubblikat, EU:T:2013:419, punt 96).

65      B’mod partikolari, is-sistema ta’ eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 hija bbażata fuq ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li huma favoriti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li huma mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda fuq talba għal aċċess tad-dokumenti tiddependi fuq il-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevalixxi fil-każ ineżami (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C-514/11 P u C-605/11 P, EU:C:2013:738, punt 42).

66      Filwaqt li hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tibbilanċja interessi diverġenti, hija r-rikorrenti li għandha tinvoka b’mod konkret ċirkustanzi li huma ta’ bażi għal tali interess pubbliku superjuri. L-espożizzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ġenerali ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li interess pubbliku superjuri huwa superjuri għar-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Herbert Smith Freehills vs Il-Kummissjoni, T-755/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:482, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE qies li ma kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-BĊE ippreċiża, l-ewwel nett, li l-interess invokat mir-rikorrenti, jiġifieri d-dritt taċ-ċittadini li jivverifikaw il-legalità tal-miżuri adottati mill-BĊE, anki fl-ipoteżi li huwa ta’ interess pubbliku, ma huwiex superjuri għall-interessi protetti mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni ta’ dokumenti intiżi għal użu intern. It-tieni nett, l-interess pubbliku huwa servit b’mod iktar effettiv f’dan il-każ mill-protezzjoni tal-konsultazzjonijiet u tad-deliberazzjonijiet interni tal-BĊE, peress li din il-protezzjoni kienet neċessarja sabiex tiggarantixxi l-kapaċità tal-BĊE li twettaq il-funzjonijiet tagħha. It-tielet nett, id-dokument inkwistjoni ma għandux bħala suġġett deċiżjoni konkreta tal-BĊE u ma jaffettwax il-legalità tal-atti tiegħu. Ir-raba’ nett, hija biss il-qorti tal-Unjoni li hija kompetenti sabiex teżamina l-legalità tal-atti tal-BĊE.

68      L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi kkontestata din l-evalwazzjoni.

69      Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegata trasparenza ikbar li tirriżulta mill-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2004/258. Kif jirriżulta minn qari konġunt tal-premessi 1 sa 3 tad-Deċiżjoni 2004/258, aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u għall-arkivji tal-BĊE msemmi f’din id-deċiżjoni għandu jiġi kkonċiljat mal-ħtieġa li tiġi protetta l-indipendenza tal-BĊE kif ukoll il-kunfidenzjalità ta’ ċerti kwistjonijiet relatati mat-twettiq ta’ missjonijiet tiegħu (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

70      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interess taċ-ċittadini li jivverifikaw il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq, kunsiderazzjoni daqstant ġenerali ma tistax tkun ta’ natura li tistabbilixxi li l-prinċipju ta’ trasparenza għandu, f’dan il-każ, intensità partikolari li tista’ tirbaħ fuq il-motivi li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokument inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Herbert Smith Freehills vs Il-Kummissjoni, T-755/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:482, punt 74).

71      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-interess li jkun magħruf sa fejn il-BĊE kien ibbilanċja diversi għanijiet meta wasal għall-ftehim dwar il-provvista ta’ likwidità b’urġenza tas-17 ta’ Mejju 2017 u kif l-esperti legali tiegħu interpretaw il-kuntest ġuridiku relatat miegħu, għandu jiġi kkunsidrat li tali interess, anki jekk jiġi kkunsidrat li għandu natura pubblika, ma huwiex muri f’dan il-każ. Kif isostni l-BĊE, il-ftehim u d-dokument inkwistjoni ġew adottati f’dati ’l bogħod ħafna fiż-żmien u dan tal-aħħar jikkonċerna mhux il-provvista ta’ likwidità b’urġenza, iżda kwistjonijiet ġenerali marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE. F’dan il-kuntest, ma huwiex muri li d-dokument inkwistjoni kellu rabta diretta mal-ftehim dwar il-provvista ta’ likwidità b’urġenza.

72      Fi kwalunkwe każ, l-interess ta’ aċċess għad-dokument inkwistjoni bħala allegatament dokument preparatorju għall-ftehim dwar il-provvista ta’ likwidità b’urġenza ma jistax jirbaħ fuq l-interess pubbliku li hija bbażata fuqu l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, jiġifieri l-interess pubbliku li jikkonċerna l-protezzjoni, minn naħa, ta’ spazju ta’ riflessjoni intern għall-BĊE li jippermetti skambju ta’ opinjonijiet kunfidenzjali fi ħdan korpi deċiżjonali tal-istituzzjoni fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet tiegħu u tal-konsultazzjonijiet preliminari tiegħu u, min-naħa l-oħra, ta’ spazju ta’ skambju ta’ opinjoni kunfidenzjali bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati. Barra minn hekk, peress li l-ftehim dwar il-provvista ta’ likwidità b’urġenza huwa dokument pubbliku, ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jeżaminawh għall-finijiet tal-verifika tal-ibbilanċjar tad-diversi għanijiet intiżi u l-interpretazzjoni tal-kuntest ġuridiku marbut miegħu li ġew ikkunsidrati mill-BĊE fil-formulazzjoni tiegħu.

73      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

74      Peress li l-BĊE seta’, ġustament, jibbaża r-rifjut tiegħu li jagħti aċċess għad-dokument inkwistjoni fuq l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat l-ewwel motiv li jikkonċerna l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-deċiżjoni.

75      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

76      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

77      Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-BĊE.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Fabio De Masi u Yanis Varoufakis għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

Prek

Schalin

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Marzu 2019.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.