Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Kiel (il-Ġermanja) fit-12 ta’ Ottubru 2018 – KH vs Sparkasse Südholstein

(Kawża C-639/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Kiel

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: KH

Konvenuta: Sparkasse Südholstein

Domandi preliminari

Kuntratt ta’ self eżistenti li huwa emendat biss fir-rigward tal-ammont tar-rata tal-interessi miftehma (ftehim ta’ emenda tar-rata tal-interessi) jikkostitwixxi kuntratt “[konkluż] taħt skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65/KE 1 , meta bank li għandu numru ta’ fergħat jikkonkludi kuntratti ta’ self għall-finanzjament ta’ proprjetà immobbli li huma ggarantiti permezz ta’ titoli ta’ proprjetà immobbli unikament fl-aġenziji tiegħu, iżda li fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kummerċjali kuntrattwali kontinwi, kultant jikkonkludi kuntratti li jemendaw kuntratti ta’ self diġà konklużi biss permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod?

Il-kunċett ta’ “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65/KE, jinkludi l-emenda ta’ kuntratt ta’ self eżistenti, meta din l-emenda tirrigwarda biss ir-rata tal-interessi maqbula (ftehim ta’ emenda tar-rata tal-interessi) mingħajr ma testendi t-tul ta’ self jew temenda l-ammont tas-self?

____________

1     Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321 u r-rettifika fil-ĠU 2013, L 228,p. 14).