Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd de Bratislava (is-Slovakkja) fit-22 ta’ Frar 2019 – Proċeduri kriminali kontra R.B.

(Kawża C-149/19)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Okresný súd de Bratislava V

Partijiet fil-proċeduri kriminali nazzjonali

R.B.

Domandi preliminari

L-attitudni tal-awtoritajiet nazzjonali li ma jipprovdux lil persuna suġġetta għal arrest, f’forma bil-miktub matul id-detenzjoni tagħha, l-informazzjoni kollha (jiġifieri l-informazzjoni kompleta) fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2012/13/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2012/13/UE”) (u b’mod partikolari li ma jiggarantixxux id-dritt ta’ aċċess għall-proċess) u li ma jippermettux li jiġi kkontestat, konformement mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13/UE, il-fatt li l-informazzjoni kollha ma tkunx ġiet ipprovduta hija konformi mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, kif ukoll mad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48(2) tal-Karta u mad-dritt għal smigħ xieraq fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta? Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu effett fuq il-legalità taċ-ċaħda tal-libertà li tirriżulta mit-tqegħid f’detenzjoni tal-persuna arrestata u fuq iż-żamma tagħha f’detenzjoni, ikun liema jkun l-istadju tal-proċedura kriminali?

Dispożizzjoni ta’ liġi interna, bħall-Artikolu 172(4) tat-Trestný zákon (il-Liġi Kriminali Slovakka) li jissanzjona l-kummerċ illeċitu ta’ drogi, li ma tippermettix lill-qorti timponi piena ta’ priġunerija li tkun inqas minn 20 sena, mingħajr il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-piena, hija konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI 2 tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi, mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fis-sens tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “TFUE”), mal-Artikoli 82 u 83 TFUE, mad-dritt għal proċedura ġudizzjarja xierqa, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, mad-dritt għal piena proporzjonata, iggarantit mill-Artikolu 49(3) tal-Karta, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mal-prinċipju ta’ uniformità, ta’ effettività u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni? Ir-risposta għal din id-domanda hija influwenzata mill-fatt li l-kummerċ illeċitu ta’ drogi ma jkunx twettaq minn organizzazzjoni kriminali fis-sens tad-dritt tal-Unjoni?

____________

1     ĠU 2012, L 142, p. 1.

2     ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 94.